Karlskrona

lokalità Żvediża

Karlskrona (pronunzja bil-Malti:ˈkɑːrlskroʊnə/, pronunzja bl-Iżvediż: [kaɭsˈkrûːna]) hija lokalità u s-sede tal-Muniċipalità ta' Karlskrona, il-Kontea ta' Blekinge, l-Iżvezja b'popolazzjoni ta' 66,675 ruħ fl-2018.[1] Hija wkoll il-belt kapitali tal-Kontea ta' Blekinge. Karlskrona hija magħrufa bħala l-unika belt Barokka tal-Iżvezja u tospita l-ikbar bażi navali tal-Iżvezja u l-kwartieri ġenerali tal-Gwardja Kostali Żvediża.

Karlskrona
 Żvezja
Amministrazzjoni
Stat sovranŻvezja
County of SwedenKontea ta' Blekinge
Municipality of SwedenMuniċipalità ta' Karlskrona
Isem uffiċjali Karlskrona
Kodiċi postali 371 xx
Ġeografija
Koordinati 56°11′32″N 15°37′51″E / 56.19221°N 15.630842°E / 56.19221; 15.630842Koordinati: 56°11′32″N 15°37′51″E / 56.19221°N 15.630842°E / 56.19221; 15.630842
Karlskrona is located in Sweden
Karlskrona
Karlskrona
Karlskrona (Sweden)
Superfiċjenti 2,138±0.5 hectare
Għoli 16 m
Demografija
Popolazzjoni 36,904 abitanti (31 Diċembru 2020)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1680
Kodiċi tat-telefon 0455
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Hillerød (en) Translate, Ólafsfjörður (en) Translate, Klaipėda, Gdyniau Rostock
karlskrona.se

Storikament, il-belt ospitat minoranza Ġermaniża[2], u din ippermettiet il-formazzjoni ta' knisja tal-Kongregazzjoni Ġermaniża. Il-belt kellha wkoll għadd ta' Lhud fil-popolazzjoni tagħha.[3]

Fl-1998, partijiet mill-belt, inkluż il-bażi navali ta' Karlskrona, ġew iddikjarati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Matul is-seklu 17, is-sjieda tal-gżira li fuqha nbniet Karlskrona, Trossö, kienet tal-bidwi Vittus Andersson. Taħt it-tmexxija tad-Daniżi, kien hemm raħal ieħor iktar antik imsejjaħ Lyckå fuq l-art kontinentali ftit kilometri 'l bogħod. Ftit iktar lil hinn, id-Daniżi bdew jibnu lil Kristianopel qabel ma Blekinge sfat taħt l-Iżvediżi fl-1658. Sal-1679, il-gżira u l-gżejriet tal-madwar kienu tal-bidwi Vittus Andersson; li mbagħad kien imġiegħel ibigħ il-proprjetajiet tiegħu lill-monarkija Żvediża. F'dik l-istess sena, tħejjew il-pjanijiet biex il-biċċa l-kbira tal-flotta tar-renju tiġi bbażata fuq Trossö.

Il-belt ġiet stabbilita fl-10 ta' Awwissu 1680[5] meta l-Flotta Navali Rjali Żvediża ġiet rilokata minn Stokkolma għal Trossö, li sa dak iż-żmien kienet intużat l-iktar għall-biedja u għar-ragħa. Fl-istess żmien l-Iżvezja kienet is-setgħa militari dominanti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku, iżda kellha bżonn pożizzjoni iktar strateġika kontra d-Danimarka, peress li xi partijiet tan-Nofsinhar tal-Iżvezja kienu nħakmu xi ftit deċennji qabel biss. Il-flotta Żvediża spiss kienet teħel qrib Stokkolma minħabba s-silġ fix-xitwa u għaldaqstant ġiet ittrasferita iktar lejn in-Nofsinhar. Il-gżira kellha pożizzjoni strateġika ħafna b'distanzi qosra ta' tbaħħir sal-provinċji Ġermaniżi u Baltiċi. Isem il-belt ifisser il-"Kuruna ta' Karlu" f'ġieħ ir-Re Karlu XI tal-Iżvezja. L-isem ġie ispirat mill-isem tal-belt ta' Landskrona.

Fl-1682 inbnew pontijiet li kkollegaw iċ-ċentru tal-belt mal-art kontinentali. L-ewwel pjanta tal-belt, imfassla fl-1683 minn Erik Dahlbergh, Hans Wachtmeister u Carl Magnus Stuart, turi lil Karlskrona bħala fortizza pura. Il-pjanta tal-1694 ta' Erik Dahlberg, li iktar 'il quddiem ġiet segwita, ipprovdiet ukoll spazju għall-iżvilupp urban.[6]

Il-belt kibret malajr u sal-1750 Karlskrona kellha madwar 10,000 abitant. Dak iż-żmien kienet waħda mill-ikbar bliet fil-pajjiż. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet Barokki minn din l-era għadhom eżistenti, li hija r-raġuni għaliex iċ-ċentru tal-belt huwa uniformi arkitettonikament.

Karlskrona f'qasir żmien saret it-tliet l-ikbar belt tar-renju, wara Riga u Stokkolma.

It-tarzna f'Karlskrona ġiet stabbilita kważi fl-istess żmien li ġiet stabbilita l-belt. Kienet meħtieġa minħabba t-telfiet kbar li ġarrbet il-flotta navali Żvediża fl-1659. Fl-1711, it-tarzna kienet l-iktar impjegatur industrijali tal-Iżvezja b'1,100 ħaddiem. L-eqdem baċir, il-baċir ta' Polhem, tħaffer fl-irdum u għadu jintuża. L-isem oriġina minn Christopher Polhem (id-"Da Vinci Żvediż", xjenzat famuż b'diversi invenzjonijiet li għadhom jintużaw sa llum il-ġurnata). Hemm ukoll fabbrika storika tal-produzzjoni tal-ħbula (Repslagarbanan), li hija aċċessibbli għall-pubbliku bi żjarat iggwidati. Karlskrona żviluppat malajr, iżda fil-bidu tas-seklu 18 kien hemm staġnar minħabba l-gwerra u l-pesta. Bejn l-1701 u l-1711 mietu madwar 7,000 ruħ minħabba l-pesta. Fl-1741 u fl-1789, il-pesta reġgħet faqqgħet fil-belt, u f'kull waħda minn dawk is-sentejn mietu 6,000 ruħ.[6]

Meta Karlskrona, bħala belt portwali militari magħluqa, bil-mod il-mod bdiet tmajna b'mod parallel mal-poter Żvediż, it-tkabbir batta, u l-belt tilfet ħafna mill-glorja preċedenti tagħha, għalkemm żammet il-pożizzjoni tagħha bħala bażi navali qawwija. Il-fatt li Karlskrona kienet maħsuba bħala l-belt kapitali futura ta' qawwa kbira joħroġ fid-dieher l-iktar fil-partijiet ċentrali tal-belt fejn l-iStortorget isegwi l-ideali ta' dak iż-żmien rigward kif kienu jidhru l-bliet il-kbar tal-Ewropa dak iż-żmien. Il-belt għandha konfigurazzjoni Barokka bi pjazza kbira miftuħa fejn jinsabu l-knisja, il-muniċipju u l-amministrazzjoni statali. L-għadd ta' knejjes u kastelli tal-amministrazzjoni statali juri wkoll il-funzjoni maħsuba tal-belt. Iż-żona militari kbira u t-tarzna jura li Karlskrona, bħala l-qawwa tan-Nofsinhar tar-renju, għal żmien twil kienet meqjusa bħala belt importanti ħafna li kellha tiġi difiża. Anke llum il-ġurnata, isiru operazzjonijiet militari f'Karlskronavarvet. Għalhekk, Karlskrona kienet maħsuba biex tissostitwixxi lil Stokkolma bħala l-belt kapitali tar-renju, iżda dan qatt ma twettaq.

Bejn l-1910 u l-1949, kien hemm tramm elettriku li kien jopera minn Amiralitetsgatan fin-Nofsinhar sa Bergåsa fit-Tramuntana.

Il-belt żammet l-istruttura tat-toroq tagħha minn mindu ġiet stabbilita. Peress li t-toroq tagħha kollha jsegwu mudell ta' grilja, l-irjieħ jonfħu liberament mill-baħar sal-qalba tal-belt.

Partijiet mill-belt (l-iktar il-Port Navali) ġew iddikjarati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]

F'Ottubru 1981 is-sottomarin Sovjetiku S-363 tal-klassi Whiskey (magħruf bħala "U137" fl-Iżvezja) inkalja fl-arċipelagu ħdejn Sturkö ftit 'il barra minn Karlskrona. Il-mezzi tax-xandir laqqmu l-aħbar bħala l-"Whiskey on the Rocks". L-inċident ikkawża żieda temporanja fit-tensjonijiet bejn l-Iżvezja u l-Unjoni Sovjetika. Filwaqt li l-inkaljar tas-sottomarin ċertament ma kienx ippjanat, u x'aktarx li seħħ minħabba xi membri tal-ekwipaġġ fis-sakra, is-sottomarin x'aktarx kien qed iwettaq xi missjoni sigrieta mhux speċifikata.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Port Navali ta' Karlskrona ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Ġeografija

immodifika

Il-belt ta' Karlskrona hija mifruxa fuq 30 gżira fin-naħa tal-Lvant tal-arċipelagu ta' Blekinge, u Trossö hija dik prinċipali.[8] Gżejjer popolati oħra huma Saltö, Sturkö, Hästö, Långö u Aspö. Il-gżejra ta' Stumholmen fl-imgħoddi kienet proprjetà tal-Flotta Navali u llum il-ġurnata tospita l-Mużew Navali Nazzjonali (Marinmuseum). 'Il barra mill-belt hemm l-arċipelagu ta' Karlskrona, l-iżjed arċipelagu fin-Nofsinhar tal-Iżvezja. Diversi gżejjer huma kkollegati mal-belt permezz ta' laneċ.

Data klimatika għal Karlskrona, temp. estremi 2015-2020
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 9.4

(48.9)

13.8

(56.8)

12.8

(55.0)

18.5

(65.3)

26.4

(79.5)

28.7

(83.7)

29.2

(84.6)

29.4

(84.9)

25.0

(77.0)

17.7

(63.9)

15.2

(59.4)

10.9

(51.6)

29.4

(84.9)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 4.0

(39.2)

4.3

(39.7)

7.0

(44.6)

11.8

(53.2)

16.6

(61.9)

21.0

(69.8)

22.0

(71.6)

22.9

(73.2)

18.7

(65.7)

13.2

(55.8)

8.5

(47.3)

6.2

(43.2)

13.1

(55.6)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 2.0

(35.6)

2.2

(36.0)

3.6

(38.5)

7.3

(45.1)

12.1

(53.8)

16.5

(61.7)

17.8

(64.0)

18.9

(66.0)

15.0

(59.0)

10.4

(50.7)

6.5

(43.7)

4.4

(39.9)

9.7

(49.5)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 0.3

(32.5)

0.1

(32.2)

0.1

(32.2)

2.8

(37.0)

7.6

(45.7)

12.0

(53.6)

13.8

(56.8)

15.0

(59.0)

11.3

(52.3)

7.4

(45.3)

4.5

(40.1)

2.6

(36.7)

6.3

(43.3)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −10.2

(13.6)

−8.9

(16.0)

−6.1

(21.0)

−1.1

(30.0)

2.1

(35.8)

7.5

(45.5)

10.6

(51.1)

9.8

(49.6)

4.4

(39.9)

0.8

(33.4)

−4.1

(24.6)

−4.9

(23.2)

−10.2

(13.6)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 43.3

(1.70)

25.9

(1.02)

32.9

(1.30)

31.0

(1.22)

34.8

(1.37)

39.7

(1.56)

58.3

(2.30)

42.7

(1.68)

51.5

(2.03)

46.4

(1.83)

52.9

(2.08)

44.0

(1.73)

503.3

(19.81)

Sors:SMHI[9]
Data klimatika għal Karlskrona
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. medja tal-baħar f'°C 3.6 3.1 2.9 4.8 9.0 14.9 18.5 19.0 17.1 12.8 9.4 6.0 10.3
Medja ta' sigħat ta' xemx kuljum 8.0 10.0 12.0 15.0 17.0 18.0 17.0 15.0 13.0 11.0 8.0 7.0 12.4
Indiċi Ultravjola Medju 0 1 2 4 5 6 6 5 4 2 1 0 3
Sors: Weather Atlas[10]

Kultura u wirt

immodifika

L-iżjed jum importanti f'Karlskrona huwa l-jum qabel lejliet nofs is-sajf. Dakinhar issir fiera kbira u tattira għexieren ta' eluf ta' viżitaturi lejn Karlskrona. Il-fiera tissejjaħ Lövmarknaden (Il-Fiera tal-Weraq) u hija popolari ħafna fost iċ-ċittadini lokali.

Il-pjazza ewlenija ta' Karlskrona hija l-ikbar waħda fl-Iskandinavja.

Kull sena lejn l-aħħar ta' Lulju u l-bidu ta' Awwissu jsir festival popolari msejjaħ Il-Qala' fil-port ta' Karlskrona. Normalment ikun post fejn il-familji jmorru jieklu u jixorbu, u jaraw id-dgħajjes tal-qlugħ irmiġġati mal-moll. Matul il-festival, l-iscouts tal-baħar ta' Karlskrona jaqdfu fuq dgħajsa filwaqt li jkollhom torċi mixgħula fil-port u jdoqqu l-innu nazzjonali għall-vapuri fil-port.

Dan l-aħħar dan il-festival ġie sostitwit b'festival ieħor imsejjaħ Skärgårdsfest.[11]

L-arkitettura antika flimkien mal-istrutturi navali huma attrazzjonijiet turistiċi importanti ta' Karlskrona. Il-belt għandha atmosfera pjaċevoli u hija waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin fix-Xlokk tal-Iżvezja.

Wirt arkitettoniku

immodifika

Karlskrona ppreservat il-binjiet tagħha u l-konfigurazzjoni tagħha kważi għalkollox mill-istabbiliment tagħha.

Meta l-belt ġiet stabbilita fl-1680, primarjament kienet maħsuba bħala belt militari, b'ħafna difiżi u fortifikazzjonijiet li sfruttaw it-topografija partikolari tal-belt. Xi fortifikazzjonijiet kienu jinsabu fuq il-gżira prinċipali (Trossö) bħall-Bastjun ta' Aurora, li nbena fil-bidu tas-seklu 18, iżda l-biċċa l-kbira tiegħu nbniet fuq il-gżejjer fil-qrib (Ljungskär, Mjölnareholmen, Godnatt, Koholmen u Kurrholmen) jew iktar lil hinn, bħall-gżejjer fl-aħħar tal-bajja, flimkien b'mod partikolari mal-fortizza importanti ta' Kungsholmen u l-port ċirkolari tagħha.[12]

Iżda l-parti ċivili tal-belt ġiet ippjanata bir-reqqa. Għandha pjanta bi grilja rettangolari, għalkemm hemm ukoll xi toroq djagonali, maħluqa minħabba t-topografija taċ-ċentru storiku tal-belt. Nicodème Tessin ix-Xiħ kien responsabbli għad-disinn tal-binjiet u ta lil belt stil Barokk uniformi ħafna. Il-binja ċentrali tal-belt hija l-Knisja ta' Fredrikskyrkan, li nbniet fis-snin 90 tas-seklu 17,[13] fil-pjazza prinċipali li hija wkoll l-ogħla punt tal-gżira. Diversi knejjes oħra jinsabu fil-belt, bħall-Knisja tat-Trinità Mqaddsa, li nbniet għall-Ġermaniżi tal-belt fl-1709, jew l-Amiralitetskyrkan, li ġiet ikkonsagrata fl-1685.[14]

Quddiem l-Amiralitetskyrkan hemm l-istatwa ta' Rosenbom, li saret famuża bis-saħħa tal-ktieb tat-tfal ta' Selma Lagerlöf, The Wonderful Adventures of Nils, fejn l-istatwa tirrakkonta l-istorja tal-knisja.[15] Qrib il-knisja hemm ukoll it-torri ta' Admiralstorn, li jmur lura għall-1699. Oriġinarjament dan kien jintuża biex jindika l-ħin għall-ħaddiema tat-tarzna iżda mill-1909 intuża bħala t-torri tal-knisja. L-istatwa żżomm test bl-Iżvediż f'idejha: "Umilment nitolbok, minkejja l-leħen dgħajjef tiegħi, biex tiġi u titfa' xi munita wara li tgħolli l-kappell tiegħi. Imbierkien dawk li jieħdu ħsieb il-foqra", li ġejja mill-aħħar sentenza tal-Bibbja.

Finalment, il-belt għandha wkoll xi binjiet iktar reċenti, bħas-Sala tal-Mudelli, li bejn l-1780 u l-1920 ospitat diversi mudelli ta' dgħajjes. Dawn ġew ittrasferiti lill-Mużew Marittimu jew lill-muniċipju wara n-nirien tal-1790. Barra minn hekk, hemm il-binja tal-kontea (Länsresidenset) li nbniet bejn l-1909 u l-1911.[16]

Mużewijiet

immodifika

L-iżjed mużew li jżuruh nies fil-belt huwa l-Mużew Navali, li jilqa' madwar 250,000 viżitatur fis-sena; kważi nofshom ikunu Żvediżi. Il-Mużew Navali huwa l-mużew nazzjonali tal-Iżvezja dwar l-istorja tal-Flotta Navali Żvediża. Flimkien mal-wirjiet, il-mużew jospita kollezzjonijiet ta' oġġetti, arkivju ta' tpinġijiet, arkivju fotografiku u librerija. Il-mużew huwa involut ukoll fir-riċerka.

Il-binja attwali tal-mużew f'Stumholmen f'Karlskrona nfetħet fl-1997 mir-re attwali Karlu XVI Gustaf. Qabel dik id-data, il-mużew kien jinsab fl-eks barrakki tal-kadetti fil-port navali, Örlogshamnen, u sal-1963 kien magħruf bħala l-Mużew tat-Tarzna (Varvsmuseet).

Il-mużew huwa bbażat fuq is-"Sala tal-Mudelli" li nħolqot fl-1752 mir-Re Adolf Frederick tal-Iżvezja, fejn diversi mudelli ta' dgħajjes ġew maħżuna sabiex jiġu ttestjati tipi differenti ta' strutturi. Ilum il-ġurnata, dawn il-mudelli għadhom jiffurmaw il-qalba tal-kollezzjoni tal-mużew, iżda l-mużew jittraċċa wkoll l-istorja tal-Flotta Navali Żvediża.[17]

Il-belt tospita wkoll il-Mużew ta' Blekinge, bi 82,443 viżitatur fl-2008.[18]

Ekonomija

immodifika

Uħud mill-ikbar impjegaturi f'Karlskrona huma Telenor, Ericsson u Roxtec. Il-belt għandha preżenza kumplessiva qawwija fl-industriji bbażati fuq it-teknoloġija informatika.

Trasport

immodifika

Il-belt hija ppożizzjonata fix-Xlokk tal-Iżvezja b'kollegamenti eċċellenti man-naħa l-oħra tal-Baħar Baltiku. Hemm linja ta' laneċ li topera lejn Gdynia fil-Polonja li tittrasporta l-merkanzija u l-passiġġieri. L-operatur ta' dan is-servizz huwa l-Linja Stena.

Il-biċċa l-kbira tal-gżejjer ta' Karlskrona huma kkollegati ma' xulxin permezz ta' toroq. Waħda mill-gżejjer popolati l-kbar, Aspö, hija kkollegata ma' lanċa żgħira li ġġorr anke l-vetturi. Id-dgħajjes ibaħħru wkoll bejn diversi gżejjer tal-arċipelagu matul ix-xhur tas-sajf.

Trasport bit-triq

immodifika

Il-belt tinsab qrib l-awtostrada Ewropea 22, ikkollegata permezz ta' sezzjoni żgħira tal-awtostrada, li tagħmel parti mat-triq nazzjonali 28. L-E22 tikkollega l-bliet prinċipali tan-Nofsinhar tal-Iżvezja, fosthom Malmö, Lund u Kristianstad, imbagħad tibqa' tiela' mal-kosta tal-Lvant lejn Kalmar u Norrköping. It-triq nazzjonali 28 tikkollega lil Karlstad ma' Emmaboda.

Trasport bil-ferrovija

immodifika

Peress li l-belt kienet waħda mill-iktar importanti fl-Iżvezja, b'mod partikolari bis-saħħa tat-tarzna l-kbira tagħha, il-ħtieġa ta' linja ferrovjarja kienet kbira. Il-belt ingħatat l-ewwel linja ferrovjarja tagħha fl-1874, li kkollegatha ma' Växjö, li minnha nnifisha kienet ikkollegata mill-1865 mal-linja prinċipali Södra stambanan. Imbagħad, il-linja bdiet topera sat-Tramuntana taċ-ċentru storiku tal-belt ta' Karlskrona. It-tarzna, iktar lejn in-Nofsinhar, kienet ikkollegata fl-1888, bis-saħħa ta' linja taħt l-art ta' żewġ kilometri, iżda l-linja ngħalqet fl-1990. Din il-linja issa hija parti mill-Kust till Kust banan, li tikkollega lil Göteborg u Kalmar. Il-belt ingħatat linja ferrovjarja ġdida fl-1889 meta nbniet il-Blekinge kustbana, li tikkollega lil Kristianstad ma' Karlskrona.

Trasport marittimu

immodifika

Hemm servizz regolari bil-lanċa minn Karlskrona sa Gdynia fil-Polonja, operat mil-Linja Stena, b'medja ta' żewġ vjaġġi 'l hemm u 'l hawn kuljum.[19] Din il-linja ġġorr kważi 500,000 ruħ fis-sena. Il-port ta' Karlskrona jaqdi wkoll lill-arċipelagu ta' Blekinge.

Trasport bl-ajru

immodifika

L-eqreb ajruport għall-belt huwa l-Ajruport ta' Ronneby, ħdejn Ronneby, b'titjiriet skedati lejn Stokkolma (Bromma u Arlanda).[20] Fl-2009 ttranżitaw 191,168 ruħ minn dan l-ajruport.[21]

Reliġjon

immodifika

Hemm tliet knejjes importanti f'Karlskrona. Il-Fredrikskyrkan (il-Knisja ta' Federiku) ġiet iddisinjata minn Nicodemus Tessin ix-Xiħ, li ġie influwenzat mill-arkitettura Taljana. Is-sisien ta' dik il-knisja nbnew fl-1720 u ġiet inawgurata fl-1744. Hija differenti mill-knejjes Żvediżi normali peress li għandha lewn oranġj, tiżjin partikolari u żewġ torrijiet minkejja li mhijiex knisja veskovali.

It-Trefaldighetskyrkan (il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa), imsejħa wkoll il-Knisja Ġermaniża, inbniet fl-1697-1709, abbażi tat-tpinġijiet ta' Tessin. Il-knisja tinsab ukoll fil-pjazza tas-suq fil-qalba tal-belt. Is-saqaf b'għamla ta' koppla huwa influwenzat ukoll mill-arkitettura Taljana u huwa karatteristika li qajla tidher fil-knejjes Żvediżi inġenerali.

Il-Knisja tal-Ammirall ta' Karlskrona (Amiralitetskyrkan) inbniet fl-1685 bl-injam miżbugħ bl-aħmar u hija waħda mill-ikbar knejjes tal-injam tal-Iżvezja. Quddiem il-knisja hemm l-istatwa famuża ta' Rosenbom.

Paroċċi

immodifika
  • Il-Parroċċa tal-Belt ta' Karlskrona (mill-10 ta' Awwissu 1680);
  • il-Parroċċa Ġermaniża ta' Karlskrona (mill-10 ta' Awwissu 1680 sal-1 ta' Novembru 1846);
  • il-Parroċċa tal-Priġunieri ta' Karlskrona (mill-1808 sal-4 ta' Lulju 1866);
  • il-Parroċċa tal-Mużajk f'Karlskrona (mill-1785 sal-1994);
  • il-Parroċċa Rjali tal-Ammirall ta' Karlskrona (mill-1681, parroċċa mhux territorjali).

Hemm ukoll Knisja Kattolika ddedikata lill-Madonna ta' Fatima, f'Södra Kungsgatan 1, 371 30 Karlskrona.[22]

Edukazzjoni

immodifika

Il-belt hija l-kampus prinċipali tal-Blekinge tekniska högskola, Istitut tat-Teknoloġija stabbilit fl-1989[23], li huwa wieħed mill-ftit kulleġġi universitarji jew högskolor fl-Iżvezja li għandu d-dritt li jagħti d-dottorati. B'hekk għandu status pjuttost simili għal dak ta' università reali. L-istitut jimpjega madwar 600 ruħ u jospita madwar 8,000 student.[24]

Il-klabbs sportivi li ġejjin huma stabbiliti f'Karlskrona:

Letteratura

immodifika

F'The Surgeon's Mate ta' Patrick O'Brian, Karlskrona hija l-bażi tal-flotta Brittanika fil-Baħar Baltiku għall-ħabta tal-1813, meta ż-żewġ nazzjonijiet kienu f'perjodu ta' paċi ma' xulxin u alleati kontra Napuljun. Il-Kaptan Jack Aubrey u Stephen Maturin jagħtu bidu għal azzjoni biex jinħeles grupp ta' forzi Katalani li kienu għadhom fis-servizz Franċiż fuq gżira fittizja fil-kosta tal-Pomeranja. Il-Viċi Ammirall Sir James Saumarez ikollu l-kmand f'idejh tal-flotta Baltika għall-iskop tar-rumanz.

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Statistika 2008". web.archive.org. 2012-01-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "Ett världsarvs historia - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
  3. ^ Riksarkivet. "Riksarkivet - Sök i arkiven". sok.riksarkivet.se (bl-Iżvediż). Miġbur 2022-10-06.
  4. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Naval Port of Karlskrona". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-05.
  5. ^ "Grattis Karlskrona, 337 år!". Blekinge Läns Tidning (bl-Iżvediż). 2017-08-10. Miġbur 2022-10-06.
  6. ^ a b Carlquist, Gunnar (1933). Svensk uppslagsbok. Bd 14. Malmö: Svensk Uppslagsbok AB. p. 14.
  7. ^ "Karlskrona | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2022-10-06.
  8. ^ Berezin, Henrik (2006). Adventure Guide Scandinavia: Sweden, Norway, & Denmark. Hunter Publishing, Inc. p. 120. ISBN 978-1-58843-579-8.
  9. ^ "Statistik från Väder och Vatten | SMHI | SMHI". web.archive.org. 2013-02-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-02-13. Miġbur 2022-10-05.
  10. ^ Aladin. "Dublin, Ireland - Climate & Monthly weather forecast". Weather Atlas (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-05.
  11. ^ "Karlskrona Skärgårdsfest 2022". Karlskrona Skärgårdsfest (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-06.
  12. ^ "Världsarvet Örlogsstaden Karlskrona - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
  13. ^ "Världsarvet Örlogsstaden Karlskrona - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
  14. ^ "Världsarvet Örlogsstaden Karlskrona - Karlskrona.se". www.karlskrona.se. Miġbur 2022-10-06.
  15. ^ "Karlskrona - Attraktioner - Gubben Rosenbom". web.archive.org. 2012-01-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-01-12. Miġbur 2022-10-06.
  16. ^ "archive.ph". archive.ph. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-09-09. Miġbur 2022-10-06.
  17. ^ "About - The Naval Museum". web.archive.org. 2010-12-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-07. Miġbur 2022-10-06.
  18. ^ "Museer & Konsthallar 2008" (PDF). web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-12-03.
  19. ^ "Färja till Polen - Gdynia. Boka resa hotell kryssning - Stena Line". web.archive.org. 2011-07-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-12. Miġbur 2022-10-06.
  20. ^ "Destinationer - Ronneby Airport". web.archive.org. 2011-03-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-03-08. Miġbur 2022-10-06.
  21. ^ "Passagerarfrekvens 2009" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-21. Miġbur 2022-10-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  22. ^ "KONTAKT – VÅR FRU AV FATIMA" (bl-Iżvediż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-10-06. Miġbur 2022-10-06.
  23. ^ "Short presentation of the university - Blekinge Institute of Technology". web.archive.org. 2010-12-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-12-27. Miġbur 2022-10-06.
  24. ^ "Universitet&högskolor Högskoleverkets årsrapport 2009" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-08-18. Miġbur 2022-10-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)