Simon Busuttil (twieled fil-20 ta' Marzu 1969) huwa politiku Malti li attwalment qiegħed iservi bħala Segretarju Ġenerali tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew.[1] Preċedentament, hu serva bħala kap tal-Oppożizzjoni,[2] kap tal-Partit Nazzjonalista bejn l-2013 u l-2017,[3] u Membru tal-Parlament Ewropew bejn l-2004 u l-2013.[4]

Simon Busuttil
Leader of the Opposition (en) Translate

13 Mejju 2013 - 4 Ottubru 2017
Lawrence Gonzi - Adrian Delia
Membru tal-Parlament Ewropew

14 Lulju 2009 - 5 April 2013
District: Malta
Election: Elezzjonijiet Ewropej 2009
Membru tal-Parlament Ewropew

20 Lulju 2004 - 13 Lulju 2009
District: Malta
Election: Elezzjoni għall-Parlament Ewropew 2004
membru tat-13-il Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta


District: District 12 (en) Translate
Election: Elezzjonijiet Ġenerali 2017
Ħajja
Twelid Ħ'Attard, 21 Marzu 1969 (54 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
University of Sussex (en) Translate
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
Post tax-xogħol Strasburgu
Brussell

Studji immodifika

Simon Busuttil iggradwa mill-Università ta' Malta bħala avukat fl-1993 u għandu Masters fl-Istudji Ewropej mill-Università ta' Sussex, u Magister Juris fid-Dritt Internazzjonali mill-Università ta' Malta. Fiż-żmien l-Università, Simon Busuttil kien attiv f'numru ta' għaqdiet studenteski, fosthom bħala President tal-Istudenti Demokristjani Maltin, u anke bħala rappreżentant tal-istudenti fis-Senat tal-Università ta' Malta. Kien ukoll Segretarju Internazzjonali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Ftit tas-snin wara, Simon Busuttil kellu sehem ewlieni biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Hu kien imexxi ċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropea, l-MIC, u kien ukoll membru tal-grupp li nnegozja s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.[5]

Politika immodifika

Fl-2004, Busuttil ġie elett fil-Parlament Ewropew bi 58,899 vot.[6] Hu kien l-ewwel Membru Parlamentari Ewropew Malti li indirizza 'l-Parlament Ewropew fil-21 ta' Lulju 2004.[7] Fl-2009, reġa' ġie elett għall-Parlament Ewropew, fejn kabbar in-numru ta' voti għal rekord ta' 68,782 vot.[8] Fl-għaxar snin li serva bħala deputat fil-Parlament Ewropew, Busuttil mexxa numru ta' kumitati fosthom dwar il-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern.[9]

Fi tmiem l-2012, Simon Busuttil inħatar mill-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista bħala viċi-kap tal-Partit, ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni ġenerali,[10] minn fejn ġie elett minn żewġ distretti b'total ta' 14,000 vot.

Kap tal-Partit immodifika

Nhar it-8 ta' Mejju 2013, Busuttil kien elett Kap bi 93% tal-voti wara li l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalita vvutaw fit-tieni ċiklu tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit u b'hekk ġie fi tmiemu Kunsill Ġenerali Straordinarju li fetaħ ħamest ijiem qabel. Dakinhar, f'kontestazzjoni bejn 4 kandidati, Simon Busuttil ġab 50.3% tal-voti u wara li ġie eliminat il-kandidat li ġab l-inqas ammont ta' voti, iż-żewġ kandidati li kien għad fadal ħabbru li kienu se jirtiraw mit-tellieqa. Kif jesiġi l-istatut tal-PN, il-kunsillieri reġgħu konvokati biex jivvutaw minkejja li kien għad fadal kandidat wieħed biss, biex il-Kap il-ġdid ikun approvat b'żewġ terzi tal-voti.

Fit-tieni ċiklu tal-elezzjoni kienu eliġibbli biex jivvutaw disa' mitt kunsillier u wieħed li ġabru d-dokument tal-vot tagħhom minn total ta' 913-il kunsillier li għandu l-PN. Minn dawn ivvutaw 881 - jew 98%. Il-kwota ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa meħtieġa biex Simon Busuttil jiġi elett kienet ta' 588. Mit-total ta' voti mitfugħa, kien hemm 863 vot validu, u 18-il vot invalidu. Simon Busuttil ġab 802 voti iva waqt li kien hemm 61 vot le.

Nhar l-24 ta' Mejju 2014, Busuttil iffaċċja l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala Kap tal-Partit, sena wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ewropej għat-tielet darba b'53.3% tal-voti, 33,675 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 40% tal-voti. Il-Partit Laburista ġab 1.5% inqas minn kemm kien ġab fl-2009. Għall-ewwel darba l-Partit Nazzjonalista tella' tliet deputati (minn sitta) fil-Parlament Ewropew.

Disfatta kbira elettorali u Riżenja minn Kap tal-Partit immodifika

Nhar it-3 ta' Ġunju 2017, Busuttil iffaċċja l-ewwel Elezzjonijiet Ġenerali tiegħu bħala Kap tal-Partit, 4 snin wara l-ħatra tiegħu. Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjonijiet Ġenerali għat-tieni darba konsekuttiva b'55% tal-voti, 35,280 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 43.7% tal-voti.

Nhar il-5 ta' Ġunju 2017, Busuttil ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Kap tal-Partit Nazzjonalista imma qal li se jibqa' fit-tmun sakemm jinħatar kap ġdid. Nhar is-17 ta' Settembru 2017, Adrian Delia kien elett Kap tal-PN, u fis-6 ta' Ottubru sar Kap tal-Oppożizzjoni.

Membru ta' Kumitat Ewropew[11] immodifika

Busuttil baqa' Membru tal-Parlament Malti u fit-12 ta' Settembru 2017 inħatar ukoll membru ta' kumitat ta’ esperti li jagħti l-pariri dwar l-Imħallfin qabel dawn jibdew jiffurmaw parti mill-Qrati tal-Ġustizzja Ewropej. Il-Parlament Ewropew approva n-nomina ta’ Busuttil f’vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn Busuttil kiseb l-appoġġ ta’ 556 MEP minn total ta’ 673.[12]

Referenzi immodifika

  1. ^ "Simon Busuttil appointed new Secretary-General of the EPP Group" (bl-Ingliż). Partit Popolari Ewropew. 2020-01-15. Miġbur 2020-01-15.
  2. ^ "L-Onor. Simon Busuttil MP". Parlament ta' Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-10-26. Miġbur 2019-07-11.
  3. ^ "Riċeviment f'għeluq snin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil". NET News. 2016-03-20. Miġbur 2019-07-11.
  4. ^ "Is-seba' leġiżlatura parlamentari - Simon Busuttil". Il-Parlament Ewropew. Miġbur 2019-07-11.
  5. ^ Grech, Herman (2003-04-29). "MIC head to return to legal practice" (bl-Ingliż). Times of Malta.
  6. ^ "Malta Elects all five MEPs" (bl-Ingliż). The Malta Independent. 2004-04-16. Miġbur 2019-07-11.
  7. ^ Grech, Herman (2004-07-22). "Simon Busuttil is first Maltese MEP to address Euro Parliament" (bl-Ingliż). Times of Malta. Miġbur 2019-07-11.
  8. ^ "Simon Busuttil re-elected with record 68,782 votes". Times of Malta. 2009-06-07. Miġbur 2019-07-11.
  9. ^ "Simon Busuttil Elected EPP coordinator in Civil Liberties Committee" (bl-Ingliż). The Malta Independent. 2009-07-21. Miġbur 2019-07-11.
  10. ^ "Busuttil resigns from the European Parliament" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2013-03-19. Miġbur 2019-07-11.
  11. ^ http://www.europarl.europa.eu/meps/en/28120/SIMON_BUSUTTIL/history/7
  12. ^ https://www.timesofmalta.com/articles/view/20040722/local/simon-busuttil-is-first-maltese-nbsp-mep-to-address-euro-parliament.117168

Ħoloq esterni immodifika

Predeċessur
Lawrence Gonzi
Kap tal-Partit Nazzjonalista
2013–2017

Suċċessur
Adrian Delia

Predeċessur
Tonio Borg
Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista
2012–2013

Suċċessur
Mario De Marco u Beppe Fenech Adami