Knisja Antika ta' Petäjävesi
Il-Knisja Antika ta' Petäjävesi (bil-Finlandiż: Petäjäveden vanha kirkko) hija knisja tal-injam li tinsab f'Petäjävesi, il-Finlandja. Inbniet bejn l-1763 u l-1765, meta Tavastia kienet għadha parti mill-Iżvezja. Il-kampnar inbena fl-1821. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala xhieda tal-arkitettura tal-knisja tal-injam tal-pajjiżi Nordiċi.[1]
Il-knisja tinsab madwar kilometru (0.62 mili) lejn il-Punent taċ-ċentru ta' Petäjävesi. Hija knisja popolari għat-tiġijiet fis-sajf, u jsir servizz tal-quddies fil-knisja fil-biċċa l-kbira tal-Ħdud.
Storja u kostruzzjoni
immodifikaIl-knisja nbniet bħala l-kappella għall-inħawi ta' Petäjävesi, li kienet parti mill-kongregazzjoni ta' Jämsä. Il-popolazzjoni lokali kienet ingħatat il-permess biex tibni ċimiterju u knisja żgħira għall-villaġġ għas-spejjeż tagħha mill-Kuruna diġà fl-1728, peress li t-traġitt sal-eqreb knisja f'Jämsä kien twil wisq. Madankollu, il-kostruzzjoni damet madwar 35 sena biex bdiet. Il-knisja kienet ippjanata u nbniet minn Jaakko Klemetinpoika Leppänen, bennej tal-knejjes minn Vesanka. Fl-1821, it-twieqi twessgħu u s-sagristija tressqet mill-parti tat-Tramuntana tal-knisja għall-parti tal-Lvant. Il-kampnar ġie miżjud ukoll minn Erkki Leppänen, in-neputi tal-bennej oriġinali tal-knisja. Il-knisja ma baqgħetx tintuża iktar fl-1879 meta mbagħad inbniet knisja ġdida.
Arkitettura
immodifikaOriġinarjament il-knisja nbniet kompletament bi zkuk tas-siġar taż-żnuber, jiġifieri bl-injam tal-arżnu. Il-knisja antika żammet id-dehra oriġinali tagħha kif ukoll it-tiżjin ta' ġewwa b'mod tassew tajjeb. Il-knisja toħroġ fid-dieher influwenzi mill-istili arkitettoniċi Gotiċi, Rinaxximentali u Barokki. Il-pjanta tal-knisja għandha għamla ta' salib, b'tul u b'wisa' tal-istess daqs. Din it-tip ta' pjanta bdiet tintuża fil-pajjiżi Nordiċi lejn l-aħħar tas-seklu 17 u saret komuni fis-seklu 18 fil-knejjes fil-kampanja. Madankollu, is-saqaf għoli tal-knisja jixbah l-istil Gotiku bikri, u s-saqaf ottagoali b'disinn ċirkolari jirriżulta mill-okulu (fetħa ċirkolari) tal-arkitettura Rinaxximentali. Bl-istess mod, il-knisja minn ġewwa hija ppreservata sew mill-użu tagħha matul is-sekli 18 u 19. Il-pulptu, il-bankijiet, il-galleriji u l-gandlieri tal-knisja kollha tnaqqxu bl-idejn mill-artiġjani lokali bl-injam tal-arżnu.[2]
Minn minsija għal wirt kulturali dinji
immodifikaWara li nbniet il-knisja l-ġdida, il-knisja l-antika baqgħet abbandunata għal żmien twil. Iċ-ċimiteru madwar il-knisja u l-kampnar biss baqgħu jintużaw. Fis-snin 20 tas-seklu 20, storiku tal-arti Pollakk-Awstrijaku Josef Strzygowski nnota l-valur arkitettoniku u storiku tal-knisja u li mill-1929 ġiet irrestawrata diversi drabi. Fl-1994 il-knisja tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u tirrappreżenta t-tradizzjoni tipika tal-knisja tal-injam tal-Lvant tal-Iskandinavja.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Knisja Antika ta' Petäjävesi ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Petäjävesi Old Church". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-31.
- ^ "Rapport dwar is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".