Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Finlandja

lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Finlandja

Is-Siti ta' Wirt Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) huma postijiet b'importanza kulturali jew naturali, kif deskritt fil-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, li ġiet stabbilita fl-1972.[1] Il-wirt kulturali jikkonsisti minn monumenti (bħal xogħlijiet arkitettoniċi, skulturi monumentali, jew inċiżjonijiet), gruppi ta' binjiet, u siti (fosthom siti arkeoloġiċi). Il-wirt naturali jinkludi karatteristiċi naturali (li jikkonsistu minn formazzjonijiet fiżiċi u bijoloġiċi), ġeoloġiċi u fiżjografiċi (inkluż il-ħabitats ta' speċijiet mhedda ta' annimali u pjanti), u siti naturali li huma importanti mill-puntdivista tax-xjenza, tal-konservazzjoni jew tas-sbuħija naturali.[2] Il-Finlandja rratifikat il-Konvenzjoni fl-4 ta' Marzu 1987, u b'hekk is-siti indikattivi tagħha setgħu jitqiesu biex jiżdiedu mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Il-Bastjun ta' Zander.

L-ewwel żewġ Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tniżżlu mill-Finlandja kienu ċ-Ċentru Storiku ta' Rauma u l-Fortizza ta' Suomenlinna, it-tnejn fl-1991, matul il-15-il sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, li sar f'Kartaġni, it-Tuneżija. Is-siti l-oħra fil-Finlandja żdiedu fl-1994, fl-1996, fl-1999, fl-2005, u fl-2006.

Mill-2020, b'kollox il-Finlandja għandha seba' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, sitta kulturali u wieħed naturali. Dan is-sit tal-aħħar huwa l-Höga Kusten / l-Arċipelagu ta' Kvarken u huwa sit transnazzjonali kondiviż mal-Iżvezja. Il-parti Żvediża, il-Höga Kusten, kienet tniżżlet waħedha fis-sena 2000 u fl-2006 żdied l-Arċipelagu ta' Kvarken. Hemm sit transnazzjonali ieħor fil-Finlandja li huwa l-Ark Ġeodetiku ta' Struve, sit kulturali li żdied fl-2005 u li huwa kondiviż ma' disa pajjiżi oħra.

Siti ta' Wirt Dinji

immodifika

L-UNESCO tiddeżinja s-siti abbażi ta' għaxar kriterji tal-għażla; kull sit irid jissodisfa mill-inqas wieħed mill-għaxar kriterji. Il-kriterji (i) sa (vi) huma kulturali, filwaqt li l-kriterji (vii) sa (x) huma naturali.[4]

NB: * Siti transnazzjonali (bl-ikħal)

Sit Stampa Post Sena tad-deżinjazzjoni Kriterji tal-Għażla Deskrizzjoni
Ċentru Storiku ta' Rauma   Rauma 1991 iv, v

(kulturali)

Iċ-Ċentru Storiku ta' Rauma huwa l-qalba Medjevali tal-belt ta' Rauma fil-Golf ta' Botnija. Jikkonsisti minn madwar 600 dar tal-injam li issa jintużaw għal skopijiet residenzjali kif ukoll kummerċjali. Il-Knisja tas-Salib Imqaddes tmur lura għas-seklu 16 filwaqt li l-kumplament taż-żona urbana ġiet rikostruwita wara xi nirien u tmur lura għas-sekli 17 u 19. Fl-2009 saru modifiki minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit.[5][6]
Fortizza ta' Suomenlinna   Helsinki 1991 iv

(kulturali)

Il-fortizza, mibnija fuq sitt gżejjer fid-daħla tal-port ta' Helsinki, inbniet mill-Iżvezja fis-seklu 18 bħala difiża kontra l-Imperu Russu. Hemm 200 binja u s-swar difensivi huma estiżi fuq iktar minn 6 kilometri (3.7 mili). Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ir-rwol militari tal-fortizza batta u tħalliet għall-użu pubbliku. Issa saret destinazzjoni turistika popolari.[7]
Knisja Antika ta' Petäjävesi   Petäjävesi, il-Finlandja Ċentrali 1994 iv

(kulturali)

Din il-knisja hija eżempju tipiku tat-tradizzjoni arkitettonika tal-knejjes tal-injam fit-Tramuntana tal-Ewropa. Inbniet bejn l-1763 u l-1765 u toħroġ fid-dieher l-applikazzjoni bir-reqqa tal-influwenzi arkitettoniċi Ewropej fi struttura magħmula biz-zkuk tas-siġar. Il-knisja bi pjanta ċentrali turi l-influwenzi Rinaxximentali filwaqt li s-saqaf wieqaf ifakkar fit-tradizzjoni Gotika. Il-kampnar żdied fl-1821. Il-knisja hija ppreservata sew minħabba l-fatt li ġiet abbandunata fl-aħħar tas-seklu 19, peress li nbniet il-knisja parrokkjali ġdida, u ma ġarrbitx alterazzjonijiet kbar bħal pereżempju l-installazzjoni tas-sistemi tat-tisħin. Ġiet irrestawrata bir-reqqa wara l-1920. Il-knisja għadha tiċċelebra xi servizzi regolarment fis-sajf.[8]
Fabbrika tal-Injam u tal-Kartun ta' Verla   Kouvola (Jaala), Kymenlaakso 1996 iv

(kulturali)

Il-fabbrika u ż-żona residenzjali tal-madwar jirrappreżentaw tip ta' insedjament industrijali rurali fuq skala żgħira li kien komuni fis-sekli 19 u 20, b'rabta mal-produzzjoni tal-polpa, tal-karta u tal-kartun. Dawn it-tipi ta' insedjamenti ffjorixxew fit-Tramuntana tal-Ewropa u fl-Amerka ta' Fuq, fejn il-materja prima kienet abbundanti. Il-Fabbrika ta' Verla baqgħet topera sal-1964, u mbagħad ġiet ikkonvertita f'mużew.[9]
Sit Funebri ta' Żmien il-Bronż ta' Sammallahdenmäki   Rauma 1999 iii, iv

(kulturali)

Dan is-sit funebri jmur lura għal Żmien il-Bronż u għal Żmien il-Ħadid Bikri, mill-1500 sal-500 Q.K. Is-sit jinkludi 33 borġ funebri f'diversi raggruppamenti. il-borġ funebri huma kkollegati mal-qima tax-xemx, reliġjon li nfirxet lejn il-Finlandja mill-Iskandinavja. Oriġinarjament, inbnew qrib il-kosta iżda issa jinsabu iktar 'il ġewwa minħabba l-olzar tal-art.[10]
Ark Ġeodetiku ta' Struve*   Panemunėlis, Nemenčinė, Nemėžis 2005 ii, iii, vi

(kulturali)

L-Ark Ġeodetiku ta' Struve huwa serje ta' punti ta' triangulazzjoni, mifruxa fuq distanza ta' iżjed minn 2,820 kilometru minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar l-Iswed. Il-punti ġew stabbiliti fi stħarriġ mill-astronomu Friedrich Georg Wilhelm Struve li kien l-ewwel wieħed li wettaq kejl bir-reqqa ta' segment twil tal-meridjan – u miegħu anke d-daqs u l-għamla tad-Dinja. Oriġinarjament, kien hemm 165 punt b'kollox. Is-Sit ta' Wirt Dinji jinkludi 34 punt f'għaxar pajjiżi (mit-Tramuntana għan-Nofsinhar: in-Norveġja, l-Iżvezja, il-Finlandja, ir-Russja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Belarussja, il-Moldova, l-Ukrajna), u sitta minnhom jinsabu fil-Finlandja. Il-Knisja ta' Alatornio hija wieħed mill-punti fil-Finlandja (fl-istampa).[11]
Höga Kusten / Arċipelagu ta' Kvarken*   Västernorrland 2000 viii (naturali) Kemm il-Kosta Għolja (li oriġinarjament kienet tniżżlet waħedha) kif ukoll l-Arċipelagu ta' Kvarken (fil-Findlandja; estiż fl-2006) jinsabu fil-Golf tal-Botnija u jinkludu eluf ta' gżejjer. Iż-żona turi l-effetti prominenti tal-olzar postglaċjieri tal-art wara t-tidwib tal-medda tas-silġ kontinentali wara l-Aħħar Massimu Glaċjali (u b'hekk tneħħa l-piż tal-glaċjieri), bejn 10,000 u 24,000 sena ilu. L-olzar, f'xi postijiet sa kważi 300 metru (980 pied), qed jibdel il-pajsaġġ b'mod kostanti.[12]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The World Heritage Convention". web.archive.org. 2016-08-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-27. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "UNESCO World Heritage Centre - Convention Concerning the Protection of the World Cultural and Natural Heritage". web.archive.org. 2021-02-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-01. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Finland - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2019-11-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-11-22. Miġbur 2023-08-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "UNESCO World Heritage Centre - The Criteria for Selection". web.archive.org. 2016-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-12. Miġbur 2022-03-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Old Rauma". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-30.
  6. ^ "Rapport tal-Kumitat tal-Wirt Dinji dwar is-sit" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-09-12. Miġbur 2023-08-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Fortress of Suomenlinna". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-30.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Petäjävesi Old Church". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-30.
  9. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Verla Groundwood and Board Mill". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-30.
  10. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Bronze Age Burial Site of Sammallahdenmäki". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-30.
  11. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Struve Geodetic Arc". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-24.
  12. ^ "High Coast / Kvarken Archipelago - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2011-10-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-10-17. Miġbur 2023-08-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)