Ġużeppi Mercieca

(Rindirizzat minn Joseph Mercieca)

Ġużeppi Mercieca (twieled fil-11 ta' Novembru 1928 – miet fil-21 ta' Marzu 2016) kien l-Arċisqof tal-Arċidjoċesi ta' Malta bejn l-1976 u l-2006. Huwa kienet it-tielet Għawdxi f'din il-kariga.

Ġużeppi Mercieca
arċisqof metropolitan ta ’Malta

29 Novembru 1976 -
Mikiel Gonzi - Pawlu Cremona
Dioceses: Arċidjoċesi ta' Malta
isqof titulari

20 Lulju 1974 -
Dioceses: Gemellae in Numidia (en) Translate
isqof awżiljarju

20 Lulju 1974 -
Dioceses: Arċidjoċesi ta' Malta
Ħajja
Twelid Rabat, 11 Novembru 1928
Nazzjonalità Malta
Grupp etniku Maltin
Mewt Żejtun, 21 Marzu 2016
Post tad-dfin Katidral ta’ San Pawl
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
imħallef
Isqof Kattoliku

Bijografija

immodifika

Ġej minn familja magħrufa bħala "Ta' Mewta" li jagħmlu l-inbid.

Studja fis‑Seminarju ta' Għawdex, wara kompla l‑istudji tiegħu fil-Collegia Capranica f'Ruma u ġie ordnat saċerdot fit‑8 ta' Marzu 1952 ġewwa l-Bażilka ta' San Ġorġ, fl-istess Rabat, Għawdex. Huwa ġab il-lawrija ta' avukat. L-Isqof t'Għawdex, Ġużeppi Pace xtaqu bħala s-suċċessur tiegħu.

Mill‑1959 sal‑1969 kien Rettur tas‑Seminarju ta' Għawdex, sakemm fl‑1969 ġie nominat imħallef tas‑Sacra Romana Rota; kien ukoll konsultur tal‑Kongregazzjoni tas‑Sagramenti u tal‑Kongregazzjoni għad‑Duttrina tal‑Fidi.

Fis‑27 ta' Lulju 1974, issejjaħ lura Malta u ġie nominat awżiljarju ta' Mons. Michael Gonzi u ordnat isqof titulari ta' Gemelle fin‑Numidja fid‑29 ta' Settembru tal‑istess sena. Dak iż-żmien Mercieca ma tantx kien magħruf Malta. Jidher li l-kleru Għawdxi ma riduhx bħal Isqof ta' Għawdex. Il-konsagrazzjoni saret mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, Mons. Nikol Cauchi u Mons. Francesco Ricceri.

Arċisqof

immodifika

Għamel sentejn Vigarju Ġenerali sakemm ġie nnominat Arċisqof ta' Malta fid‑29 ta' Novembru 1976. Meta Mercieca iltaqa' ma' Papa Pawlu VI meta nħatar isqof, il-Papa ra li Mercieca ma kellux salib, u qal lill-assistenti tiegħu jġibulu wieħed. Il-Papa dak il-ħin qallu “Salib forsi m'għandekx, imma salib xi ġġorr meta tkun Arċisqof ta' Malta se jkollok.”

Ħa l‑pussess ta' Arċisqof fit‑12 ta' Diċembru 1976, u għażel bħala motto tiegħu "Ilkoll aħwa fi Kristu", li kienet il-missjoni li fdalu l-Papa, jiġifieri li jgħaqqad lill-poplu Malti wara s-snin koroh tal-ġlieda politiko-reliġjuża tas-snin sittin.

Fit-tmenijiet huwa ġie f'konflitt mal-Gvernijiet Laburisti ta' Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici li riedu li l-iskejjel tal-knisja jsiru b'xejn kif fil-fatt saru u l-Gvern beda jħallas il-pagi tal-għalliema. Meta l-qiegħa politika saħnet kien sar anke attakk vjolenti fuq il-Kurja u tqiegħdet bomba mar-residenza tiegħu fl-Imdina. Magħha kien hemm ukoll il-kwistjoni tal-artijiet tal-Knisja li ssolviet fid-disgħinijiet meta l-gvern kien immexxi minn Eddie Fenech Adami.

Minkejja l-konflitti li Mintoff kellu mal-Arċisqof Gonzi fis-snin sittin, fis-snin ta' wara huwa ried li Gonzi jibqa' isqof u mar riedx lil Mercieca. Għall-bidu kien jara lil Mercieca bħala karattru dgħajjef. Iżjed tard Mintoff kien qali lil Ugo Mifsud Bonnici li Mercieca kien qassis tajjeb ħafna u kien diffiċli tagħmillu gwerra.

Iżda fil-mewt ta' Dom Mintoff, erba' snin qabel ma miet Mercieca, huwa qal hekk meta mistoqsi: “Mintoff għamel il-parti tiegħu u jiena għamilt il-parti tiegħi. Bħal kull bniedem, huwa kien jixtieq il-ġid, iżda hemm min jesprimih mod u hemm min jesprimih mod ieħor. Jiena ppruvajt nagħmel il-parti tiegħi bħala isqof u hu dejjem għamel il-parti tiegħu... Dan l-aħħar mort narah. Kont mort nara persuna l-isptar u sirt naf li fl-istess kamra ta' din il-persuna kien hemm il-Perit Mintoff. Jiena avviċinajt lil min kienu miegħu u għedtilhom li xtaqt narah. Hu qalilhom ‘għidulu jidħol.' Ħadt pjaċir inkellmu u din ix-xi ħaġa fil-fatt irrepetiet ruħu għal tliet darbiet jew erba'. Għedtlu l-bambin iħobbok… beda jidħak. Ma kienx seta' jitkellem ħafna. Peró dejjem spiċċajna b'dan it-ton sabiħ u kalm. Jiena meta rajtu ħadt pjaċir narah u hu ħa pjaċir bija. Dan l-aħħar mort rajtu d-dar tiegħu stess. Mort ħdejh fejn is-sodda. Kellna relazzjoni tajba għax kieku ma kienx idaħħalni fid-dar tiegħu.”

Mercieca daħħal riformi fl-amministrazzjoni tal-Kurja fosthom li l-qassisin jibdew jitħallsu flok ma jiddependu mill-elemożina tal-quddies.

Mercieca kien innominat konsultur tas‑Sacra Romana Rota fl‑1992 u aktar tard imħallef fis‑Segnatura Apostolica.

Huwa ħadem biex il-Knisja jkollha stazzjoni tar-radju, l-RTK fl-1992.

Fis-snin disgħin huwa kien intervistat fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista minn Joseph Muscat li dak iż-żmien kien ġurnalist. F'dik l-intervista Mercieca kien talab maħfra għall-uġigħ li kkawżat il-Knisja fil-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-snin sittin.

L-Aħħar Snin

immodifika

Fit-2 ta' Diċembru 2006, spiċċa minn Arċisqof wara li Papa Benedittu VI ħatar lil Mons. Pawlu Cremona bħala Arċisqof. Tliet snin qabel, fil‑11 ta' Novembru 2003, l-istess Mercieca, kien offra lill‑Qdusija Tiegħu l‑Papa r‑riżenja tiegħu minn Arċisqof ta' Malta, skond kif titlob il‑liġi tal‑Knisja dwar l‑Isqfijiet Djoċesani li jilħqu l‑eta ta' 75 sena. Jingħad li kemm-il darba kien offrut it-titlu ta' Kardinal iżda hu ma aċċettahx.

Fl-2014 ħarġet il-bijografija ta' Mercieca, ‘Ilkoll Aħwa fi Kristu', miktub minn Charles Buttigieg. li għal bosta snin segwa mill-qrib il-ħidma pastorali ta' Mons. Ġużeppi Mercieca. Il-ktieb ikopri l-esperjenza ta' Mons Mercieca minn ċkunitu għal matul is-snin turbolenti  fl-eqqel tal-kwistjoni tal-iskejjel tal-Knisja, ir-relazzjoni tiegħu ma' Dom Mintoff, in-negozjati bejn Knisja u Stat f'Malta, iż-żjarat Papa Ġwanni Pawlu II lejn Malta u l-beatifikazzjoni ta' tliet qaddisin Maltin. Fuq kollox il-ktieb jiddeskrivi b'mod ċar u sempliċi il-viżjoni pastorali u d-direzzjoni tiegħu bħala mexxej tal-Knisja f'Malta.

Fl-istess żmien, saħħet Mercieca kienet diġà bdiet tmur lura u ma setax jattendi il-pussess tal-Arċisqof Charles Scicluna fi Frar 2015.

Mewt u Funeral

immodifika
 
Katidral ta' San Pawl

Fl-20 ta' Marzu 2016, ġie rrappurtat li kien qed jinsab f'qagħda kritika. Mercieca miet l-għada fil-21 ta' Marzu 2016 fiż-Żejtun għall-ħabta tas-7.20am, fl-età ta' 87 sena.[1] L-Arċisqof Scicluna ħabbar il-mewt tiegħu fuq Twitter.[2] Il-President Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ukoll esprimew id-diqa tagħhom fuq Twitter.[3][4][5]

Fi tweet, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Monsinjur Mercieca mexxa l-Knisja fi żmien delikat ħafna u ddeskrivih bħala "bennej tal-pontijiet fis-soċjetà." Qal ukoll li jgħożż il-kontribut tiegħu. Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Gvern ħabbar tlett ijiem ta' luttu nazzjonali, li matulhom il-bnadar fuq bini pubbliku se jkunu qed jittajru mezz'asta.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li jinsab imnikket bl-aħbar filwaqt li ddeskriva lill-Arċisqof Mercieca bħala mexxej għaqli fi żmien diffiċli għall-Knisja f'Malta.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, u eks Prim Ministru Alfred Sant iddeskriva lill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca bħala bniedem kordjali, kawt u korrett li għaraf jimxi bi prudenza soda. Tenna li fl-umiltà tiegħu, Mons Mercieca kien ta' sikwit privatament iżur il-morda fl-isptarijiet.

Il-funeral sar l-Erbgħa 23 ta' Marzu 2016 fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta, u ndifen fil-Katidral ta' San Pawl, l-Imdina.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Archbishop Mercieca passes away – tributes to a 'humble, prudent and firm' priest" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2016-03-21.
  2. ^ https://twitter.com/BishopScicluna/status/711802581127962624
  3. ^ https://twitter.com/presidentMT/status/711807186805125120
  4. ^ https://twitter.com/JosephMuscat_JM/status/711811952755023872
  5. ^ https://twitter.com/SimonBusuttil/status/711805518243885056

Ħoloq esterni

immodifika
Predeċessur
Mikiel Gonzi
Arċisqof ta' Malta
1976–2006

Suċċessur
Pawlu Cremona