Gżira ta' Henderson
Il-Gżira ta' Henderson (bl-Ingliż: Henderson Island) hija gżira mhux abitata fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku. Tagħmel parti mill-Grupp tal-Gżejjer Pitcairn, flimkien mal-Gżejjer ta' Pitcairn, ta' Oeno u ta' Ducie. Fiha 9.6 kilometri b'5.1 kilometri (6.0 mili bi 3.2 mili), u għandha erja ta' 37.3 km2 (14.4-il mil kwadru). Tinsab 193 kilometru (104 mili nawtiċi) fil-Grigal tal-Gżira ta' Pitcairn. Għandha ħamrija mhux daqstant għammiela u ftit ilma ħelu, u għaldaqstant mhux adattata għall-agrikoltura. Hemm tliet bajjiet fin-naħa tat-Tramuntana u l-kumplament tal-kosta hija magħmula minn irdumijiet weqfin tal-blat għoljin sa 15-il metru (50 pied). Fl-1902, il-gżira ġiet annessa mal-kolonja tal-Gżejjer Pitcairn, li issa huma territorju ekstra-Ewropew Brittaniku.
Il-Gżira ta' Henderson hija waħda mill-aħħar żewġ skolli tal-qroll olzati fid-dinja b'ekosistemi li relattivament mhumiex wisq affettwati mill-kuntatt tal-bniedem, flimkien ma' Aldabra fl-Oċean Indjan. Fl-1988, il-gżira tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Fil-gżira hemm għaxar pjanti li jarmu l-fjuri li huma endemiċi mill-51 speċi preżenti, erba' għasafar tal-art endemiċi u madwar terz tal-insetti u l-gastropodi identifikati huma endemiċi – diversità notevoli meta wieħed iqis id-daqs tal-gżira.
Storja
immodifikaIl-gżira ġiet insedjata mill-Polineżjani – x'aktarx saħansitra mit-800 W.K. – iżda sal-bidu tas-seklu 17 ġiet abbandunata. Hemm evidenza tajba li l-gżira kienet okkupata kontinwament għal perjodu ta' 600 sena bejn wieħed u ieħor bejn dawk iż-żewġ dati. Ir-raġunijiet għalfejn l-abitanti għebu mhumiex magħrufa fiċ-ċert, iżda jaf huma marbuta mal-eżawriment tar-riżorsi[2] u mal-għebien fl-istess żmien tal-Polineżjani mill-Gżira ta' Pitcairn, li fuqhom x'aktarx li l-abitanti tal-Gżira ta' Henderson kienu jiddependu għal bosta affarijiet bażiċi tal-ħajja, speċjalment għall-ġebel meħtieġ għall-produzzjoni tal-għodod. Il-Polineżjani ta' Pitcairn jaf għebu minħabba d-deklin f'Mangareva fil-qrib; għaldaqstant, il-Gżira ta' Henderson kienet fit-tmiem ta' katina ta' kolonji dipendenti żgħar ta' Mangareva. Il-Polineżjani li għebu jaf wettqu migrazzjoni lejn gżira ikbar lejn il-Lvant, pereżempju l-gżira ta' Rapa Nui, għaliex ġie nnotat li l-punti tat-tluq għall-kolonizzazzjoni Polineżjana bikrija ta' Rapa Nui oriġinarjament minn Mangareva x'aktarx li kienu mill-Gżejjer ta' Pitcairn u ta' Henderson, li jinsab madwar nofs triq bejn Mangareva u Rapa Nui. Is-similarità kbira bejn il-lingwa ta' Rapa Nui u l-Mangarevan Bikri, is-similaritajiet bejn statwa li nstabet fil-Gżira ta' Pitcairn u xi statwi li nstabu f'Rapa Nui, ix-xebħ fl-istil tal-għodod f'Rapa Nui ma' dawk f'Mangareva u fil-Gżira ta' Pitcairn, u l-korrispondenzi tal-kranji li nstabu f'Rapa Nui ma' żewġ kranji li nstabu fil-Gżira ta' Henderson, kollha jissuġġerixxu li l-Gżejjer ta' Henderson u ta' Pitcairn kienu punti ta' waqfa bikrin ta' Mangareva lejn Rapa Nui, li fl-1999, vjaġġ b'dgħajjes Polineżjani tradizzjonali rikostruwiti rnexxielu jsir minn Mangareva għal Rapa Nui fi sbatax-il jum u nofs.[3][4]
Fid-29 ta' Jannar 1606, il-kaptan Portugiż Pedro Fernandes de Queirós, mexxa spedizzjoni Spanjola biex tinstab l-art kbira leġġendarja tan-Nofsinhar (Terra Australis), u kien l-ewwel Ewropew li ra l-gżira, u semmiha San Juan Bautista.[5] Iktar minn 200 sena wara, fis-17 ta' Jannar 1819, il-Kaptan Henderson tal-vapur tal-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja Hercules reġa' skopra l-gżira. Sitt ġimgħat wara, fit-2 ta' Marzu 1819, il-Kaptan Henry King, fl-Elizabeth, żbarka fuq il-gżira u sab li l-bandiera bil-kuluri tar-re diġà kienet qed tittajjar. L-ekwipaġġ tiegħu naqqxu isem il-bastiment tagħhom fuq siġra, u għal xi żmien il-gżira kienet magħrufa kemm bħala l-Gżira ta' Elizabeth kif ukoll bħala l-Gżira ta' Henderson. Thomas Raine, mastru tal-vapur Surry ta' Londra, semmiha l-Gżira ta' Henderson għaliex dehrlu, minn konversazzjoni li kellu ma' James Henderson f'Valparaíso, li kienet l-iskoperta ta' Henderson.
Fl-20 ta' Novembru 1820, gabdoll heżżeż u għerreq il-bastiment tal-kaċċa tal-balieni ta' Nantucket imsejjaħ Essex (rapport li ispira lil Herman Melville jikteb Moby Dick), u l-20 membru tal-ekwipaġġ tal-bastiment waslu fil-Gżira ta' Henderson fl-20 ta' Diċembru fi tliet dgħajjes żgħar tal-kaċċa tal-balieni. Huma sabu l-unika sors magħruf tal-ilma tax-xorb tal-gżira – fawwara tal-ilma salmastru tul il-kosta tat-Tramuntana, esposta b'nofs marea – u kielu ħut, għasafar, bajd, granċijiet u Lepidium latifolium, iżda fi żmien ġimgħa kienu prattikament temmu l-ikel kollu li kien disponibbli. Għalhekk, fis-27 ta' Diċembru, it-tliet dgħajjes salpaw lejn l-Amerka t'Isfel, u ħallew warajhom lil Thomas Chappel, Seth Weeks u William Wright, li għażlu li jibqgħu fuq il-gżira u baqgħu ħajjin sas-salvataġġ tagħhom diversi xhur wara, fid-9 ta' April 1821.[6]
Fl-1902, il-Gżira ta' Henderson, flimkien mal-Gżejjer ta' Oeno u ta' Ducie, ġiet annessa formalment mal-Imperu Brittaniku mill-Kaptan G. F. Jones, li żar il-gżejjer f'bastiment b'ekwipaġġ ta' ċittadini mill-Gżira ta' Pitcairn. F'Awwissu 1937, l-HMS Leander, fi vjaġġ mill-Ewropa sa New Zealand, wettqet stħarriġ mill-ajru tal-Gżejjer ta' Henderson, ta' Oeno u ta' Ducie, u fuq kull gżira tpoġġiet bandiera Brittanika u proklamazzjoni msammra magħha: "Din il-gżira hija proprjetà tal-Maestà Tiegħu r-Re Ġorġ VI".[7]
Fl-1957, Amerkian ta' 27 sena, Robert Tomarchin, għex il-ħajja ta' nawfragu fuq il-gżira għal madwar xahrejn, akkumpanjat minn xadina domestika, mid-dehra bħala reklami għalih innifsu, sa ma ġew isalvawh xi ċittadini mill-Gżira ta' Pitcairn f'żewġ dgħajjes twal.[8]
Fil-bidu tas-snin 80 tas-seklu 20, in-negozjant Amerikan Arthur "Smiley" Ratliff wera l-interess li jistabbilixxi villa għalih fuq il-gżira, b'mitjar.[9] Il-Kunsill tal-Gżira ta' Pitcairn approva l-pjanijiet tiegħu, iżda wara li l-ambjentalisti għamlu pressjoni biex tiġi protetta l-ekoloġija naturali u l-ambjent tal-gżira, l-Uffiċċju Brittaniku Barrani u tal-Commonwealth mar kontra din id-deċiżjoni u ħassar l-iżvilupp propost. Il-Gżira ta' Henderson tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.
Fl-2019, grupp ta' xjenzati, ġurnalisti, reġisti u artisti ħadu sehem fi spedizzjoni lejn il-Gżira ta' Henderson biex jinvestigaw it-tniġġis bil-plastik u l-iskart marittimu fuq il-gżira. Ħames membri tal-ispedizzjoni weħlu fuq il-gżira meta d-dgħajsa tagħhom li kienet tintefaħ bl-arja nqelbet.[10] Fl-2021, iċ-ċittadini tal-Gżira ta' Pitcairn ipparteċipaw fi spedizzjoni xjentifika biex jivvalutaw l-effetti tat-tibdil fil-klima.[11]
F'Marzu 2022, stħarriġ tal-Flotta Navali Rjali bl-HMS Spey, bħala parti minn sforz biex jiġu aġġornati l-mapep marittimi rigward it-Territorji Ekstra-Ewropej Brittaniċi, sab li l-gżira tinsab mil (1.6 kilometru) fin-Nofsinhar tal-pożizzjoni li kienet indikata. Id-data eżistenti kienet tmur lura għal stħarriġ mill-ajru li kien sar fl-1937, u b'hekk ġie indikat żball fil-kalkoli meta tfasslet il-mappa.[12]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Gżira ta' Henderson ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Riżorsi naturali
immodifikaMill-introduzzjoni tad-dgħajjes twal b'buq tal-aluminju fis-seklu 20, iċ-ċittadini tal-Gżira ta' Pitcairn wettqu vjaġġi regolari lejn il-Gżira ta' Henderson biex jaħsdu l-injam tas-siġar tal-miro u tat-tou. Normalment, imorru lejn il-Gżira ta' Henderson darba fis-sena, iżda jaf jagħmlu sa tliet vjaġġi jekk it-temp ma jippermettix. Iċ-ċittadini tal-Gżira ta' Pitcairn inaqqxu l-injam għal tifkiriet għat-turisti, li minnhom jaqilgħu l-biċċa l-kbira tal-introjtu tagħhom.[13]
Ġeografija
immodifikaIl-Gżira ta' Henderson hija skoll tal-qroll olzat, li flimkien mal-Gżejjer ta' Pitcairn, ta' Ducie u ta' Oeno, jifformaw il-Grupp tal-Gżejjer Pitcairn. L-eqreb massa ta' art kbira huwa l-kontinent tal-Amerka t'Isfel, iżjed minn 5,000 kilometru (2,700 mil nawtiku) 'il bogħod. Din il-gżira tal-ġebla tal-ġir tal-qroll tinsab fuq tumbata konika (x'aktarx vulkanika), li titla' minn fond ta' madwar 3,500 metru (11,500 pied). Il-wiċċ tagħha huwa magħmul l-iktar minn biċċiet tal-qroll u tal-ġebla tal-ġir – taħlita ppuntata ferm ta' pinnakli weqfin u ħofor baxxi fl-art. Il-gżira hija mdawra minn irdumijiet weqfin tal-ġebla tal-ġir, b'għoli sa 15-il metru (50 pied).[14]
Hemm tliet bajjiet prinċipali, fuq il-kosti tal-Majjistral, tat-Tramuntana u tal-Grigal, u l-bajjiet tat-Tramuntana u tal-Majjistral fihom l-iskolli tal-qroll u sikkiet. Id-depressjoni fiċ-ċentru tal-gżira hija maħsuba li hija laguna olzata. Hemm sors wieħed biss magħruf tal-ilma tax-xorb, fawwara tal-ilma salmastru tul il-kosta tat-Tramuntana li tkun esposta b'nofs marea, li titla' minn xaqq fil-blat ċatt u kbir tal-bajja. Il-medda mareali oċeanika tal-madwar ikollha għoli ta' madwar metru fil-marea tar-rebbiegħa.
Flora
immodifikaApparti ħames speċijiet mal-bajjiet, inkluż is-siġar tal-palm tal-ġewż tal-Indì, il-veġetazzjoni ma tintmessx mill-bniedem. Il-Gżira ta' Henderson hija miksija minn foresti b'siġar ta' 5 sa 10 metri ġo xulxin, u hija miksija inqas fid-depressjoni ċentrali. Fiha 51 speċi nattiva ta' pjanti li jarmu l-fjuri, u għaxra minnhom huma endemiċi għall-gżira. Fost l-ispeċijiet ta' siġar dominanti nsibu: is-siġar tal-palm tal-ġewż tal-Indì, Pandanus tectorius, Thespesia populnea (miro), Heliotropium foertherianum, Cordia subcordata (tou), Guettarda speciosa, Pisonia grandis, Geniostoma hendersonense, Nesoluma st-johnianum, Hernandia stokesii, Myrsine hosakae, u Celtis sp.[15]
Fawna
immodifikaGħasafar
immodifikaIl-gżira tospita erba' speċijiet endemiċi ta' għasafar tal-art – il-ħamiema tal-frott tal-Gżira ta' Henderson, il-pappagall tal-Gżir ta' Henderson, il-bagħal tal-qasab tal-Gżira ta' Henderson u l-gallozza tal-Gżira ta' Henderson li ma ttirx. Tliet speċijiet tal-familja Columbidae – il-ħamiema tal-art tal-Gżira ta' Henderson, il-ħamiema imperjali tal-Gżira ta' Henderson u l-ħamiema arkajka tal-Gżira ta' Henderson – kif ukoll il-beggazzina tal-Gżira ta' Henderson, fl-imgħoddi kienu endemiċi għall-gżira, iżda ġew estinti mal-wasla tal-Polineżjani għall-ħabta tal-1000 W.K. Mill-ħmistax-il speċi mhux endemika ta' għasafar tal-baħar eżistenti fuq il-gżira, huwa maħsub li disgħa jew iktar jitnisslu fuq il-gżira. Kolonji li jitnisslu tal-kangu tal-Gżira ta' Henderson, li huwa mhedded globalment, fl-imgħoddi kienu jeżistu fil-Gżira ta' Ducie iżda nqerdu minn firien invażivi sal-1922. Huwa maħsub li issa l-kangu jbejjet biss fil-Gżira ta' Henderson.[16]
L-għadam assoċjat ma' siti preistoriċi tal-insedjamenti Polineżjani tal-ħabta ta' bejn 500 u 800 sena ilu jinkludi dak tal-kangu Polineżjan, tal-ħamiema imperjali ta' Gżejjer Marquesas, u tal-ħamiema imperjali Polineżjana jew tal-Paċifiku li ma għadhom jinstabu fuq il-gżira, u ta' tnejn oħra – il-garnija tal-Gżira Christmas u s-sula ta' saqajha ħomor – li ġieli jżuru l-gżira iżda ma għadhomx ibejtu fiha. Skont ipoteżi, l-insedjaturi Polineżjani jaf wasslu biex dawn l-ispeċijiet ta' għasafar, flimkien ma' sitt speċijiet ta' bebbux tal-art, jiġu estinti lokalment, u dan it-telf ta' provvista tal-ikel regolari u lesta jaf ikkontribwixxa għall-għejbien sussegwenti tal-Polineżjani.[17][18] Il-gżira ġiet identifikata mill-BirdLife International bħala Żona Importanti għall-Għasafar għall-għasafar tal-art endemiċi u għall-għasafar tal-baħar li jitnisslu hemmhekk.[19]
Annimali oħra
immodifikaL-ispeċijiet invertebrati fil-biċċa l-kbira mhumiex magħrufa, iżda terz tal-gastropodi mhux tal-baħar u tal-insetti li huwa magħruf li jgħixu fuq il-gżira huma endemiċi. Ma hemm l-ebda mammiferu nattiv, iżda hemm abbundanza ta' firien tal-Paċifiku, introdotti mill-Polineżjani 800 sena ilu. Xaħmet l-art (Emoia cyanura) u l-fekruna tal-baħar ħadra ġew identifikati, filwaqt li ġiet irrapportata wiżgħa mhux identifikata. Barra minn hekk hemm ukoll il-granċijiet.[20]
Riskju bijoloġiku
immodifikaIl-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-art jidhru li huma pjuttost stabbli iżda hemm riskju kbir li jiġu introdotti l-predaturi fuq il-gżira, kif ukoll vetturi tal-mard, u mard ikkawżat minn żbarki mhux awtorizzati ta' jottijiet. L-introduzzjoni tal-far iswed Ewrasjatiku jew tal-qattus domestiku x'aktarx li kieku tikkawża l-estinzjoni kważi immedjata tal-gallozza tal-Gżira ta' Henderson li tgħix mal-art u possibbilment ta' xi speċijiet oħra. L-għasafar endemiċi jaf ma għandhom l-ebda immunità għall-influwenza tat-tjur fatali li tiġi trażmessa minn dubbien li jigdem bħall-Hippoboscidae.
Bejn Lulju u Novembru 2011, partenarjat tal-Gvern tal-Gżejjer Pitcairn u s-Soċjetà Rjali għall-Protezzjoni tal-Għasafar implimenta programm ta' lixki bil-velenu bl-għan li jinqerdu l-firien tal-Paċifiku. Il-mortalità kienet enormi iżda mill-popolazzjoni ta' madwar 50,000 sa 100,000 far, 60 sa 80 individwu baqgħu ħajjin u l-popolazzjoni issa reġgħet irkuprat għalkollox.[21]
Fdalijiet tal-plastik
immodifikaRiċerka ppubblikata f'April 2017[22] tat ħarsa lejn il-fdalijiet tal-plastik fuq diversi bajjiet, u rrapportat "l-ogħla densità ta' skart tal-plastik fid-dinja" bħala riżultat tal-kurrenti oċeaniċi tan-Nofsinhar tal-Paċifiku. Ġie stamt li l-bajjiet kien fihom 37.7 miljun fdal tal-plastik li flimkien jiżnu xi 17.6-il tunnellata. Fi studju dwar il-Bajja tat-Tramuntana, instab li kuljum jittellgħu l-art minn 17 sa 268 oġġett ġdid f'sezzjoni ta' 10 metri. L-istudju nnota li l-granċijiet eremita vjola (Coenobita spinosus) saru jgħammru f'kontenituri tal-plastik li jittellgħu l-art bil-mewġ, u b'hekk il-fdalijiet tal-plastik jaf inaqqsu d-diversità ta' gastropodi tul il-kosta, jaf jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-għadd ta' tentattivi tal-fkieren tal-baħar li jbidu fil-bajjiet tal-gżira u jaf iżidu r-riskju li l-għasafar tal-baħar li jbejtu tul il-kosta jitħabblu jew jinqabdu fil-fdalijiet.[23][24]
F'Ġunju 2019, an expedition organised by the UK Government attempted to remove some of the plastic debris from the island's East beach. The team collected six tonnes of rubbish, but weather conditions hampered efforts to take the rubbish off the island.[25][26] A followup expedition in July 2022 collected further plastic.[27]
Gallerija
immodifika-
Il-Bajja tal-Lvant
-
Il-Bajja tal-Majjistral.
-
Il-Bajja tal-Majjistral.
-
Il-Bajja tat-Tramuntana.
-
Il-Bajja tat-Tramuntana.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ "Henderson Island - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2020-08-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-08-02. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Weisler, Marshall I. (1995). "Henderson Island prehistory: colonization and extinction on a remote Polynesian island". Biological Journal of the Linnean Society. 56 (1–2): 377–404.
- ^ Diamond, Jared (2005). Collapse: How Societies Choose to Fail or Succeed. Penguin Group. ISBN 0-670-03337-5.
- ^ "The Voyage to Rapa Nui". web.archive.org. 2010-11-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-11-12. Miġbur 2023-08-21.
- ^ Brand, Donald D. (1967). The Pacific Basin: A History of its Geographical Explorations. New York: The American Geographical Society. p. 136.
- ^ Heffernan, Thomas Farel (1990). Stove by a Whale: Owen Chase and the Essex. Wesleyan University Press. pp. 62–84. ISBN 978-0-8195-6244-9.
- ^ Rehder HA; Randall JE (15 January 1975). "Ducie Atoll: Its history, physiography and biota" (PDF). Atoll Research Bulletin. 183: 1–55.
- ^ "Monkey Story". web.archive.org. 2011-10-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-10-16. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Serpell J (1983). "Desert island risk". New Scientist. No. 5 May 1983. p. 320.
- ^ "Desert Island Dump: The shameful state of Henderson Island". web.archive.org. 2019-07-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-07-26. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Pitcairn Islanders refuse to let Covid-19 halt vital climate change research | Stuff.co.nz". web.archive.org. 2021-08-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-08-29. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Royal Navy finds uninhabited Henderson Island has been marked on charts in the wrong place for 85 years | World News | Sky News". web.archive.org. 2022-03-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-03-11. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Brooke, M. de L.; Hepburn, I.; Trevelyan, R. J. (2004). "Henderson Island World Heritage Site Management Plan 2004–2009". Londra: Foreign and Commonwealth Office. p. 19.
- ^ "Travellers' guide to Henderson_Island". Travellerspoint (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-21.
- ^ Graves GR (1992). "The endemic land birds of Henderson Island, Southeastern Polynesia: Notes on natural history and conservation". The Wilson Journal of Ornithology. 104 (1): 32–43.
- ^ "Potential for rat predation to cause decline of the globally threatened Henderson petrel Pterodroma atrata: evidence from the field, stable isotopes and population modelling" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Steadman DW, Olson SL (1 September 1985). "Bird remains from an archaeological site on Henderson Island, South Pacific: Man-caused extinctions on an "uninhabited" island". PNAS. 82 (18): 6191–6195.
- ^ Weisler, Marshall I. (Spring 1994). "The Settlement of Marginal Polynesia: New Evidence from Henderson Island". Journal of Field Archaeology. 21 (1): 83–102.
- ^ "BirdLife International - conserving the world's birds". web.archive.org. 2007-07-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-12-11. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Aircraft carrier and helicopters come to unique island's rescue". web.archive.org. 2013. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-07-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Amos, W.; Nichols, H.J.; Churchyard, T.; Brooke, M. de L. (2016). "Rat eradication comes within a whisker! A case study of a failed project from the South Pacific". Royal Society Open Science. 3 (4): 160110.
- ^ Lavers, Jennifer L.; Bond, Alexander L. (2017). "Exceptional and rapid accumulation of anthropogenic debris on one of the world's most remote and pristine islands". PNAS. 114 (23): 6052–6055.
- ^ "38 million pieces of plastic waste found on uninhabited South Pacific island | Environment | The Guardian". web.archive.org. 2017-05-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-15. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "No one lives on this remote Pacific island — but it's covered in 38 million pieces of our trash - The Washington Post". web.archive.org. 2017-05-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-16. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Desert Island Dump, chapter two: A six-tonne rubbish collection". web.archive.org. 2019-07-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-07-27. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Plastic rubbish could finally be removed from world's most polluted place | Stuff.co.nz". web.archive.org. 2019-12-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-12-17. Miġbur 2023-08-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Vance, Andrea (2022-07-16). "Upsetting scenes as trash returns to previously cleared paradise, Henderson Island". Stuff (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-21.