Kultura ta' Chaco

park nazzjonali tal-Istati Uniti fi New Mexico

Il-Kultura ta' Chaco, il-verżjoni mqassra tal-Park Storiku Nazzjonali tal-Kultura ta' Chaco, hija Park Storiku Nazzjonali fil-Lbiċ tal-Istati Uniti li jospita konċentrazzjoni ta' pueblos. Il-park jinsab fil-Majjistral ta' New Mexico, bejn Albuquerque u Farmington, f'kanjon remot imnaqqax min-nixxiegħa perjodika magħrufa bħala Chaco Wash. Il-park fih l-ikbar kollezzjoni ta' fdalijiet tal-qedem fit-Tramuntana tal-Messiku u jippreserva waħda mill-iżjed żoni kulturali u storiċi pre-Kolombjani importanti fl-Istati Uniti.[1]

Il-kiva kbira ta' Chetro Ketl.

Bejn id-900 u l-1150 W.K., il-Kanjon ta' Chaco kien ċentru ewlieni tal-kultura għall-Puebloani Anċestrali. Il-poplu ta' Chaco kien iħaffer u jolza blokok tal-ġebel ramli u injam minn distanzi kbar, u kien jinġabar fi ħmistax-il kumpless ewlieni li baqgħu l-ikbar binjiet li qatt inbnew fl-Amerka ta' Fuq sas-seklu 19.[2] Evidenza ta' astronomija arkeoloġika f'Chaco ġiet proposta, bit-tinqix fuq il-blat ta' "Sejf tax-Xemx" f'Fajada Butte bħala eżempju popolari. Bosta binjiet tal-kultura Chaco jaf kienu allinjati skont iċ-ċikli solari u lunari,[3] u b'hekk kienu jeħtieġu ġenerazzjonijiet ta' osservazzjonijiet astronomiċi u sekli ta' kostruzzjoni kkoordinata b'ħila kbira.[4] Huwa maħsub li t-tibdil fil-klima wassal għall-emigrazzjoni tal-poplu ta' Chaco u eventwalment għall-abbandun tal-kanjon, wara nixfa ta' ħamsin sena li bdiet fl-1130.[5]

Is-siti kulturali tal-kultura ta' Chaco huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsabu fir-reġjun aridu tal-Erba' Rkejjen b'popolazzjoni sparpaljata.[6] Dawn is-siti huma fraġli u wara li tqajjem tħassib dwar l-erożjoni kkawżata mit-turisti, Fajada Butte ngħalqet għall-pubbliku. Is-siti jitqiesu bħala artijiet anċestrali sagri mill-popli Hopi u Puebloani, li għandha ġrajjiet bil-fomm tal-migrazzjoni storika minn Chaco u r-rabta spiritwali tagħhom mal-art.[7][8] Għalkemm l-isforzi ta' preservazzjoni tal-park ġieli jidħlu f'kunflitt mat-twemmin reliġjuż nattiv, ir-rappreżentanti tribali jaħdmu mill-qrib mas-Servizz tal-Parks Nazzjonali biex jikkondividu l-għarfien u r-rispett tagħhom għall-kultura ta' Chaco.

Il-park jinsab fil-Mogħdijiet tal-Qedem, waħda mill-Mogħdijiet Xeniċi ddeżinjati ta' New Mexico.[9]

 
Veduta tal-park mill-ajru.

Il-Kanjon ta' Chaco jinsab fi ħdan il-Baċir ta' San Juan, fuq il-kobor enormi tal-Promontorju ta' Colorado, imdawwar mill-Muntanji ta' Chuska lejn il-Punent, il-Muntanji ta' San Juan lejn it-Tramuntana, u l-Muntanji ta' San Pedro lejn il-Lvant. Il-poplu tal-qedem ta' Chaco kienu jiddependu fuq il-foresti densi tas-siġar tal-ballut, tal-piñon, taż-żnuber ta' ponderosa u tal-ġniebru biex jiksbu l-injam u riżorsi oħra. Il-kanjon innifsu, li jinsab fi ħdan l-artijiet baxxi u huwa mdawwar bl-għaram, bl-irdumijiet u bil-muntanji, huwa allinjat tul assi bejn wieħed u ieħor mill-Majjistral għax-Xlokk u fih formazzjonijiet ċatti tal-blat magħrufa bħala mesas. Distakki kbar bejn l-irdumijiet tal-Lbiċ — kanjons laterali magħrufa rincons — kienu kritiċi biex l-ilma tax-xita mill-maltempati jgħaddi fil-kanjon u jixpruna l-livelli tal-preċipitazzjoni lokali.[10] Il-kumplessi prinċipali tal-kultura ta' Chaco, bħal Pueblo Bonito, Nuevo Alto u Kin Kletso, għandhom elevazzjonijiet ta' bejn 6,200 u 6,440 pied (bejn 1,890 u 1,960 metru).

L-art alluvjonali tal-kanjon ixxaqleb 'l isfel lejn il-Majjistral ta' pendil ħafif ta' 30 pied kull mil (6 metri kull kilometru); minnha tgħaddi n-nixxiegħa perjodika magħrufa bħala Chaco Wash, arroyo li qajla jkollu l-ilma fih. L-akwifers prinċipali tal-kanjon kienu fondi wisq biex ikollhom użu għall-poplu Chaco tal-qedem: diversi għejun iżgħar u iktar baxxi biss kienu jalimentaw il-fawwariet żgħar li kienu jsostnuhom. Illum il-ġurnata, għajr għal xi ilma li jiskula qalb in-nixxigħat perjodiċi minn xi maltempata okkażjonali, prattikament ma hemm l-ebda ilma sostanzjali fis-superfiċe — fawwariet, għadajjar u bjar.[11]

Wara l-qsim tas-superkontinent Panġea matul il-perjodu Kretaċju, ir-reġjun sar parti minn żona ta' tranżizzjoni ta' bdil bejn baħar intern baxx — il-Mogħdija tal-Baħar Intern tal-Punent — u għadd ta' pjanuri u għoljiet baxxi lejn il-Punent. Kosta bir-ramel u bit-tajn kienet toxxilla bejn il-Lvant u l-Punent, u minn żmien għal żmien kienet tgħerreq jew tikxef iż-żona ta' fuq il-Promontorju ta' Colorado attwali li issa huwa okkupat mill-Kanjon ta' Chaco.[12]

In-nixxiegħa perjodika magħrufa bħala Chaco Wash kienet tnixxi tul l-istrati ta' fuq ta' dik li issa hija l-Mesa ta' Chacra, għolja 400 pied (120 metru) u naqqxet kanjon wiesa' matul miljuni ta' snin. Il-mesa hija magħmula minn formazzjonijiet tal-ġebel ramli u tax-shale li jmorru lura għall-Kretaċju Aħħari u li huma parti mill-Grupp ta' Mesaverde. L-artijiet ta' qiegħ il-kanjon komplew jittieklu iktar, u b'hekk ġie espost is-saff ewlieni tal-qiegħ tax-Shale ta' Menefee; sussegwentement dan intradam taħt bejn wieħed u ieħor 125 pied (38 metru) ta' sedimenti. Il-kanjon u l-mesa jinsabu fi ħdan il-"Qalba ta' Chaco" — li hija distinta mill-Promontorju usa' ta' Chaco, reġjun ċatt ta' bwar tal-ħaxix bi ftit siġar 'l hemm u 'l hawn. Peress li l-Blata Kontinentali tinsab 15-il mil (25 kilometru) biss fil-Lvant tal-kanjon, il-karatteristiċi ġeoloġiċi u x-xejriet differenti tad-drenaġġ ivarjaw bejn dawn iż-żewġ reġjuni, bejniethom stess u bejnhom u x-Xaqliba ta' Chaco, ix-Xaqliba tal-Gvernatur u l-Wied ta' Chuska fil-qrib.[13]

 
Fajada Butte: bħala medja f'Chaco ikun hemm bejn tlieta jew erba' maltempati bil-borra kull xitwa.

Il-kanjon u l-baċir usa' huma reġjun aridu b'ħafna arbuxxelli kseriċi u steppi tad-deżert, b'medja ta' 8 pulzieri (200 millimetru) ta' xita fis-sena; bħala medja l-park ikollu 9.1 pulzieri (230 millimetru) ta' xita. Il-Kanjon ta' Chaco jinsab fin-naħa mkennija mir-riħ ta' ktajjen muntanjużi estensivi lejn in-Nofsinhar u l-Punent, u dan jirriżulta f'effett ta' "dell tax-xita" li jrawwem in-nuqqas prevalenti ta' ndewwa fir-reġjun.[14] Ir-reġjun għandu erba' staġuni distinti. Ix-xita tinżel l-iktar bejn Lulju u Settembru, filwaqt li Mejju u Ġunju huma l-iżjed xhur nexfin. Il-preċipitazzjoni orografika, li tirriżulta mill-indewwa estratta mis-sistemi tal-maltempati huma u telgħin il-ktajjen muntanjużi ta' madwar il-Kanjon ta' Chaco, hija responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-preċipitazzjoni fis-sajf u fix-xitwa, u x-xita tiżdied iktar ma togħla l-elevazzjoni.

Il-Kanjon ta' Chaco jkollu estremi klimatiċi notevoli: it-temperaturi jvarjaw bejn −38 u 102 °F (−39 u 39 °C),[15] u jistgħu jvarjaw b'60 °F (33 °C) f'jum wieħed. Ir-reġjun ikollu medja ta' inqas minn 150 jum mingħajr ġlata fis-sena, u l-klima lokali tvarja ferm bejn snin ta' xita qliel għal snin ta' nixfa twila.[16] L-influwenza qawwija ta' El Niño jew tal-Oxxillazzjoni tan-Nofsinhar tikkontribwixxi għall-klima tal-kanjon li tvarja spiss.

Flora u fawna

immodifika
 
Maltempati bir-ragħad fis-sajf fuq Fajada Butte u d-Distakk ta' Fajada, qrib ix-xifer tal-Lbiċ tal-Kanjon ta' Chaco.

Il-flora tal-Kanjon ta' Chaco hija tipika tad-deżerti għoljin tal-Amerka ta' Fuq: l-artemisja u diversi speċijiet ta' kaktus huma sparpaljati flimkien ma' foresti ta' xagħri niexef bis-siġar tal-piñon u tal-ġniebru; din tal-aħħar primarjament fil-qċaċet tal-mesas. Il-kanjon huwa ferm iktar niexef minn partijiet oħra ta' New Mexico li jinsabu f'latitudnijiet u f'elevazzjonijiet simili, u ma fihx il-foresti koniferi miti li jikbru bil-bosta lejn il-Lvant. Il-mod sparpaljat prevalenti li jikbru bih il-pjanti u l-organiżmi selvaġġi kien rifless ukoll fi żmien il-qedem, meta l-popolazzjoni eċċessiva, l-espansjoni tal-kultivazzjoni , il-kaċċa eċċessiva, il-qerda tal-ħabitats u n-nixfa jaf wasslu biex il-poplu Chaco jikklerja l-pjanti selvaġġi u l-annimali selvaġġi mill-kanjon.[17] Ġie ssuġġerit li saħansitra matul il-perjodi bix-xita, il-kanjon seta' jsostni lil 2,000 ruħ biss.[18]

Fost il-mammiferi tal-Kanjon ta' Chaco hemm il-kojote (Canis latrans); iċ-ċerva bagħla, iċ-ċerva tal-Amerki u l-għażżiela muqrana, għalkemm qajla jiġu osservati mill-viżitaturi. Karnivori iżgħar importanti oħra jinkludu l-bobcat, il-baġer, il-volpi u żewġ speċijiet ta' skunks. Il-park jospita popolazzjonijiet abbundanti ta' rodituri, inkluż diversi klieb tal-prateriji. Kolonji żgħar tal-friefet il-lejl ikunu preżenti matul is-sajf. L-iskarsezza lokali ta' ilma tfisser li relattivament ftit speċijiet ta' għasafar ikunu preżenti; dawn jinkludu r-roadrunners, l-isqra kbar (bħas-seqer ta' Cooper u l-ispanjulett Amerikan), il-kokki, l-avultuni u ċ-ċawluni, għalkemm ikunu inqas abbundanti fil-kanjon milli fil-ktajjen muntanjużi lejn il-Lvant fejn ikun hemm iktar xita. Popolazzjonijiet imdaqqsa ta' għasafar iżgħar, inkluż l-għasafar tal-għana, il-psiepes u l-isponsuni, huma komuni wkoll. Tliet speċijiet ta' kolobrì huma preżenti: wieħed huwa l-kolibrì ħamrani ċkejken iżda fuq tiegħu, li jikkompeti ferm mal-kolibrì tal-geddum iswed li normalment ikun inqas fuq tiegħu għall-ħabitat tat-tnissil fl-arbuxxelli jew fis-siġar li jinsabu qrib l-ilma. Is-sriep taċ-ċekċieka tal-Punent (tal-praterija) okkażjonalment jintlemħu iktar 'il ġewwa, għalkemm ix-xaħmet l-art u diversi gremxuliet oħra huma ferm iktar abbundanti.

Nissieġa tal-Qfief Arkajċi-Bikrin

immodifika

L-ewwel nies fil-Baċir ta' San Juan kienu kaċċaturi-ġemmiegħa: in-Nissieġa tal-Qfief Arkajċi-Bikrin. Dawn il-gruppi żgħar kienu dixxendenti mill-kaċċaturi nomadiċi tal-poplu Clovis li kienu jikkaċċjaw l-organiżmi selvaġġi kbar u li waslu fil-Lbiċ għall-ħabta tal-10,000 Q.K.[19] Iktar minn 70 sit ta' kampeġġ minn dan il-perjodu, li ġew datati bir-radjukarbonju li jmorru lura għall-ħabta tas-7000–1500 Q.K., u li kienu jikkonsistu l-iktar minn biċċiet tal-ġebel u affarijiet oħra, instabu fl-Għar ta' Atlatl u f'inħawi oħra fi ħdan il-Kanjon ta' Chaco, b'mill-inqas wieħed mis-siti jinsab fl-art tal-kanjon qrib arroyo esposta. In-Nissieġa tal-Qfief Arkajċi-Bikrin kienu kaċċaturi-ġemmiegħa nomadiċi jew seminomadiċi li maż-żmien bdew jinsġu l-qfief biex fihom jaħżnu l-pjanti li kienu jiġbru. Sa tmiem il-perjodu, xi nies bdew jikkultivaw l-ikel. L-iskavi tas-siti tal-kampeġġ u tal-postijiet imkennija fil-blat tagħhom żvelaw li kienu jagħmlu l-għodod, kien jiġbru l-pjanti selvaġġi, u kienu joqtlu u jipproċessaw l-organiżmi selvaġġi. Imħażen biċ-ċangaturi jindikaw bidla mill-istil ta' ħajja nomadiku għalkollox.

Puebloani Anċestrali

immodifika
 
     Siti Anasazi fil-Lbiċ

Sad-900 Q.K., il-poplu Arkajku kien jgħix fl-Għar ta' Atlatl u f'siti simili. Ma tantx ħalla evidenza tal-preżenza tiegħu fil-Kanjon ta' Chaco. Sal-490 W.K., id-dixxendenti tiegħu, tal-Era Aħħarija tan-Nissieġa II, kienu jikkultivaw l-artijiet ta' madwar il-villaġġ ta' Shabik'eshchee u kellhom insedjamenti oħra bid-djar fil-fosos f'Chaco.

Popolazzjoni żgħira ta' nissieġa baqgħet tgħix fl-inħawi tal-Kanjon ta' Chaco. L-ark wiesa' tal-elaborazzjoni kulturali tagħhom laħaq il-quċċata tiegħu għall-ħabta tat-800, matul l-Era ta' Pueblo I, meta kienu qed jibnu kumplessi tal-ġebel b'għamla ta' nofs qamar, u kull wieħed kien magħmul minn erba' jew ħames kwartieri residenzjali biswit il-kivas ta' taħt l-art, li kienu żoni interni kbar li kienu rriżervati għar-riti. Dawn l-istrutturi huma karatteristiċi tal-Poplu Bikri ta' Pueblo. Sat-850, il-popolazzjoni tal-qedem ta' Pueblo — l-"Anasazi", minn terminu bil-lingwa Ute adottata min-Navajo li tirreferi għal "nies tal-qedem" jew "antenati tal-għadu" — kienet kibret u nfirxet b'mod rapidu: il-gruppi bdew jirresjedu fi pueblos ikbar u iktar popolati densament. Evidenza soda tixhed l-industrija tal-ipproċessar u tal-kummerċ tat-turkważ fil-kanjon kollu mis-seklu 10 'il quddiem. Lejn dak iż-żmien, inbniet l-ewwel sezzjoni ta' Pueblo Bonito: ringiela ttondjata ta' 50 kamra qrib il-ħajt attwali tat-Tramuntana. L-analiżi arkeoġenomika tal-mitokondriji ta' disa' skeletri minn oqbra ta' status għoli f'Pueblo Bonito ddeterminat li fihom kienu ndifnu membri tal-elit għal kważi 330 sena bejn it-800 u l-1130, u ssuġġeriet li kien hemm kontinwità mal-prattiki tas-suċċessjoni ta' bosta ġnus Puebloani tal-lum il-ġurnata.

Is-sistema koeżiva ta' Chaco bdiet tisfaxxa għall-ħabta tal-1140, x'aktarx minħabba nixfa estrema ta' ħamsiun sena li bdiet fl-1130; l-instabbiltà klimatika kronika, inkluż sensiela ta' nixfiet kbar, reġgħu affettwaw ir-reġjun bejn l-1250 u l-1450. Il-ġestjoni batuta tal-ilma wasslet għall-qtugħ tal-arroyos; id-deforestazzjoni kienet estensiva u ekonomikament devastanti: l-injam għall-kostruzzjoni kellu minflok jiġi olzat mill-ktajjen muntanjużi periferiċi bħall-Muntanji ta' Chuska, li huma iktar minn 50 mil (80 kilometru) lejn il-Punent. Il-komunitajiet periferiċi bdew jonqsu u sal-aħħar tas-seklu l-binjiet fil-kanjon ċentrali ġew issiġillati bil-galbu u ġew abbandunati.

Xi studjużi jissuġġerixxu li l-vjolenza u l-gwerer, li x'aktarx kienu jinvolvu wkoll il-kannibaliżmu, wasslu għall-evakwazzjonijiet. Ħjiel ta' dan jinkludi l-katavri b'partijiet tal-ġisem neqsin — li jmorru lura għal żmien il-qedem f'Chaco — li nstabu f'żewġ siti fi ħdan il-kanjon ċentrali. Minkejja dan il-kumplessi ta' Chaco ma tantx kellhom wisq evidenza li qatt ġew difiżi jew ġew ippożizzjonati f'punt strateġiku għad-difiża fl-għoli tal-irdumijiet jew fuq il-mesas. Diversi siti minuri biss f'Chaco fihom evidenza tal-ħruq fuq skala kbira li tista' tissuġġerixxi xi attakki mill-għadu. L-evidenza arkeoloġika u kulturali twassal biex ix-xjenzati jemmnu li n-nies mir-reġjun wettqu migrazzjoni lejn in-Nofsinhar, il-Lvant u l-Punent fil-widien u fid-drenaġġi tax-xmara Colorado ż-Żgħira, ix-xmara Rio Puerco u x-xmara Rio Grande. L-antropologu Joseph Tainter jiddeskrivi fit-tul l-istruttura u d-deklin taċ-ċivilizzazzjoni ta' Chaco fl-istudju tal-1988 tiegħu, The Collapse of Complex Societies (Il-Kollass ta' Soċjetajiet Kumplessi).

Suċċessjoni ta' Athabaskan

immodifika
 
It-toroq u d-djar kbar preistoriċi fil-Baċir ta' San Juan, sovraimposti fuq mappa li turi t-toroq u l-insedjamenti moderni.

Popli li kienu jitkellmu lingwi Numiċi, bħall-Ute u x-Shoshone, kienu preżenti fuq il-Promontorju ta' Colorado mill-bidu tas-seklu 12. Il-popli nomadiċi tan-Nofsinhar li kienu jitkellmu l-Athabaskan, bħall-Apache u n-Navajo, ħadu post il-poplu Puebloan f'dan ir-reġjun sas-seklu 15. F'dan il-proċess, huma kisbu d-drawwiet u l-ħiliet agrikoli ta' Chaco. Il-gruppi tribali tal-Ute kienu jżuru r-reġjun ukoll, primarjament matul l-ispedizzjonijiet tal-kaċċa u tal-attakki. Il-Ġens tan-Navajo modern jinsab fil-Punent tal-Kanjon ta' Chaco, u bosta Navajo jgħixu fl-inħawi tal-madwar.

Skavi u protezzjoni

immodifika

L-ewwel vjaġġ iddokumentat ġol-Kanjon ta' Chaco kien spedizzjoni tal-1823 immexxija mill-gvernatur ta' New Mexico José Antonio Vizcarra meta l-inħawi kienet taħt it-tmexxija Messikana. Huwa nnota diversi fdalijiet kbar fil-kanjon. Il-kummerċjant Amerikan Josiah Gregg kiteb dwar il-fdalijiet tal-Kanjon ta' Chaco, u fl-1832 irrefera għal Pueblo Bonito bħala "mibni minn ġebel ramli fin". Fl-1849, stakkament tal-Armata tal-Istati Uniti għaddiet mill-fdalijiet u wettqet stħarriġ tagħhom, wara l-akkwiżizzjoni tal-Lbiċ mill-Istati Uniti permezz tar-rebħa tagħha fil-Gwerra Messikana fl-1848. Madankollu, il-kanjon tant kien remot li bil-kemm laqa' viżitaturi matul il-50 sena ta' wara. Wara xogħol qasir ta' rikonjizzjoni minn studjużi ta' Smithsonian fis-snin 70 tas-seklu 19, fl-1896 beda x-xogħol arkeoloġiku formali meta grupp mill-Mużew Amerikan tal-Istorja Naturali bbażat fil-Belt ta' New York — l-Ispedizzjoni tal-Esplorazzjoni ta' Hyde — beda jiskava Pueblo Bonito. Wara li qattgħu ħames sjuf fir-reġjun, huma bagħtu iktar minn 60,000 artefatt lura lejn New York u operaw sensiela ta' postijiet kummerċjali fl-inħawi.

Fl-1901 Richard Wetherill, li kien ħadem għall-ispedizzjoni ta' Hyde, talab il-jeddijiet ta' art ta' 161 akru (65 ettaru) li kienet tinkludi Pueblo Bonito, Pueblo del Arroyo u Chetro Ketl. Hu u jinvestiga din it-talba ta' Wetherill, l-aġent tal-art federali Samuel J. Holsinger iddeskriva fid-dettal l-ambjent fiżiku tal-kanjon u tas-siti, innota segmenti ta' toroq preistoriċi u taraġ fuq Chetro Ketl, u ddokumenta d-digi u s-sistemi tal-irrigazzjoni preistoriċi. Ir-rapport tiegħu ma ġiex ippubblikat u ma ngħatax widen. Fih ħeġġeġ il-ħolqien ta' park nazzjonali għas-salvagwardja tas-siti tal-kultura ta' Chaco.

Is-sena ta' wara, Edgar Lee Hewett, il-President tal-Università Normali ta' New Mexico (li iktar 'il quddiem bdiet tissejjaħ l-Università tal-Artijiet Għoljin ta' New Mexico), immappja bosta siti tal-kultura ta' Chaco. Hewett u oħrajn għenu l-promulgazzjoni tal-Att dwar l-Antikitajiet Federali tal-1906, l-ewwel liġi tal-Istati Uniti għall-protezzjoni tal-antikitajiet; effettivament kienet konsegwenza diretta tal-attivitajiet kontroversjali ta' Wetherill f'Chaco (inkluż skavi dilettanteski, l-użu mill-ġdid tal-materjali tal-fdalijiet għall-kostruzzjoni, u operazzjoni kbira tat-trobbija tal-bhejjem). L-Att awtorizza wkoll lill-President jistabbilixxi l-monumenti nazzjonali: fil-11 ta' Marzu 1907, Theodore Roosevelt ipproklama l-Kanjon ta' Chaco bħala Monument Nazzjonali. Wetherill imbagħad ċeda t-talbiet tiegħu għall-jeddijiet tal-art.

 
Skutella taċ-ċeramika skavata minn Pueblo Alto, li tmur lura għall-1030-1200 W.K.

Fl-1920, is-Soċjetà Ġeografika Nazzjonali bdiet eżami arkeoloġiku tal-Kanjon ta' Chaco u ħatret lil Neil Judd, li dak iż-żmien kellu 32 sena, bħala l-kap tal-proġett. Wara żjara ta' rikonjizzjoni f'dik is-sena, Judd ippropona li jiskava Pueblo Bonito, l-ikbar fdalijiet f'Chaco. Mill-1921, Judd qatta' seba' staġuni f'Chaco. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien kienu spartani ħafna. Fil-memorji tiegħu, Judd innota li "l-Kanjon ta' Chaco għandu l-limitazzjonijiet tiegħu bħala post għall-btajjel tas-sajf". Sal-1925, l-iskavaturi ta' Judd kienu neħħew 100,000 tunnellata ta' radam żejjed, permezz ta' tim ta' "35 Indjan jew iktar, għaxar irġiel ta' karnaġjon bajda, u tmien jew disa' żwiemel". It-tim ta' Judd sab 69 ħuġġieġa biss fi ħdan il-fdalijiet, skoperta stramba meta wieħed iqis ix-xtiewi daqstant kesħin f'Chaco. Judd bagħat iktar minn 90 eżemplar lil A. E. Douglass għad-datazzjoni taċ-ċrieki tas-siġar, li dak iż-żmien kienet għadha fil-bidu tagħha. Dak iż-żmien, Douglass kellu kronoloġija "tal-wiċċ" biss. Fl-1929 imbagħad tim immexxi minn Judd induna "x'kien qed jiġri". Il-biċċa l-kbira tax-xorok użati f'Chaco nqatgħu bejn l-1033 u l-1092, il-quċċata tal-kostruzzjoni f'Chaco.

Fl-1949, l-Università ta' New Mexico rreġistrat l-artijiet ta' biswit biex jiġi ffurmat il-Monument Nazzjonali estiż tal-Kanjon ta' Chaco. Ta' dan il-ġest, l-università żammet id-drittijiet tar-riċerka xjentifika fl-inħawi. Sal-1959, is-Servizz tal-Parks Nazzjonali kien bena ċentru għall-viżitaturi tal-park, abitazzjonijiet għall-persunal u kampeġġi. Bħala proprjetà storika tas-Servizz tal-Parks Nazzjonali, il-Monument Nazzjonali ġie elenkat fir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi fil-15 ta' Ottubru 1966. Fl-1971, ir-riċerkaturi Robert Lister u James Judge stabbilew iċ-"Ċentru ta' Chaco", diviżjoni għar-riċerka kulturali li ffunzjonat bħala proġett konġunt bejn l-Università ta' New Mexico u s-Servizz tal-Parks Nazzjonali. Għadd ta' proġetti tar-riċerka multidixxiplinari, stħarriġiet arkeoloġiċi u skavi limitati bdew matul dan iż-żmien. Iċ-Ċentru ta' Chaco wettaq stħarriġ estensiv tat-toroq ta' Chaco li kienu mibnijin sew u l-mogħdijiet imsaħħa b'mod sod li kienu ħerġin 'il barra mill-kanjon ċentrali.

Ir-rikkezza tal-fdalijiet kulturali fil-park wasslet għat-tkabbir tal-Monument Nazzjonali żgħir fil-Park Storiku Nazzjonali tal-Kultura ta' Chaco fid-19 ta' Diċermbru 1980, meta 13,000 akru (5,300 ettaru) addizzjonali żdiedu maż-żona protetta. Fl-1987, il-park ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Sabiex is-siti ta' Chaco jiġu ssalvagwardjati fl-artijiet ta' biswit tal-Uffiċċju tal-Ġestjoni tal-Art u tal-Ġens tan-Navajo, is-Servizz tal-Parks Nazzjonali żviluppa l-programm b'diversi aġenziji għall-Protezzjoni tas-Sit Arkeoloġiku tal-Kultura ta' Chaco. Dawn l-inizjattivi identifikaw iktar minn 2,400 sit arkeoloġiku fi ħdan il-konfini attwali tal-park; persentaġġ żgħir ħafna minnhom ġew skavati.

Ġestjoni

immodifika
 
Is-siti ewlenin ta' Chaco fi ħdan il-marġini tal-park storiku.

Il-Park Storiku Nazzjonali tal-Kultura ta' Chaco jiġi ġestit mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali, li hija aġenzija federali fi ħdan id-Dipartiment tal-Intern; l-artijiet federali ġirien li jospitaw it-toroq ta' Chaco huma kkontrollati mill-Uffiċċju tal-Ġestjoni tal-Art. Fis-sena fiskali 2002-2003, il-baġit operattiv annwali totali tal-park kien $1.434 miljun. Il-park għandu ċentru għall-viżitaturi li jinkludi l-"Mużew tal-Kollezzjoni ta' Chaco", li ma nfetaħx għall-pubbliku minn mindu tlesta fl-2017, punt ta' informazzjoni, teatru, ħanut tal-kotba, osservatorju u ħanut tat-tifkiriet. Iż-żjarat tal-Kollezzjoni ta' Chaco fiċ-Ċentru ta' Hibben fil-kampus ta' Albuquerque tal-Università ta' New Mexico jistgħu jiġu organizzati b'appuntament. Qabel is-snin 80 tas-seklu 20, l-iskavi arkeoloġiċi fi ħdan il-konfini attwali tal-park kienu intensivi: il-ħitan tal-kumpless kienu jiġu żarmati jew imwaqqgħin, u eluf ta' artefatti ġew estratti. Mill-1981, approċċ ġdid, informat skont it-twemmin tradizzjonali tal-popli Hopi u Puebloani, waqqaf dawn l-intrużjonijiet. Minflok komplew it-tiftix mill-bogħod bis-sensuri, l-istudju antropoloġiku tat-tradizzjonijiet bil-fomm tal-Indjani, u d-dendrokronoloġija — li permezz tagħhom il-fdalijiet ta' Chaco ma ġewx iddisturbati żżejjed. F'din il-vena, il-"Kumitat ta' Konsultazzjoni Indjan Amerikan ta' Chaco" ġie stabbilit fl-1991 biex il-popli Navajo, Hopi, Pueblo, u rappreżentanti Indjani oħra jingħataw vuċi fis-sorveljanza tal-park.

 
Wijiji minn ġewwa, sit imbiegħed li kien okkupat bejn l-1100 u l-1150 W.K.

Il-politika attwali tal-park titlob ir-restawr parzjali tas-siti skavati. Dan jinkludi "għata bir-radam", jew id-dfin mill-ġdid tas-siti skavati bir-ramel. Miżuri oħra jippruvaw jissalvagwardjaw l-ambjent tal-qedem u l-aspett mistiku tal-inħawi, pereżempju permezz tal-"Programm tas-Smewwiet ta' Billejl ta' Chaco", li jipprova jelimina l-effett tat-tniġġis tad-dawl fuq is-smewwiet mudlama ta' billejl tal-park; fil-qafas tal-programm, xi 14,000 viżitatur jużaw l-Osservatorju ta' Chaco (inawgurat fl-1998), it-teleskopji tal-park, u programmi relatati mal-astronomija. Il-park issemma bħala Park tas-Smewwiet Mudlama tal-livell tad-deheb mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Smewwiet Mudlama fl-2013. Il-fdalijiet ta' Chaco li jinsabu 'l barra mill-konfini attwali tal-park ġew mhedda mill-iżvilupp: eżempju kien il-kiri kompetittiv propost tal-artijiet federali fil-Baċir ta' San Juan għall-estrazzjoni tal-faħam mill-wiċċ mill-1983. Peress li hemm bosta depożiti tal-faħam fi ħdan il-park, din l-estrazzjoni mill-wiċċ kienet qed thedded in-network ta' toroq tal-qedem tal-kultura ta' Chaco. Il-"Proġett tat-Toroq tal-Kultura ta' Chaco" dam sena u ddokumenta t-toroq kollha, li iktar 'il quddiem ġew protetti mill-estrazzjoni.

Peress li l-importanza arkeoloġika tmur lil hinn mill-konfini tal-park, id-Dipartiment tal-Intern tal-Istati Uniti beħsiebu jirtira mill-iżvilupp żona ta' lqugħ ta' 10 mili madwar il-park.

Il-poplu tal-Kultura ta' Chaco bena l-kumplessi tiegħu tul strixxa ta' 9 mili (14-il kilometru) tal-art tal-kanjon, u bil-ħitan ta' wħud mill-istrutturi allinjati kardinalment u oħrajn allinjati maċ-ċiklu ta' 18.6-il sena tat-tlugħ u tal-inżul minimi u massimi tal-Qamar.

Kanjon ċentrali

immodifika
 
Mapep tas-Servizz tal-Parks Nazzjonali tal-fdalijiet ewlenin tal-Kanjon ta' Chaco.

Il-parti ċentrali tal-kanjon fih l-ikbar kumplessi tal-kultura ta' Chaco. L-iżjed kumpless studjat huwa dak ta' Pueblo Bonito. Ikopri kważi 2 akri (0.81 ettari) u jinkorpora mill-inqas 650 kamra, b'hekk huwa l-ikbar dar kbira; f'partijiet mill-kumpless, l-istruttura kienet għolja erba' sulari. L-użu tal-arkitettura tal-kumpless u l-kostruzzjoni fuq diversi sulari kien iwassal biex il-bennejja jeħtieġu ħitan enormi bi ħxuna sa 3 piedi (91 ċentimetru). Il-kumpless ta' Pueblo Bonito huwa maqsum f'żewġ sezzjonijiet permezz ta' ħajt allinjat b'mod preċiż mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, li jaqsam il-pjazza ċentrali fi tnejn. Kiva kbira kienet preżenti fuq kull naħa tal-ħajt, li b'hekk kienet toħloq mudell simetriku komuni f'bosta djar kbar tal-kultura ta' Chaco. L-iskala tal-kumpless, mat-tlestija, kienet tħaqqaqha ma' dik tal-Kolossew. Fil-qrib hemm il-kumpless ta' Pueblo del Arroyo, li ġie stabbilit bejn l-1050 u l-1075 W.K. u tlesta fil-bidu tas-seklu 12; dan jinsab f'punt tad-drenaġġ magħruf bħala d-Distakk tan-Nofsinhar.

 
Pueblo Bonito, l-ikbar fost id-djar kbar, jinsab qrib ix-xifer tat-Tramuntana tal-Kanjon ta' Chaco.

Casa Rinconada, iżolata mis-siti ċentrali l-oħra, tinsab fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta' Chaco Wash, biswit triq tal-kultura ta' Chaco li tagħti għal sett taraġ weqfin li jwasslu sal-quċċata tal-Mesa ta' Chacra. L-unika kiva tagħha tinsab waħedha, mingħajr l-ebda struttura residenzjali jew ta' appoġġ; fl-imgħoddi kellha passaġġ ta' 39 pied (12-il metru) li jagħti mill-kiva ta' taħt l-art għad-diversi sulari ta' fuq l-art. Chetro Ketl, li tinsab qrib Pueblo Bonito, għandha l-istess għamla tipika tal-ittra D ta' bosta kumpless ċentrali oħra. Beda jinbena bejn l-1020 u l-1050, u l-450-550 kamra tiegħu kienu jikkondividu kiva kbira waħda. Skont l-istimi tal-esperti kien hemm bżonn ta' 29,135 siegħa xogħol biex tinbena Chetro Ketl biss; l-istimi ta' Hewett kienu jsostnu li kien meħtieġ l-injam ta' 5,000 siġra u 50 miljun blokka tal-ġebel.

Kin Kletso ("Dar Safra") kienet kumpless ta' daqs medju li jinsab 0.5 mili (800 metru) fil-Punent ta' Pueblo Bonito. Fiha evidenza soda tal-kostruzzjoni u tal-okkupazzjoni tal-popli Puebloani mit-Tramuntana tal-Baċir ta' San Juan. L-għamla rettangolari u d-disinn tagħha huma marbuta mal-grupp kulturali ta' Pueblo II, iktar milli l-istil ta' Pueblo III jew il-varjant tiegħu ta' Chaco. Fiha 55 kamra, erba' kivas fil-pjan terran, u torri ċilindriku ta' żewġ sulari li seta' ffunzjona bħala kiva jew bħala ċentru reliġjuż. Evidenza ta' industrija tal-ipproċessar tal-ossidjana ġiet skoperta qrib il-villaġġ, li kien inbena hemmhekk bejn l-1125 u l-1130.

 
Veduta mill-ajru ta' Pueblo Bonito.

Pueblo Alto hija dar kbira magħmula minn 89 kamra, li tinsab fil-quċċata ta' mesa qrib nofs il-Kanjon ta' Chaco, 0.6 mili (kilometru) minn Pueblo Bonito; bdiet tinbena bejn l-1020 u l-1050 W.K. matul żieda f'daqqa ta' kostruzzjoni fi ħdan il-kanjon kollu. Il-pożizzjoni tagħha kienet tagħmilha l-iżjed komunità viżibbli għall-biċċa l-kbira tal-abitanti tal-Baċir ta' San Juan; tabilħaqq, kienet tinsab 2.3 mili (3.7 kilometri) biss fit-Tramuntana ta' Tsin Kletzin, fuq in-naħa opposta tal-kanjon. Il-komunità kienet iċ-ċentru ta' industrija tal-ipproċessar taż-żibeġ u tat-turkważ li influwenzat l-iżvilupp tal-villaġġi kollha fil-kanjon; il-produzzjoni tal-għodod bis-siliċi. Ir-riċerka fis-sit imwettqa mill-arkeologu Tom Windes tissuġġerixxi li ftit familji biss kienu jgħixu fil-kumpless, x'aktarx saħansitra bejn ħames familji sa għoxrin familja; dan jaf jimplika li Pueblo Alto primarjament kellha rwol mhux residenzjali. Dar kbira oħra, Nuevo Alto, inbniet fuq il-mesa tat-Tramuntana qrib Pueblo Alto; ġiet stabbilita fl-aħħar tas-seklu 12 fi żmien meta l-popolazzjoni tal-kultura ta' Chaco kienet qed tonqos.

Strutturi sparpaljati

immodifika
 
Il-kivas iżgħar ta' Chaco kienu jammontaw għal xi 100, u kull waħda kienet tospita ritwali għal 50-100 fidil; il-15-il "kivas kbar" kienu jilqgħu sa 400 ruħ kull waħda.

Raggruppament ieħor ta' djar kbar jinsab qrib it-Tramuntana ta' Chaco; fost l-ikbar hemm Casa Chiquita ("Dar Żgħira"), villaġġ li nbena fis-snin 80 tas-seklu 11, meta, f'perjodu ta' ħafna xita, il-kultura ta' Chaco kienet qed tespandi. Il-konfigurazzjoni tal-villaġġ kienet tinkludi profil iżgħar u iktar kwadru; ma kellux il-pjazez miftuħa u kivas separati bħall-predeċessuri tiegħu. Sabiex jinbena ntużaw blokok tal-ġebel ikbar u iktar kwadri; il-kivas kienu ddisinjati skont it-tradizzjoni ta' Mesa Verde tat-Tramuntana. Żewġ mili 'l isfel fil-kanjon hemm Peñasco Blanco ("Promontorju Abjad"), kumpless b'għamla ta' ark li nbena fuq ix-xifer tan-Nofsinhar tal-kanjon f'ħames stadji distinti bejn id-900 u l-1125. It-tpittir fuq irdum fil-qrib (il-"Platografija tas-Supernova") jaf irreġistra l-osservazzjoni tas-supernova SN 1054 tal-5 ta' Lulju 1054.

Hungo Pavi, li jinsab mil (1.6 kilometru) minn Una Vida, kellu ċirkonferenza ta' 872 pied (266 metru). Skavi inizjali żvelaw 72 kamra fil-pjan terran, bi strutturi li jilħqu għoli ta' erba' sulari; ġiet identifikata kiva ċirkolari kbira. Kin Nahasbas, li nbena fis-seklu 9 jew fis-seklu 10, jinsab kemxejn fin-Nofsinhar ta' Una Vida, ippożizzjonat taħt il-mesa tat-Tramuntana. L-iskavi f'dan is-sit kienu limitati sa issa. Tsin Kletzin ("Post il-Faħam"), kumpless li jinsab fuq il-Mesa ta' Chacra u li huwa ppożizzjonat fuq Casa Rinconada, jinsab 2.3 mili (3.7 kilometri) fin-Nofsinhar ta' Pueblo Alto, fuq in-naħa opposta tal-kanjon. Fil-qrib hemm id-Diga ta' Weritos, struttura enormi tal-ħamrija li x-xjenzati jemmnu li kienet tipprovdi l-ilma domestiku meħtieġ għal Tsin Kletzin. Id-diga kienet taħdem billi kienet taħżen l-ilma li kien jiskula wara l-maltempati f'ġibjun. Ammonti kbar ta' depożiti kienu jakkumulaw meta kienet tinżel xita qliel f'daqqa u x'aktarx minħabba f'hekk ir-residenti kien ikollhom jerġgħu jibnu d-diga mill-ġdid regolarment u jneħħu d-depożiti akkumulati.

 
Hungo Pavi, qrib iċ-ċentru tal-Kanjon ta' Chaco. Taraġ jagħti 'l barra mill-kumpless.

Iktar fond fil-kanjon, Una Vida ("Ħajja Waħda") hija waħda mill-eqdem tlett idjar kbar; il-kostruzzjoni bdiet għall-ħabta tad-900. Kellha mill-inqas żewġ sulari u 124 kamra, u kellha għamla ta' ark jew disinn tal-ittra D bħad-djar kbar kontemporanji tagħha, pereżempju Peñasco Blanco u Pueblo Bonito, iżda kellha żieda unika "sporġuta 'l barra" minħabba t-topografija tas-sit. Din tinsab f'wieħed mill-iżjed drenaġġi laterali ewlenin tal-kanjon, qrib Gallo Wash, u tkabbret ferm wara d-930. Wijiji ("grass iswed tal-injam"), li tinkorpora ftit iktar minn mitt kamra, hija l-iżgħar fost id-djar kbar. Inbniet bejn l-1110 u l-1115, u kienet l-aħħar dar kbira tal-kultura ta' Chaco li nbniet. Kemxejn iżolata fi ħdan id-djuqija tal-Gallo Wash, hija ppożizzjonata mil (1.6 kilometru) minn Una Vida. Direttament lejn it-Tramuntana hemm komunitajiet saħansitra iktar remoti: il-Fdalijiet tas-Salamun u l-Fdalijiet tal-Azteki, li jinsab max-xmajjar ta' San Juan u ta' Animas qrib Farmington. Dawn inbnew matul perjodu ta' tletin sena meta kienet tinżel xita sew wara l-1100. Xi 60 mil (97 kilometru) direttament fin-Nofsinhar tal-Kanjon ta' Chaco, tul it-Triq il-Kbira tan-Nofsinhar, hemm raggruppament ieħor ta' komunitajiet periferiċi. L-ikbar waħda, Kin Nizhoni, tinsab fuq mesa għolja 7,000 pied (2,100 metru) imdawra b'imraġ tal-qiegħ.

Is-sit ta' Casamero Pueblo jinsab tul it-Triq tal-Kontea ta' McKinley Nru 19, qrib il-Mesa ta' Tecolote, mesa tal-ġebel ramli aħmar. Kien ikkollegat ma' sit ieħor remot fil-qrib, Andrews Ranch, permezz ta' triq tal-kultura ta' Chaco. Il-Kanjon ta' Chaco, il-Fdalijiet tal-Azteki, il-Fdalijiet tas-Salamun u Casamero Pueblo jagħmlu parti mill-Mogħdija Xenika tal-Qedem.

Fdalijiet

immodifika

Djar kbar

immodifika
 
Id-daħliet ta' Pueblo Bonito.

Kumplessi enormi magħrufa bħala "djar kbar" kienu jinkarnaw il-qima f'Chaco. Il-kultura ta' Chaco kienet tuża tekniki tal-kostruzzjoni li kienu uniċi għal dak iż-żmien, u l-binjiet tagħhom damu għal deċennji sħaħ u saħansitra għal sekli sħaħ. Filwaqt li l-forom arkitettoniċi evolvew u s-sekli gerrbu, id-djar baqgħu jżommu diversi karatteristiċi ewlenin. L-iżjed karatteristika apparenti hi l-kobor enormi tagħhom; bħala medja l-kumplessi kien ikollhom iktar minn 200 kamra kull wieħed, u wħud kellhom saħansitra sa 700 kamra. Il-kmamar individwali kellhom daqs sostanzjali, b'soqfa ogħla mill-istrutturi tal-Puebloani Anċestrali ta' perjodi preċedenti. Kienu ppjanati sew: sezzjonijiet sħaħ kienu jitlestew fi stadju wieħed, minflok bl-iskossi. Ġeneralment, id-djar kienu jħarsu lejn in-Nofsinhar, u l-ispazji tal-pjazez kważi dejjem kienu mdawra b'binjiet bi kmamar issiġillati jew b'ħitan għoljin. Id-djar spiss kienu jkunu għoljin erba' jew ħames sulari, bi kmamar ta' sular wieħed iħarsu lejn il-pjazza; il-blokok bil-kmamar kienu jkunu mtarrġin biex l-ogħla sezzjonijiet kienu jokkupaw il-binjiet ta' wara tal-pueblo. Spiss il-kmamar kienu organizzati f'sett ta' kmamar, bil-kmamar ta' quddiem ikbar minn dawk interni ta' wara li kienu jintużaw għall-ħżin.

Strutturi ċerimonjali magħrufa bħala kivas kienu jinbnew b'mod proporzjonali mal-għadd ta' kmamar f'pueblo. Kiva żgħira waħda kienet tinbena għal bejn wieħed u ieħor kull 29 kamra. Disa' kumplessi kienu jospitaw kiva kbira mdaqqsa kull wieħed, b'dijametru sa 63 pied (19-il metru). Il-kivas kollha tal-kultura ta' Chaco kellhom daħliet b'għamla tal-ittra T u blajjet tal-ġebel. Għalkemm spiss kienu jintużaw ħitan sempliċi madwar il-kumpless, id-djar kbar inbnew primarjament b'ħitan ħoxnin: żewġ ħitan riffieda paralleli kienu jkunu magħmula minn blokok ċatti tal-ġebel ramli mkaħħlin bit-tafal. Id-distakki bejn il-ħitan kienu jiġu ppakkjati bir-radam fil-qalba tal-ħitan. Imbagħad, il-ħitan kienu jingħataw kisja b'biċċiet żgħar tal-ġebel ramli, li kienu jingħafsu f'saff tat-tajn. Dawn il-ġebliet tal-wiċċ spiss kienu jitpoġġew skont mudelli distintivi. L-istrutturi kollha tal-kultura ta' Chaco kienu jeħtieġu l-injam ta' 200,000 siġra konifera, il-biċċa l-kbira ttrasportati bil-mixi mill-ktajjen muntanjużi sa 70 mil (110 kilometru) 'il bogħod.

 
Ġew skavati madwar 200,000 biċċa turkważ mill-fdalijiet fil-Kanjon ta' Chaco. Dawn il-biċċiet ta' turkważ u ta' arġillit (aħmar) instabu f'Pueblo Alto.

Il-binjiet iddisinjati bir-reqqa fi ħdan l-ikbar kumplessi tal-kultura ta' Chaco ma tfaċċawx qabel bejn wieħed u ieħor l-1030 W.K. Il-kultura ta' Chaco ħolqu fużjoni ta' disinni arkitettoniċi ppjanati minn qabel, allinjamenti astronomiċi, ġeometrija, xogħol pajsaġġistiku u inġinerija f'ċentri urbani tal-qedem b'arkitettura pubblika unika. Ir-riċerkaturi kkonkludew li l-kumplessi jaf kien ikollhom popolazzjoni residenzjali relattivament żgħira, u l-gruppi kbar ta' nies kienu jinġabru temporanjament biss għal xi ċerimonji annwali. Siti iżgħar, apparentament ta' natura iktar residenzjali, jinsabu sparpaljati qrib id-djar kbar fil-Kanjon ta' Chaco u fil-madwar. Il-kanjon stess huwa ppożizzjonat tul waħda mil-linji tal-allinjament lunari, u dan jissuġġerixxi li l-pożizzjoni oriġinarjament intgħażlet minħabba l-importanza astronomika tagħha. Jekk għal xejn iktar, din id-deċiżjoni ppermettiet l-allinjament ma' diversi strutturi ewlenin oħra fil-kanjon.

It-turkważ kien importanti ħafna għall-poplu Chaco. Ġew skavati madwar 200,000 biċċa turkważ mill-fdalijiet fil-Kanjon ta' Chaco, u nstabu postijiet tal-manifattura lokali taż-żibeġ tat-turkważ. It-turkważ kien jintuża lokalment għall-oġġetti funebri, għad-difniet u għall-offerti ċerimonjali. Iktar minn 15,000 żibġa tat-turkważ u pendenti tat-turkważ instabu f'żewġ difniet f'Pueblo Bonito. Xi riċerkaturi sabu data li tappoġġa l-eżistenza ta' kummerċ mifrux tat-turkważ.

 
Sett tal-għodda lapidarja tal-Puebloani Anċestrali tal-Kanjon ta' Chaco.

F'dak il-perjodu, il-komunità Puebloana Anċestrali estiża (Anasazi) esperjenzat żieda fil-popolazzjoni u fil-kostruzzjoni. Matul is-seklu 10 kollu, it-tekniki tal-kostruzzjoni tal-kultura ta' Chaco nfirxu mill-kanjon lejn ir-reġjuni ġirien. Sal-1115 W.K. inbnew mill-inqas 70 pueblo remot tal-kultura ta' Chaco fi ħdan il-25,000 mil kwadru (65,000 km2) tal-Baċir ta' San Juan. L-esperti jispekulaw dwar il-funzjoni ta' dawn il-kumplessi, u wħud minnhom tant huma kbar li jistgħu jitqiesu bħala djar kbar ukoll. Xi wħud jissuġġerixxu li jaf kienu iktar minn sempliċi komunitajiet agrikoli, u li x'aktarx kienu jiffunzjonaw bħala ċentri kummerċjali jew siti ċerimonjali.

Tletin minn dawn il-pueblos remoti, mifruxa f'erja ta' 65,000 mil kwadru (170,000 km2), huma kkollegati mal-kanjon ċentrali u ma' xulxin permezz ta' network enigmatiku ta' sitt sistemi ta' toroq tal-kultura ta' Chaco. Estiżi sa 60 mil (97 kilometru) ġeneralment tul rotot dritti, dawn it-toroq milli jidher inbnew bi stħarriġ u b'inġinerija estensivi. Il-qigħan 'l isfel u mibruxa tagħhom jilħqu wisa' sa 30 pied (9.1 metri); blat jew ħamrija kkumpattjata, li xi kultant jiffurmaw ħitan baxxi, jiddelimitaw it-truf tagħhom. Meta kien ikun meħtieġ, it-toroq kien ikollhom mogħdijiet fondi b'taraġ tal-ġebel u rampi tal-blat biex jaqbżu l-irdumijiet u ostakli oħra. Għalkemm l-iskop tagħhom qatt mhu se jkun magħruf fiċ-ċert, l-arkeologu Harold Gladwin innota li l-poplu Navajo fil-qrib jemmen li l-Anasazi bnew it-toroq biex jittrasportaw l-injam, u l-arkeologu Neil Judd offra ipoteżi simili.

Astronomija arkeoloġika

immodifika

Sejf tax-Xemx

immodifika
 
Din il-pittogramma fil-Kanjon ta' Chaco jaf qed turi s-supernova tal-1054 W.K. Din is-supernova u l-Qamar kienu f'din il-konfigurazzjoni meta s-supernova kienet kważi qed tiddi l-iktar. Impronta ta' id fuq nett tindika li dan kien post sagru.

Żewġ inċiżjonijiet ta' spirali jew ċrieki konċentriċi qrib il-quċċata ta' Fajada Butte jiffurmaw l-inċiżjoni petroglifika magħrufa bħala s-"Sejf tax-Xemx" li tinsab wara l-panewijiet tal-blat tas-"Sit tat-Tliet Ħaġriet". Dawn l-inċiżjonijiet huma simbolikament fokali.

Jikkonsistu minn żewġ spirali — waħda prinċipali u waħda anċillari. L-ispirali anċillari tan-naħa tax-xellug kienet "taqbad" l-ekwinozji tar-rebbiegħa u tax-xitwa; l-inġenju tagħha kien joħroġ fid-dieher meta raġġ ta' dawl kien jinżel eżatt fuqha, wara li kien jiġi ffiltrat mit-tliet ħaġriet, u kien jaqsamha fi tnejn. L-ispirali prinċipali hija ikbar u tinsab fuq il-lemin tagħha u kienet tixgħel bis-saħħa tas-"sejf tax-xemx", jiġifieri raġġ ta' dawl li kien jaqsamha għal darb'oħra permezz tal-iffiltrar tad-dawl mill-ħaġriet. Id-dawl tax-xemx jiddi fuqha f'nofsinhar tas-solstizju tas-sajf. Skont l-artista Anna Sofaer li skopriet is-"Sejf tax-Xemx", il-kultura ta' Chaco permezz ta' din l-inċiżjoni turi li kienet skopriet "in-nofs taż-żmien". Kull dawra tal-ispirali l-kbira b'9.25 dawriet, instab li timmarka sena skont iċ-"ċiklu tal-eskursjoni lunari" ta' 18.6-il sena tat-tlugħ tal-Qamar kwinta ta' nofs ix-xitwa. Dan ir-rekord jinżamm permezz ta' dell lunari mill-ħaġriet, u t-tarf tiegħu jolqot kull dawra waħda wara l-oħra. Mat-tlugħ tal-"Qamar kwinta minimu" li jkun l-eqreb tas-solstizju tax-xitwa, it-tarf tad-dell jolqot b'mod preċiż iċ-ċentru tal-ispirali l-kbira; imbagħad jimxi 'l barra sena wara sena, dawra wara l-oħra, sa ma jolqot l-iktar tarf ta' barra matul il-"Qamar kwinta massimu", mill-ġdid f'nofs ix-xitwa.

F'Fajada Butte hemm ħames petroglifiċi oħra — inkluż tinqixa ta' "serp taċ-ċekċieka", spirali oħra, u rettangolu — li jispikkaw bil-kuntrasti bejn ir-raġġi tax-xemx u d-dellijiet matul l-ekwinozji jew is-solstizji. L-aċċess pubbliku ma baqax permess meta fl-1989 instab li l-erożjoni kkawżata mill-mixi wasslet biex waħda mit-tliet ħaġriet fis-sit tas-"Sejf tax-Xemx" tibdel kemxejn il-pożizzjoni tal-qedem tagħha; b'hekk il-ħaġriet tilfu ftit mill-preċiżjoni spazjali u temporali li kellhom qabel bħala kalendarju solari u lunari. Fl-1990 il-ħaġriet ġew stabbilizzati u tpoġġew taħt osservazzjoni, iżda l-ħaġra li kienet iċċaqilqet kemxejn ma reġgħetx tpoġġiet fl-orjentazzjoni oriġinali tagħha.

Allinjamenti

immodifika
 
Casa Rinconada.

Xi wħud ressqu t-teorija li mill-inqas 12 mill-14-il kumpless prinċipali tal-kultura ta' Chaco ġew ippożizzjonati u allinjati b'mod koordinat, u li kull kumpless ġie orjentat tul assi li jirriflettu żminijiet kruċjali meta kienu jgħaddu x-xemx u l-qamar. L-ewwel dar kbira li nstab li kellha pożizzjonament u allinjament preċiżi kienet Casa Rinconada: il-portali tewmin b'għamla tal-ittra T tal-kiva kbira tagħha b'raġġ ta' 10 metri (33 pied) kienu kolineari mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u l-assi li kienu jikkollegaw it-twieqi faċċata ta' xulxin kienu jgħaddu sa 10 ċentimetri (4 pulzieri) miċ-ċentru tagħha. Id-djar kbar ta' Pueblo Bonito u Chetro Ketl instab mill-"Proġett tas-Solstizju" u mill-Istħarriġ Ġeodetiku tal-Istati Uniti li kienu ppożizzjonati b'mod preċiż tul linja mil-Lvant għall-Punent, tul assi li "taqbad" ir-raġġi tax-xemx tal-ekwinozji. Il-linji li jgħaddu b'mod perpendikolari mill-ħitan prinċipali tagħhom huma allinjati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u jimplikaw ħsieb possibbli biex jirriflettu nofsinhar tal-ekwinozji. Pueblo Alto u Tsin Kletsin huma allinjati wkoll mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Dawn iż-żewġ assi jiffurmaw salib bil-kontra meta wieħed jarahom mill-għoli; it-tarf tat-Tramuntana tagħhom huwa estiż b'35 mil (56 kilometru) oħra minn Pueblo Alto permezz tat-Triq il-Kbira dritta tat-Tramuntana, li kienet rotta tal-pellegrinaġġi li llum il-ġurnata l-Indjani Puebloani moderni jemmnu li kienet allużjoni għall-miti dwar il-wasla tagħhom mit-Tramuntana mbiegħda.

 
Pueblo Pintado, dar kbira mbiegħda fil-Kanjon ta' Chaco.

Żewġ kumplessi dijametrikament opposti iżda tul latitudni kondiviża, Pueblo Pintado u Kin Bineola, jinsabu xi 15-il mil (24 kilometru) mill-binjiet ewlenin tal-kanjon ċentrali. Kull kumpless jinsab tul mogħdija mill-kanjon ċentrali li hija kolineari mal-passaġġ u mal-inżul tal-"Qamar kwinta minimu" ta' nofs ix-xitwa, li jseħħu kull 18.6-il sena. Żewġ kumplessi oħra li huma inqas 'il bogħod minn Pueblo Bonito, Una Vida u Peñasco Blanco, jikkondividu assi kolineari mal-passaġġ tal-"Qamar kwinta massimu". It-termini "minimu" u "massimu" jirreferu għall-punti estremi ażimutali fiċ-ċiklu tal-eskursjoni lunari, jew il-varjazzjonijiet fid-direzzjoni meta mqabbla mat-Tramuntana reali li joħorġu fid-dieher matul l-inżul tal-Qamar kwinta. Jgħaddu bejn wieħed u ieħor 9.25 snin biex l-eqreb tlugħ jew inżul tal-Qamar kwinta għas-solstizju tax-xitwa jipproċedu mit-Tramuntana ażimutali massima jew l-"estrem massimu" għall-iżjed ażimut fin-Nofsinhar jew l-"estrem minimu".

Ingħataw diversi spekulazzjonijiet rigward ir-raġunijiet marbuta mal-allinjamenti:

Peress li dawn in-nies kienu jħarsu lejn is-smewwiet... innutaw li kienu hemm ċertu ordni. Dak li kien hemm fil-kumplessi... kien joħloq kuntrast ma' dan. Xi snin kien ikun hemm wisq nixfa u sħana... f'oħrajn kien ikun hemm wisq riħ u kesħa. Jekk kien hemm mod biex l-ordni kożmoloġiku jiġi ttrasferit f'dak li kien jidher bħala kaos fuq l-art, imbagħad wieħed malajr jibda jintegra s-smewwiet u l-art ma' dan il-post. U hawnhekk... kien ikun il-post ċentrali. —  Phillip Tuwaletstiwa, l-Istħarriġ Ġeodetiku Nazzjonali tal-Istati Uniti, The Mystery of Chaco Canyon.

Gallerija

immodifika

Iktar qari

immodifika
  • Bower, Bruce (May 17, 2017). "Chaco Canyon's ancient civilization continues to puzzle". Science News.
  • Plog, Stephen (1998), Ancient Peoples of the American Southwest (it-tieni edizzjoni), Thames and London, ISBN 9780500286937, OCLC 912500940, tpinġijiet ta' Amy Elizabeth Grey.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Strutin, M. (1994), Chaco: A Cultural Legacy, Southwest Parks and Monuments Association, ISBN 978-1877856457, p. 6.
  2. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, p. 35.
  3. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, pp. 177-182.
  4. ^ Sofaer, A. (1997), The Primary Architecture of the Chacoan Culture: A Cosmological Expression, University of New Mexico Press.
  5. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, p. 198.
  6. ^ "Chaco Culture". UNESCO.
  7. ^ "Chaco Culture National Historical Park (U.S. National Park Service)". web.archive.org. 2009-07-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-07-30. Miġbur 2024-08-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Sofaer, A.; Dibble, M. (1999), "The Mystery of Chaco Canyon", The Solstice Project, Bullfrog Films.
  9. ^ "Trail of the Ancients - New Mexico Tourism - Travel & Vacation Guide". web.archive.org. 2014-08-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-08-21. Miġbur 2024-08-13.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, p. 5.
  11. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, p. 43.
  12. ^ Hopkins, R. L. (2003), Hiking the Southwest's Geology: Four Corners Region, Mountaineers Books, ISBN 978-0898868562, p. 242.
  13. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, pp. 46-47.
  14. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, p. 44.
  15. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, p. 45.
  16. ^ Frazier, K. (2005), People of Chaco: A Canyon and Its Culture, Norton, ISBN 978-0393318258, p. 181.
  17. ^ Fagan, B. M. (2005), Chaco Canyon: Archaeologists Explore the Lives of an Ancient Society, Oxford University Press, ISBN 978-0195170436, p. 222.
  18. ^ Fagan, B. M. (1998), From Black Land to Fifth Sun: The Science of Sacred Sites, Basic Books, ISBN 978-0738201412, p. 177.
  19. ^ Stuart, D. E. (2000), Anasazi America, University of New Mexico Press, ISBN 978-0826321794, pp. 14-17.