Massimiljanu Kolbe
Massimiljanu Marija Kolbe (Maksymilian Maria Kolbe; Zdunska-Wola, Polonja, 7 ta’ Jannar 1894 - Auschwitz, Polonja, 14 ta' Awwissu 1941), imwieled bl-isem ta’ Rajmond Kolbe, kien patri Franġiskan Konventwali li ta ħajtu għal priġunier ieħor f'kamp ta' konċentrament Nażista.
Massimiljanu Kolbe | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Rajmund Kolbe |
Twelid | Zduńska Wola (en) , 8 Jannar 1894 |
Nazzjonalità |
Imperu Russu Second Polish Republic (en) |
Mewt | Auschwitz, 14 Awwissu 1941 |
Post tad-dfin | Auschwitz |
Kawża tal-mewt | omiċidju (lethal injection (en) ) |
Familja | |
Omm | Marianna Dąbrowska Kolbe |
Edukazzjoni | |
Alma mater | Pontifical Gregorian University (en) |
Livell tal-edukazzjoni | doctor of philosophy (en) |
Lingwi |
Pollak Ġappuniż Taljan Esperanto |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
ġellied tar-reżistenza patri operatur tar-radju dilettant predikatur confessor (en) teologu newspaper proprietor (en) pubblikatur kittieb Roman Catholic cleric (en) pastor (en) reliġjuż Esperantista mystic (en) |
Premjijiet | |
Festa | |
14 ta' Awwissu |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Tfulija
immodifikaBin Julius u Maria mwielda Dabrowska, Rajmond kien it-tieni wild minn ħamsa. Il-familja Kolbe ma kinitx sinjura u għalhekk kellhom jitilqu minn Zduska Wola għal Pabjanice bit-tama ta' futur ahjar.
Fi tfulitu Rajmondu kien daqxejn waħda mqareb. Darba għamel xi praspura u ommu b’ton aħrax qaltlu: "Int ma nafx x'għad isir minnek!" Dal-kliem ta' ommu ċaqilqu minn ġewwa u mar jitlob quddiem statwa tal-Madonnna: "Madonna, ommi ma tafx x’għad isir minni". Jingħad li l-Madonna weġbitu b’dan il-mod: dehritlu b'żewġ kuruni f'idejha: waħda ħamra (martirju) u waħda bajda (safa). Marija stednitu jagħżel waħda minnhom u hu għażilhom it-tnejn. Iżjed tard Massimiljanu kiteb: "Irrid nsir qaddis, qaddis kbir. Kulħadd jista’ jsir qaddis basta jkun irid".
Jidħol mal-Franġiskani
immodifikaFl-1907, Rajmond u ħuh Franġisku qasmu l-fruntiera u marru f’Leopoli, l-Awstrija biex jistudjaw fil-Kulleġġ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Fl-1910 Rajmond beda n-novizzjat magħhom, u fl-istess waqt bidel ismu f’Massimiljanu. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża.
Fl-1912 intbagħat Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija. Fir-Reġistri tal-Kulleġġ f'Ruma nsibu dan il-kumment fuqu: "Massimiljanu Kolbe: żagħżugħ qaddis".
Fl-1914 għamel il-professjoni solenni tiegħu, u b’qima lejn il-Madonna żied l-isem “Marija” ma’ Massimiljanu.
Devozzjoni Marjana
immodifikaWaqt li kien Ruma għall-istudju, Massimiljanu, ra għaddejja dimostrazzjoni tal-Mażuni. Dawn kellhom standard li fuqu kien hemm xbiha ta' San Mikiel mirbuħ mix-Xitan. Il-Mażuni għajtu kliem ta' dagħa lejn it-tieqa tal-Papa u nstemgħu jgħidu li x-xitan għad isaltan fil-Vatikan u l-Papa għad ikollu jaqdih. Kien b'reazzjoni għal dan li fl-1917, flimkien ma’ sitta minn sħabu waqqaf il-"Pija Unjoni tal-Milizzja tal-Immakulata". Kien jemmen li “Hemm bżonn li l-Immakulata tidħol fil-qalb ta' kull bniedem u dan sabiex tkun Hi li hemm twaqqaf it-tron tal-Iben t’Alla.”
Kien iħobb jgħid: "Min għandu lil Marija bħala ommu, għandu lil Ġesù bħala ħuh."
Fit-28 ta’ April 1918, ġie ordnat saċerdot fil-Knisja ta' Sant'Andrea della Valle, f'Ruma.
Kolbe marad serjament bit-tuberkolozi, marda li kompliet tagħtih problemi tul ħajtu kollha.
"Belt tal-Immakulata" fil-Polonja
immodifikaFl-1919, malli ħa l-lawrija fit-teoloġija telaq lejn Krakovja fil-Polonja. It-tobba iddikrawh inkurabbli mit-tuberkolożi. Pulmun minnhom niexef u l-ieħor mimsus ukoll mil-marda. Iżda dan ma qatalux qalbu.
Fil-Polonja wkoll beda l-Milizzja tal-Immakulata. U fl-1922 beda joħroġ rivista, "Il-Kavallier tal-Immakulata", u wara rivista oħra għat-tfal, "Il-Kavallier Ċkejken". Il-kunvent fejn kien jgħix, fi Grondo, inbidel fi stamperija u r-rivista kienet suċċess kbir tant li laħqet is-70,000 kopja.
Kolbe ried jibni kunvent u jiddedikah lill-Immakulata. Mhux kunvent biss imma belt. Hekk il-patrijiet ħallew Grondo u bdew jibnu kunvent ġdid qrib Varsavja. Fl-1927, dan semmewh Niepokalanov, li jfisser Belt tal-Immakulata. Fi ftit snin Niepokalanov sar l-ikbar kunvent ta' patrijiet fid-dinja. Fl-1930, din il-belt kellha: kulleġġ, sptar, stamperija, stazzjon tar-radju, laboratorju għall-mastrudaxxi u ħajjata.
Fl-1939, Niepokalanov kellha 762 ruħ: 13-il sacerdot, 18-il novizz, 527 patri, 122 żagħżugħ fis-seminarju Minuri u 82 kandidat għas-saċerdozju.
Il-patrijiet kienu wkoll tobba, dentisti, bdiewa, mekkaniks, ħajjata, bennejja, skrapan, stampaturi u ġurnalisti. Il-kunvent enormi kien iżomm fuq saqajh bil-ħidma tal-patrijiet. "Il-Kavallier tal-Immakulata" issa tela' għal 750,000 kopja fix-xahar.
"Il-jum mimli xogħol. In-numru tal-qarrejja dejjem jiżdied. M'għandix żmien biex nimrad. Imma xi drabi l-ħmura ta' wiċċi turi d-deni li jkolli fuqi."
Il-Missjoni tal-Ġappun
immodifikaFl-1930, minkejja li kien marid, flimkien ma’ erba’ reliġjużi oħra mar il-Ġappun, f’Nagasaki. Hawn ukoll beda joħroġ ir-rivista ta' "Il-Kavallier tal-Immakulata", bil-Ġappuniż. Waqqaf kunvent iddedikat lill-Immakulata li semmieh Mugenzai no sono, il-Ġnien tal-Immakulata. Fil-Ġappun huwa ma ppruvax jimponi l-ideat reliġjużi tiegħu u l-kultura Ewropea, iżda daħal fi djalogu mal-Buddisti u rnexxielu jsir ħabib ta' xi uħud minnhom.
Massimiljanu Kolbe żar Malabar, fl-Indja, kif ukoll is-Siberja u Moska, dejjem bix-xewqa li jwassal il-messaġġ Nisrani.
Fl-1936, reġa’ lura lejn art twelidu minħabba saħħtu.
L-Arrest
immodifikaFl-1939 faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, u l-armata Nażista ma damitx ma qabżet il-fruntiera u daħlet fil-Polonja.
Fit-13 ta' Settembru 1939, il-kunvent ta' Niepokalanov kien okkupat min-Nażisti u l-patrijiet ittieħdu l-Ġermanja. Fosthom kien hemm Patri Kolbe, li iżda nħeles fit-8 ta' Diċembru. Lura f'Niepokalanov, huwa biddel il-kunvent f’rifuġju għal 3,000 Pollakk, li 2,000 minnhom kienu Lhud.
Fiż-17 ta’ Frar 1941 ġie arrestat u ttieħed f'ħabs fi Pawiak, f’Varsavja, fejn kontra qalbu kellu jinża l-libsa Frangiskana u flokha jilbes l-uniformi tal-priġunieri.
Fit-28 ta’ Mejju 1941 ħaduh fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz, fejn fl-ifran tiegħu nħarqu iktar minn ħames miljun ruħ. Hemm, Patri Kolbe sar numru: 16670. Il-Kmandant Krott kien jagħtih xogħol iebes iktar minn ħaddieħor. Darba, għabbieh b’tagħbija tqila u ġiegħlu jiġri biha. Huwa ma felaħx u waqa' bit-tagħbija. Krott qabad isawtu sakemm tilfu minn sensieh.
F’Lulju, Kolbe ntbagħat fil-kamp tal-invalidi, fi Blokk 14.
Jagħti ħajtu għal priġunier ieħor
immodifikaĠara li wieħed mill-priġunieri ħarab u skond il-liġi kiefra tal-kamp, għaxar priġunieri mill-istess blokk tiegħu kellhom jiġu maqtula bil-ġuħ fiċ-ċella tal-mewt.
Is-surġent Franġisk Gajowniczek meta ġie magħżul biex ikun wieħed mill-għaxra għajjat: "Għażiża marti miniex ser narak iżjed! Għeżież uliedi li llum ser issiru ltiema minn missierkom, insellmilkom darba għal dejjem!" Għal dan il-kliem Patri Kolbe ħareġ mil-linja tiegħu, neħħa l-berritta minn rasu, mar quddiem il-kmandant u waqt li wera b’idejh is-surġent, qallu: ”Jiena saċerdot kattoliku mill-Polonja; jiena xiħ; għalhekk irrid nieħu postu għax hu għandu l-mara u t-tfal”.
Patri Kolbe u d-disgħa l-oħra ġew imneżżgħin minn ħwejjiġhom u mitfugħin f’bunker fi Blokk 11, biex imutu bla ikel u bla xorb. Mill-bunker kien jinstema' kuljum talb u kant. Kolbe rnexxielu jibdel iċ-ċella tal-infern f’kappella.
Wara ġimgħatejn, sitta kienu mietu, tlieta kienu mitlufin minn sensihom u Patri Kolbe biss kien għadu ħaj u f’sensih. Temmewlu ħajtu b’injezzjoni tal-velenu. Lil Hans Boch, li tah l-injezzjoni qallu: "Int ma fhimt xejn mill-ħajja..." u filwaqt li dan ħares lejh mistagħġeb, Kolbe ssokta: "...il-mibegħda ma tiswa għalxejn... L-imħabba biss toħloq". L-aħħar kliem tiegħu, b'idu miftuħa, kien: "Ave Maria!". Dakinhar kien l-14 ta’ Awissu 1941.
Jirrakonta wieħed mill-gwardji tal-kamp, Borgoviec: “Mitluf fit-talb, newwel driegħu lill-bojja. Jien ma flaħtx u tlaqt 'il barra. Mort lura iktar tard u sibtu hemm bilqiegħda, mistrieħ mal-ħajt u rasu mmejla lejn ix-xellug. Għajnejh miftuħa beraħ iħarsu ‘l fuq”.
Iddikjarat qaddis
immodifikaFis-17 t’Ottubru 1971, Massimiljan Kolbe ġie ddikjarat Beatu minn Papa Pawlu VI.
Fl-10 ta’ Ottubru 1982, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Qaddis u Martri tal-imħabba u “patrun ta' dan is-seklu diffiċli”, għax “imħabba akbar minn din m'hemmx, milli wieħed jagħti hajtu għal ħbiebu”.
Huwa l-qaddis patrun ta' dawk li għandhom problema tad-droga, tal-priġunieri politiċi, tal-familiji, tal-ġurnalisti, u tal-moviment favur il-ħajja.