Filatelija
Il-filatelija hija l-istudju tal-bolol tat-taxxa jew tal-bolol postali. Din tinkludi l-iddisinjar, il-produzzjoni u l-użi tal-bolol wara li tingħata l-awtorizzazzjoni li jinħarġu, is-soltu mingħand uffiċjali tal-gvern bħall-awtoritajiet postali. Il-filatelija hija l-attività distinta fejn jiġu studjati l-bolol, li tista’ tinkludi l-kollezzjoni tal-bolol. Ngħidu aħna, xi filatelisti jistudjaw bolol estremament rari mingħajr ma jkollhom kopji għalihom stess, għaliex jiswew ħafna flus jew għaliex l-aħħar eżemplari jinsabu fil-mużewijiet. Min-naħa l-oħra, il-kollezzjoni tal-bolol fiha nfisha hija l-ksib ta’ bolol, xi drabi mingħajr kunsiderazzjoni għall-oriġini jew għall-użu tagħhom.
Etimoloġija
immodifikaSal-lum il-ġurnata, il-ħolqien tal-kelma “filatelija” fil-forma Franċiża tagħha hija storikament attribwita lil Georges Herpin fil-pubblikazzjoni Le Collectionneur de timbres-postes, Vol. 1, 15 ta’ Novembru, 1864. Hija mibnija mill-kelmiet Griegi philos (φίλος li tfisser “ħabib”), u ateleia (ἀτέλεια li tfisser “eżenti mid-dazji u t-taxxi”[1]) peress li l-bolol postali jindikaw li d-destinatarju ma għandux iħallas għas-servizz minħabba li dawn huma minnhom infushom mezz li jiffranka u li għaldaqstant jikkonfermaw li l-ħlasijiet postali jkunu saru minn qabel mingħand dak li jibgħat, jew mingħand ħaddieħor. It-termini alternattivi “timbrofilija” u “timbroloġija” huma ħafna inqas komuni.
L-oriġini tal-filatelija tinsab fl-osservazzjoni li f’munzell bolol li jidhru kollha tal-istess tip, eżaminazzjoni ta’ aktar reqqa turi li hemm tipi differenti ta’ karta, filigrani differenti fil-karta, varjazzjonijiet fl-ilwien tal-kuluri, perforazzjonijiet differenti, u tipi oħra ta’ differenzi. Mill-paragun mar-rekords tal-awtoritajiet postali jista’ joħroġ li l-varjazzjonijiet setgħu kienu intenzjonati, li imbagħad iwassal għal aktar stħarriġ dwar kif setgħu seħħew il-bidliet u għalfejn. Huwa interessanti wkoll li eluf ta’ falsifikazzjonijiet inħolqu matul is-snin, b’uħud minnhom tajbin ħafna, u għarfien komplet tal-filatelija biss jista’ jagħti xi tama li jiġu skoperti l-falsifikazzjonijiet.
Waħda mill-ispjegazzjonijiet għall-varjazzjoni kollha li teżisti hija li l-istampar tal-bolol kien fost it-tentattivi tal-bidu għall-produzzjoni bil-massa fuq skala kbira mill-awtoritajiet postali. Saħansitra fis-seklu 19, il-bolol kienu qegħdin joħorġu bil-biljuni, aktar minn kwalunkwe tip ieħor ta’ oġġett immanifatturat dak iż-żmien.
L-Oqsma tal-Filatelija
immodifikaFilatelija bażika, jew teknika, hija għaldaqstant l-istudju tal-aspetti tekniċi tal-produzzjoni tal-bolol u l-identifikazzjoni tagħhom. Din tinkludi l-istudju tal-:
- Proċess inizzjali tal-iddisinjar tal-bolla
- Karta (li tinkludi wkoll il-filigrana)
- Metodi ta’ stampar (l-inċiżjoni, it-tipografija, eċċ.)
- Gomma
- Separazzjoni (eż. il-perforazzjoni)
- Soprastampi fuq bolol diġà maħruġa
- Falzitajiet u falsifikazzjonijiet filateliċi, b’mod speċjali l-identifikazzjoni tal-falsifikazzjonijiet.
L-Istrumenti tal-Filatelija
immodifikaDawn huma l-istrumenti meħtieġa fil-filatelija: il-lenti, il-pinzetta, l-odonometru, il-filigranoskopju, albums għall-konservazzjoni tal-bolol u l-katalgu.
- Il-lenti sservi sabiex wieħed jara l-irqaqat tal-vinjetta u d-dentellatura bl-għan li jinduna, fejn ikun hemm, bl-imperfezzjonijiet eventwali jew bid-differenzi u s-sottotipi bejn, ngħidu aħna, żewġ bolol tal-istess ħarġa iżda wkoll bejn bolla ġenwina u oħra falza. L-evoluzzjoni tagħha hija l-kontafili, strument użat ukoll mill-ħaddiema tad-deheb, li jkabbar minn tal-anqas x4.
- Il-pinzetta għandha l-għan waħdieni li tmiss il-bolla mingħajr ebda kuntatt mal-idejn, u allura mingħajr ma titħalla fuqha ebda tebgħa jew umdità. Infatti l-għaraq ta' mas-subgħajn huwa b'mod partikolari ta' ħsara għall-gomma. Bħala regola, wieħed għandu dejjem juża l-pinzetta meta jaħdem bil-bolol.
- L-odonometru jservi sabiex ikejjel bi preċiżjoni d-dentellatura tal-bolol skont l-ispazju li jifred dent minn ieħor. L-għarfien preċiż tad-dentellatura jippermetti l-klassifikazzjoni korretta ta' kull bolla.
- Il-filigranoskopju huwa friskatur żgħir iswed fejn meta l-bolla tixxarrab bil-qtar tal-petrol rettifikat jew bl-ilma distillat il-filigrana tista' tiġi tidher perfettament (din l-analiżi hija possibbli biss fuq il-bolol użati sabiex ma jsirx ħsara lill-gomma).
- L-album huwa ktieb magħmul minn bosta paġni magħqudin f'daqqa sabiex il-bolol jinżammu f'kundizzjoni ottimali.
- Il-katalgu huwa indispensabbli għaliex huwa referenza għall-klassifikazzjoni tal-bolol fuq bażi ta' min iddiżinja l-bolla, min stampaha u s-sena tal-ħruġ u l-varjetajiet. Barra minn hekk, jagħti wkoll indikazzjoni tal-valur ekonomiku.
Il-Karatteristiċi ta' Bolla ta' Kwalità Tajba
immodifikaIl-kwalità hija parametru fundamentali sabiex jiġi ddeterminat il-valur ta' bolla. Għall-bolol ġodda din hija bbażata fuq kemm il-gomma fuq il-wara tkun friska. Il-gomma sikwit tiddeterjora minħabba konservazzjoni ħażina f'ambjent umdu, fejn jinħolqu tebgħat ta' ossidazzjoni jew marki sofor kbar.
- Id-denti għandhom ikunu kollha preżenti u tal-istess tul ħlief fil-każijiet ta' dawk il-bolol maħruġa mingħajr dentellatura li jridu jippreżentaw marġnijiet tajba.
- Il-vinjetta għandha tkun iċċentrata tajjeb ħafna, jiġifieri għandu jkun hemm marġni ndaqs bejn l-erba' lati tal-vinjetta u d-dentellatura.
- Il-karta m'għandhiex tkun irqiqa jew mibruxa.
- Il-kulur għandu ikun ċar u ma jridx ikun bjad.
- Il-gomma għandha tkun sħiħa u mingħajr tebgħat sofor.
- Jekk il-bolla hija użata, it-timbru għandu jkollu d-data tinqara u ma jkunx oħxon wisq.
Il-Bolol Miksurin jew f'Kundizzjoni Ħażina Ħafna
immodifikaTa' min jiċċara li fil-kollezzjoni personali tiegħu, wieħed jista' jdaħħal il-bolol kollha li jrid. Kull bolla hija fil-veru sens biċċa storja unika li ma tinġiebx lura, indipendentement mill-istat tal-konservazzjoni. Madanakollu ta' min jinnota li fil-filatelija (il-kummerċ, it-tpartit u l-espożizzjonijiet) il-bolol miksurin jew difettużi m'għandhom prattikament ebda valur ħlief f'xi każi eċċezzjonali bħall-bolol ta' rarità kbira fejn b'perċentwali baxxa ta' valur (5 - 10%) jistgħu jinbiegħu xorta.
- Huma definiti bħala bolol miksurin:
- Bolol li għandhom biċċiet neqsin
- Bolol imqattgħin jew maqtugħin
- Bolol imtaqqba
- Bolol b'denti neqsin
- Bolol mibruxin minn quddiem
- Bolol b'karta irqiqa minn wara
- Huma definiti bħala bolol fi stat ħażin ħafna ta' konservazzjoni:
- Bolol b'karta ftit irqiqa minn wara
- Bolol mitwija
- Bolol b'denti qosra
- Bolol irvinati bl-umdità
- Bolol b'tebgħat sofor fuq il-gomma
Organizzazzjonijiet
immodifikaĠenerali
immodifika- Fédération Internationale de Philatélie
- Académie Européenne de Philatélie
- American Philatelic Society
- Federação Brasileira de Filatelia
- Federação Portuguesa de Filatelia
- GEOPHILA Association
- National Philatelic Society UK
- The Royal Philatelic Society of Canada
- Royal Philatelic Society London
- Digital Philatelic Workshop
Skont il-Pajjiż
immodifika- American First Day Cover Society
- U.S. Philatelic Classics Society
- Pennsylvania Postal History Society
- Féderación Argentina de Entidades Filatélicas
- Australian Philatelic Federation
- British North American Philatelic Society
- Cyprus Philatelic Society
- Hellenic Philatelic Federation
- Hellenic Philotelic Society
- Italy and Colonies Study Circle
- Mexico Elmhurst Philatelic Society International
- Royal Philatelic Society of New Zealand Inc
- Federation of Norwegian Philatelists
- The Rossica Society of Russian Philately
- The Ottoman and Near East Philatelic Society
- Oriental Philatelic Association of London
- Philatelic Traders Society (London)
- Welsh Philatelic Society
Tematiċi
immodifikaMużewijiet Postali
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ Smith, Sir William, et al (Editors) A Dictionary of Greek and Roman Antiquities (John Murray, London 1891) Third Edition, Vol. 1, p. 166
- Leon Norman Williams, Fundamentals of Philately (American Philatelic Society, 1990)
- Richard McP. Cabeen, Standard Handbook of Stamp Collecting (Harper & Row, 1979)