Hedeby

sit arkeoloġiku ta' raħal iffortifikat tal-Vikingi fin-Nofsinhar tar-raħal modern ta' Schleswig, il-Ġermanja.

Hedeby (pronunzja bid-Daniż: [ˈhe̝ːðəˌpyˀ]; bin-Normann Antik: Heiðabýr; bil-Ġermaniż: Haithabu) kien insedjament kummerċjali importanti ta' żmien il-Vikingi fid-Danimarka mis-sekli 8 sa 11, li jinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Peniżola ta' Jutland, li llum il-ġurnata tagħmel parti mid-distrett ta' Schleswig-Flensburg tal-istat federali ta' Schleswig-Holstein, il-Ġermanja. Huwa l-iżjed sit arkeoloġiku importanti f'Schleswig-Holstein. Għall-ħabta tad-965, il-kronista Abraham ben Jacob żar Hedeby u ddeskrivih bħala "belt kbira ħafna fit-tarf nett tal-oċean dinji".[1]

Rikostruzzjoni ta' abitazzjonijiet tal-Vikingi f'Hedeby.

L-insedjament żviluppa bħala ċentru kummerċjali fil-ponta ta' qala navigabbli dejqa magħrufa bħala x-Schlei, li tikkollega mal-Baħar Baltiku. Il-pożizzjoni kienet favorevoli minħabba d-distanza qasira ta' inqas minn 15-il kilometru sax-xmara Treene, li tnixxi fix-xmara Eider u l-estwarju tagħha tal-Baħar tat-Tramuntana. B'hekk kien post konvenjenti għall-ħatt tal-merkanzija u tal-bastimenti. Il-bastimenti stess setgħu jittellgħu l-art biċ-ċimi biex b'hekk setgħu jagħmlu vjaġġ bil-bil-baħar kważi bla interruzzjonijiet bejn il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana. B'dan il-mod kienu jevitaw li jkollhom għalfejn ibaħħru mad-dawra kollha tal-Peniżola ta' Jutland li kien vjaġġ tassew perikoluż u li jieħu ħafna iktar ħin. B'hekk Hedeby kellu rwol simili għal dak li iktar 'il quddiem kellha Lübeck. Hedeby kien it-tieni l-ikbar raħal Nordiku matul żmien il-Vikingi, wara Uppåkra li llum il-ġurnata tinsab fin-Nofsinhar tal-Iżvezja. Il-belt ta' Schleswig iktar 'il quddiem ġiet stabbilita fuq in-naħa l-oħra tax-Schlei. Hedeby ġie abbandunat wara l-qerda tiegħu fl-1066.[2]

Hedeby ġie skopert mill-ġdid lejn l-aħħar tas-seklu 19 u l-iskavi bdew fl-1900. Il-Mużew ta' Hedeby infetaħ maġenb is-sit fl-1985. Minħabba l-importanza storika tiegħu fi żmien il-Vikingi u l-istat eċċezzjonali ta' preservazzjoni tiegħu, Hedeby u l-ħitan difensivi tal-brikks u tat-tajn fil-qrib ta' Danevirke ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[3]

Hedeby jissemma fil-ħrafa ta' Hans Christian Andersen "The Marsh King's Daughter".

 
Is-sit fejn kien qabel kien jinsab ir-raħal ta' Hedeby.

L-isem bin-Normann Antik Heiða-býr litteralment ifisser "insedjament fix-xagħri" (heiðr "xagħri" u býr = "insedjament jew raħal"). L-isem ġie rreġistrat f'diversi dokumenti b'varjanti ortografiċi differenti.[4]

  • Heiðabýr huwa l-isem bin-Normann Antik standard, li ġieli jiġi Angliċizzat ukoll bħala Heithabyr.
  • Il-Ħaġra ta' Eric, ħaġra runika Daniża tas-seklu 10 bil-kitba mnaqqxa ᚼᛅᛁᚦᛅ᛭ᛒᚢ (haiþa bu), li nstabet fl-1796.[5]
  • æt Hæðum bl-Ingliż Antik, fir-rakkonti ta' Ohtere u ta' Wulfstan dwar il-vjaġġi tagħhom lil Alfred il-Kbir fl-Orosius.[6][7]
  • Hedeby, il-varjant ortografiku bid-Daniż modern u bil-biċċa l-kbira tal-lingwi moderni.
  • Haddeby, il-varjant ortografiku tan-Nofsinhar tal-Ġermanja, huwa wkoll l-isem tad-distrett amministrattiv iffurmat fl-1949 u li ssemma għas-sit; fl-1985, id-distrett daħħal stemma b'qanpiena u l-kitba runika ᚼᛁᚦᛅ᛬ᛒᚢ (hiþa:bu).[8]
  • Haithabu huwa l-varjant ortografiku bil-Ġermaniż modern li jintuża b'referenza għall-insedjament storiku; dan il-varjant jirrappreżenta t-trażlitterazzjoni tal-isem kif jidher fuq il-Ħaġra ta' Eric; dan il-varjant iddaħħal fost varjanti oħra fil-letteratura tal-qedem fis-seklu 19 u minn dak iż-żmien saret l-isem tal-insedjament bil-Ġermaniż standard.[9]

Sorsi mis-sekli 9 u 10 W.K. isemmu wkoll l-ismijiet ta' Sliesthorp u ta' Sliaswich (bis-suffissi -thorp vs. -wich), u fil-fatt ir-raħal ta' Schleswig għadu jeżisti, tliet kilometri fit-Tramuntana ta' Hedeby.[10] Madankollu, Æthelweard sostna fit-traduzzjoni tiegħu bil-Latin tal-Kronaka Anglo-Sassona li s-Sassoni kienu jużaw l-isem ta' Slesuuic u d-Daniżi kienu jużaw l-isem ta' Haithaby biex jirreferu għall-istess raħal.[11][12]

Oriġini

immodifika
 
Mappa tad-Danimarka taħt il-kontroll tal-Vikingi, b'Hedeby fit-tarf tan-Nofsinhar.

Hedeby jissemma għall-ewwel darba fil-kronaka ta' Einhard (804) tal-Franki, li kien qed jaqdi dmirijietu fil-konfront ta' Karlu Manju, iżda x'aktarx li ġie stabbilit għall-ħabta tas-770. Fit-808, ir-re Daniż Godfred (bil-Latin: Godofredus) qered ċentru kummerċjali Slav kompetitur li kien jismu Reric, u ġie rreġistrat fil-kronaka tal-Franki li ttrasferixxa lill-merkanti minn hemm għal Hedeby. Dan seta' pprovda l-impetu inizjali biex ir-raħal jiżviluppa. L-istess sorsi jirreġistraw li Godfred saħħaħ id-Danevirke, ħitan tal-brikks u tat-tajn estiż tul in-Nofsinhar tal-Peniżola ta' Jutland. Id-Danevirke kienu jingħaqdu mal-ħitan difensivi ta' Hedeby u kienu jiffurmaw fruntiera mil-Lvant għall-Punent tul il-peniżola, mill-imraġ fil-Punent sal-qala tax-Schlei u l-Baħar Baltiku fil-Lvant.

Ir-raħal stess kien imdawwar fuq it-tliet naħat fuq l-art tiegħu (it-Tramuntana, il-Punent u n-Nofsinhar) minn ħitan tal-brikks u tat-tajn. Fl-aħħar tas-seklu 9, il-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tar-raħal ġew abbandunati favur is-sezzjoni ċentrali. Iktar 'il quddiem inbena ħajt semiċirkolari għoli disa' metri (29 pied) sabiex jgħasses l-approċċi mill-Punent lejn ir-raħal. Fuq in-naħa tal-Lvant, ir-raħal kien ikkonfinat bl-iktar parti ta' ġewwa tal-qala tax-Schlei u l-bajja ta' Haddebyer Noor.

 
Mappa bilingwi tax-Schlei (bl-ismijiet tal-postijiet bil-Ġermaniż u bid-Daniż).

Kronoloġija

immodifika
abbażi ta' Elsner[13]
793 Attakki tal-Vikingi fuq Lindisfarne - id-data tradizzjonali tal-bidu ta' żmien il-Vikingi.
804 L-ewwel darba li jissemma Hedeby.
808 Il-qerda ta' Reric u l-migrazzjoni tal-merkanti lejn Hedeby.
għall-ħabta tat-850 Tinbena knisja f'Hedeby.
886 Fl-Ingilterra jiġi stabbilit id-Danelaw, wara invażjoni tal-Vikingi.
911 Il-Vikingi jinsedjaw in-Normandija.
948 Hedeby isir veskovat.
965 Al-Tartushi iżur Hedeby.
974 Hedeby taqa' f'idejn l-Imperu Ruman Sagru.
983 Hedeby terġa' tgħaddi taħt il-kontroll tad-Daniżi.
għall-ħabta tal-1000 Il-Viking Leif Erikson jesplora Vinland, x'aktarx f'Newfoundland.
1016-1042 Ir-rejiet Daniżi jirrenjaw fl-Ingilterra.
1050 Ir-Re Norveġiż Harald Hardrada jeqred lil Hedeby.
1066 Qerda finali ta' Hedeby minn armata Slavika.
1066 It-tmiem tradizzjonali ta' żmien il-Vikingi.
 
Żewġt idjar rikostruwiti f'Hedeby.

Hedeby sar suq u ċentru kummerċjali prinċipali minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu tul ir-rotot kummerċjali ewlenin bejn l-Imperu tal-Franki u l-Iskandinavja (Tramuntana-Nofsinhar), u bejn il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana (Lvant-Punent). Bejn it-800 u l-1000 is-setgħa ekonomika dejjem tikber tal-Vikingi wasslet biex ir-raħal jikber b'mod drammatiku bħala ċentru kummerċjali ewlieni. Flimkien ma' Birka u Schleswig, il-prominenza ta' Hedeby bħala ċentru kummerċjali internazzjonali ewlieni serviet bħala pedament għal-Lega Anseatika li mbagħad feġġet fis-seklu 12.[14]

Dan li ġej jindika l-importanza li kien kiseb ir-raħal:

  • Ir-raħal ġie deskritt mill-viżitaturi mill-Ingilterra (Wulfstan - fis-seklu 9) u mill-Mediterran (Al-Tartushi - fis-seklu 10).
  • Hedeby sar l-ewwel sede ta' isqof (948) u kien jagħmel parti mill-Arċiveskovat ta' Amburgu u ta' Bremen.
  • Ir-raħal kien jizzekka l-muniti tiegħu stess (mit-825).
  • Adam ta' Bremen (fis-seklu 11) jirrapporta li ntbagħtu bastimenti minn dan il-portus maritimus lejn l-artijiet Slaviċi, lejn l-Iżvezja, lejn Samland (Semlant) u saħansitra lejn il-Greċja.

Dinastija Żvediża stabbilita minn Olof l-Istorbjuż jingħad li kienet irrenjat f'Hedeby matul l-aħħar deċennji tas-seklu 9 u l-ewwel parti tas-seklu 10. Dan ġie rrakkontat lil Adam ta' Bremen mir-Re Daniż Sweyn Estridsson, u ġie sostanzjat bil-provi permezz ta' tliet ħaġriet runiċi li nstabu fid-Danimarka. Tnejn minnhom ġew ordnati minn omm in-neputi ta' Olof Sigtrygg Gnupasson. It-tielet ħaġra runika, skoperta fl-1796, ġiet minn Hedeby, il-Ħaġra ta' Eric (bl-Iżvediż: Erikstenen) u fuqha hemm kitbiet runiċi Norveġiżi-Żvediżi. Madankollu, jista' jkun li d-Daniżi xi kultant kitba wkoll din it-tip ta' kitba runika.

Stil ta' ħajja

immodifika

F'Hedeby il-ħajja kienet qasira u ffollata. Id-djar żgħar kienu marsusin flimkien f'għamla ta' grilja, b'toroq mil-Lvant għall-Punent li jwasslu sal-mollijiet fil-port. In-nies qajla kienu jgħixu iktar minn 30 jew 40 sena, u r-riċerka arkeoloġika turina li iktar 'il quddiem sikwit kien hemm iktar tbatija u wġieħ minħabba mard kroniku bħat-tuberkulożi.[15]

Al-Tartushi, vjaġġatur tal-aħħar tas-seklu 10 minn al-Andalus, jipprovdi waħda mill-iżjed deskrizzjonijiet ikkuluriti u famużi dwar il-ħajja f'Hedeby. Al-Tartushi kien minn Cordoba, Spanja, li kellha stil ta' ħajja ferm iktar sinjura u komda milli f'Hedeby. Minkejja li Hedeby jaf kienet sinifikanti skont l-istandards Skandinavi, Al-Tartushi ma tantx kien impressjonat wisq:

"Slesvig (Hedeby) huwa raħal kbir ħafna fit-tarf estrem tal-oċean tad-dinja... L-abitanti jqimu lil Sirius, għajr għal minoranza ta' Kristjani li għandhom il-knisja tagħhom hemmhekk.... Dawk li joqtlu annimal bħala sagrifiċċju jtellgħu arbli fuq l-għatba tal-bitħa tagħhom u jixħtu l-annimal fuqhom, kemm jekk ikun annimal tal-ifrat, muntun, gidi jew ħanżir, biex b'hekk il-ġirien ikunu jafu li sar sagrifiċċju biex jingħata ġieħ xi alla partikolari. Ir-raħal ma tantx għandu materja prima u rikkezzi. Il-biċċa l-kbira tan-nies jieklu l-ħut għax hemm abbundanza. It-trabi jintefgħu l-baħar minħabba raġunijiet ekonomiċi. Id-dritt tad-divorzju u dritt tan-nisa.... Partikolarità oħra huwa l-make-up artifiċjali tal-għajnejn; meta jagħmluh is-sbuħija tan-nies qatt ma tisparixxi, anzi saħansitra tispikka kemm fost l-irġiel kif ukoll fost in-nisa. Barra minn hekk, qatt ma smajt kant agħar minn ta' dawk in-nies; qisu ħanxra minn gerżumthom, simili għal nebħa ta' kelb iżda saħansitra iktar bestjali". (traduzzjoni mhux uffiċjali)[16]

Ir-raħal ġie misruq fl-1050 mir-Re Harald Hardrada tan-Norveġja matul kunflitt mar-Re Sweyn II tad-Danimarka. Huwa ta n-nar lir-raħal billi bagħat diversi bastimenti jaqbdu lejn il-port, u r-relitti tagħhom instabu fil-qiegħ tax-Schlei matul skavi reċenti. Skald Norveġiża, ikkwotata minn Snorri Sturluson, jiddeskrivi s-serqa kif ġej:

Hedeby ingħatat in-nar minn naħa għall-oħra[..]
Il-fjammi ħakmu d-djar meta, qabel qabel iż-żerniq wasalt fejn il-fortizza.[17]

Fl-1066 ir-raħal ġarrab serqa oħra u ngħata n-nar mill-Islavi tal-Punent.[18] Wara l-qerda, Hedeby bil-mod il-mod ġie abbandunat. In-nies marru jgħixu fuq in-naħa l-oħra tal-qala tax-Schlei, li tissepara ż-żewġ peniżoli ta' Angeln u ta' Schwansen, u stabbilew ir-raħal ta' Schleswig.

Arkeoloġija

immodifika

Skavi fis-seklu 20

immodifika
 
Veduta tal-Mużew tal-Vikingi.
 
Id-djar rikostruwiti ta' Hedeby.

Wara li l-insedjament ġie abbandunat, iż-żieda fil-livell tal-ilma wasslet biex jisparixxu għalkollox l-istrutturi viżibbli kollha tas-sit. B'hekk maż-żmien is-sit tal-insedjament intesa, li kienet barka għax-xogħol arkeoloġiku li sar iktar 'il quddiem fis-sit.

Ix-xogħol arkeoloġiku beda fis-sit fl-1900 wara l-iskoperta mill-ġdid tal-insedjament. Sar skavi li damu sejrin għal 15-il sena. Imbagħad saru iktar skavi bejn l-1930 u l-1939. Ix-xogħol arkeoloġiku fis-sit kien produttiv minħabba żewġ raġunijiet prinċipali: mill-qerda tal-insedjament xi 840 sena qabel l-iskavi qatt ma nbena xejn iktar fis-sit, u l-art mgħerqa b'mod permanenti kienet ippreservat l-injam u materjali oħra li jiġu kkonsmati iktar malajr meta ma jkunux taħt l-ilma. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1959, ix-xogħol arkeoloġiku reġa' beda u minn dak iż-żmien 'l hawn baqa' għaddej. Ix-xtut madwar l-insedjament ġew skavati, u sar tkarkir parzjali tal-qiegħ tal-port li wassal biex jiġi skopert ir-relitt ta' bastiment tal-Vikingi. Minkejja x-xogħol kollu li sar, 5 % biss tal-insedjament (u 1 % biss tal-port) għadu ġie investigat.

L-iżjed sejbiet importanti li rriżultaw mill-iskavi issa jinsabu għall-wiri fil-Mużew ta' Haithabu qrib is-sit.

Rikostruzzjonijiet tas-seklu 21

immodifika

Fl-2005 twettaq programm ambizzjuż ta' rikostruzzjoni fis-sit oriġinali ta' Hedeby. Abbażi tar-riżultati tal-analiżijiet arkeoloġiċi, reġgħu nbnew kopji eżatti ta' wħud mid-djar oriġinali tal-Vikingi.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-kumpless arkeoloġiku fil-fruntiera ta' Hedeby u tad-Danevirke ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2018.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Zur Geschichte - Wikinger Museum Haithabu". haithabu.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-02-16.
  2. ^ Riksdagsförvaltningen. "Fornlämningen Uppåkra Motion 2009/10:Kr327 av Ewa Thalén Finné m.fl. (m) - Riksdagen". www.riksdagen.se (bl-Iżvediż). Miġbur 2023-02-16.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Border complex of Hedeby and the Danevirke". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-16.
  4. ^ Elsner, Hildegard (1989). Wikinger Museum Haithabu: Schaufenster einer frühen Stadt. Neumünster: Wachholtz. p. 13.
  5. ^ Bianchi, Marco. "Ladda ned Samnordisk runtextdatabas - Institutionen för nordiska språk - Uppsala universitet". www.nordiska.uu.se (bl-Iżvediż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-07-05. Miġbur 2023-02-16.
  6. ^ "British Library". www.bl.uk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-03. Miġbur 2023-02-16.
  7. ^ Orosius, Paulus [from old catalog; Alfred, King of England; Bosworth, Joseph; Hampson, Robert Thomas (1859). King Alfred's Anglo-Saxon version of the Compendious history of the world by Orosius. Containing,--facsimile specimens of the Lauderdale and Cotton mss., a preface describing these mss., etc., an introduction--on Orosius and his work; the Anglo-Saxon text; notes and various readings; a literal English translation, with notes; Mr. Hampson's Essay on King Alfred's geography, and a map of Europe, Asia, and Africa, according to Orosius and Alfred. London, Longman, Brown, Green, and Longmans.
  8. ^ "Amt Haddeby - Kurzer Überblick über die Geschichte unseres Amtes und seine derzeitige Situation". www.haddeby.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-02-16.
  9. ^ Haddeby, vormals Heidabu, Haithabu, Heidebo, Hethäbye" Heinrich Karl Wilhelm Berghaus, Schweden, Norwegen u. Dänemark die 3 skandinavischen Reiche Hasselberg (1858), p. 890.
  10. ^ von Steinsdorff, Katja; Grupe, Gisela (2006). "Reconstruction of an Aquatic Food Web: Viking Haithabu vs. Medieval Schleswig". Anthropologischer Anzeiger. 64 (3): 285.
  11. ^ Hardy, Thomas Duffus; Petrie, Henry, eds. (1848). Monumenta Historica Britannica, Or Materials for the History of Britain from the Earliest Period (in Latin). Eyret. p. 502.
  12. ^ Giles, John Allen, ed. (1906). Old English chronicles: including Ethelwerd's chronicle, Asser's Life of Alfred, Geoffrey of Monmouth's British history, Gildas, Nennius, together with the spurious Chronicle of Richard of Cirencester. London: G. Bell. p. 5.
  13. ^ Elsner, Hildegard (1989). Wikinger Museum Haithabu: Schaufenster einer frühen Stadt. Neumünster: Wachholtz.
  14. ^ Smith, Jillian (2010-05-01). "Hanseatic Cogs and Baltic Trade: Interrelations between Trade Technology and Ecology". Anthropology Department Theses and Dissertations.
  15. ^ "Consulate General of Denmark in New York". web.archive.org. 2006-01-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-01-13. Miġbur 2023-02-16.
  16. ^ "Consulate General of Denmark in New York". web.archive.org. 2006-01-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-01-13. Miġbur 2023-02-16.
  17. ^ "Sagan af Haraldi harðráða – heimskringla.no". heimskringla.no. Miġbur 2023-02-16.
  18. ^ Nancy Marie Brown (2008). "The Far Traveler: Voyages of a Viking Woman". p. 95. ISBN 9780547539393.