Gustavo R. Vincenti

perit u żviluppatur Malti

Gustavo Romeo Vincenti (26 ta' Awwissu 1888–25 ta' April 1974)[1][2] kien perit u żviluppatur Malti. Imwieled f'familja għanja mdaħħla fin-negozju fil-Belt Valletta u l-Furjana, seta' jixtri l-art kif ukoll jiddisinja u jibni bini li mbagħad kien ibigħu lill-klijenti.[3] L-arkitettura kienet tinteressah sa minn età żgħira u, fl-1911, ta' 23 sena, iggradwa bħala perit mill-Università ta' Malta.[1]

Gustavo R. Vincenti

Gustavo Vincenti madwar is-sena 1920
Ħajja
Twelid Valletta, 26 Awwissu 1888
Mewt Malta, 25 April 1974
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni arkitett
real estate developer (en) Translate

Fix-xogħlijiet bikrija tiegħu, huwa kien imnebbaħ mill-Art Nouveau, l-Art Deco u l-eklettiżmu, li ġew interpretati b'mod ekonomiku iżda eleganti.[4] Il-faċċati tiegħu jinkludu elementi orizzontali u vertikali li jagħtu bixra ġeometrika u riġida lill-bini, filwaqt li jħaddnu stil mexxej.[5] Fost l-ewwel proġetti tiegħu hemm xi djar f'Tas-Sliema, li ħafna minnhom għadhom jeżistu.[5] Bena wkoll l-ambaxxata Taljana, blokk appartamenti u xi djar qrib Ġnien ir-Re Ġorġ V fil-Furjana.[5] L-aktar proġett sinifikanti tiegħu huwa l-Bini Vincenti fil-Belt Valletta, blokk appartamenti kbir li nbena fit-tletinijiet fejn qabel kien hemm l-Ifran tas-Sinjurija.[5]

Xi bini ieħor minn ta' Vincenti huwa aktar modernist u juri li dan ġie influwenzat minn Le Corbusier.[5] Dan jinkludi kumpless ta’ erba' djar f'Ta' Xbiex li nbnew fl-1936,[1] flimkien magħrufa wkoll bħala l-Bini Vincenti, fejn kull dar hija msemmija għal wieħed mill-Erba' Evanġelisti.[5] Il-moderniżmu jidher ukoll fil-villa personali tiegħu, Palazzina Vincenti f'San Ġiljan,[5] fejn kien jgħix ibnu Hilaire Vincenti qabel miet fl-2019 fl-età ta' 92 sena.

Skont Edward Said, Vincenti kien esponent eċċellenti tal-arkitettura Art Nouveau u Art Deco f'Malta. Fl-għoxrinijiet u t-tletinijiet xtara l-art u bena xi djar. Xi wħud mill-aqwa proġetti tiegħu jinsabu fi Triq Sir Adrian Dingli, mibnija fl-Istil Liberty Taljan bi freġji mżejna b'disinji ta' fjuri. Fosthom hemm id-dar b'żewġ sulari msemmija "Assisi", li għandha daħla bil-kolonni u finestrun, kif ukoll gallarija tal-injam b'poġġamani ta' disinn sempliċi. Il-bini Nru 10 ta' maġenbha huwa ta' interess partikolari billi għandu arkitettura unika. In-naħa l-oħra tat-triq hemm ringiela ta' bini mibni fl-istil Art Deco li jintgħaraf mal-ewwel bħala xogħol ta' Vincenti. Hawnhekk uża tip ta' tiżjin ġeometrikament pur u astratt. Fost id-disinji l-oħra tiegħu hemm ukoll djar fi Triq Melita, djar fi Triq Amery b'disinji Art Nouveau, u Napoleon Flats fi Triq il-Prinċep ta' Wales.[6]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Muscat, Mark Geoffrey (2016). Maltese Architecture 1900–1970: Progress and Innovations. Il-Belt Valletta u l-Furjana: Fondazzjoni Patrimonju Malti. pp. 72–75. ISBN 9789990932065.
  2. ^ "Social and Personal: In Memoriam". Times of Malta. Il-25 ta' April 2002. Arkivjat mill-oriġinal fl-24 ta' Diċembru 2018.
  3. ^ Said, Edward (Sajf 2006). "The Architecture of Gustavo R. Vincenti (1888–1974)" (PDF). The Architect. Kamra Tal-Periti (37): 18–19. Arkivjat mill-oriġinal (PDF) fit-23 ta' Awwissu 2018.
  4. ^ Said, Edward (Sajf 2006). "The Architecture of Gustavo R. Vincenti (1888–1974)" (PDF). The Architect. Kamra Tal-Periti (37): 18–19. Arkivjat mill-oriġinal (PDF) fit-23 ta' Awwissu 2018.
  5. ^ a b ċ d e f ġ Said, Edward (Sajf 2006). "The Architecture of Gustavo R. Vincenti (1888–1974)" (PDF). The Architect. Kamra Tal-Periti (37): 18–19. Arkivjat mill-oriġinal (PDF) fit-23 ta' Awwissu 2018.
  6. ^ Sliema's Built Heritage, FAA.