Bridgetown

il-belt kapitali tal-Barbados

Bridgetown (UN/LOCODE: BB BGI) hija l-belt kapitali u l-ikbar belt ta' Barbados. Qabel magħrufa bħala r-raħal ta' San Mikiel (bl-Ingliż: The Town of Saint Michael), iż-żona estiża ta' Bridgetown tinsab fi ħdan il-parroċċa ta' Saint Michael. Bridgetown xi kultant tissejjaħ lokalment bħala "l-belt", iżda l-iżjed referenza komuni hija sempliċement ir-"raħal". Mill-2014, il-popolazzjoni metropolitana tagħha tammonta għal madwar 110,000 ruħ.

Bridgetown
 Barbados
Amministrazzjoni
Stat sovranBarbados
Parish of BarbadosSaint Michael (en) Translate
Isem uffiċjali Bridgetown
Ismijiet oriġinali Bridgetown
Ġeografija
Koordinati 13°05′51″N 59°37′00″W / 13.0975°N 59.6167°W / 13.0975; -59.6167Koordinati: 13°05′51″N 59°37′00″W / 13.0975°N 59.6167°W / 13.0975; -59.6167
Bridgetown is located in Barbados
Bridgetown
Bridgetown
Bridgetown (Barbados)
Superfiċjenti 38,849,821 metru kwadru
Għoli 1 m
Demografija
Popolazzjoni 110,000 abitanti (2014)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1628
bliet ġemellati Wilmington (en) Translate, Bridgetown (en) Translateu London Borough of Hackney (en) Translate
barbados.org…

Il-port ta' Bridgetown jinsab tul il-Bajja ta' Carlisle (13.106°N, 59.632°W) fil-kosta tal-Lbiċ tal-gżira. Partijiet miż-żona estiża ta' Bridgetown (bejn wieħed u ieħor dik madwar ir-Ring Road Bypass, magħrufa aħjar bħala l-Awtostrada ABC) jinsabu qrib il-konfini tal-parroċċi ġirien ta' Christ Church u Saint James. L-Ajruport Internazzjonali ta' Grantley Adams għall-Barbados jinsab 16-il kilometru (10 mili) fix-Xlokk taċ-ċentru tal-belt ta' Bridgetown, u jopera titjiriet kuljum lejn bliet ewlenin fir-Renju Unit, fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fil-Karibew. Ma għadx hemm gvern muniċipali lokali, iżda hija kostitwenza tal-parlament nazzjonali. Matul is-snin 50 u 60 tas-seklu 20, bħala parti mill-Federazzjoni tat-Territorji Brittaniċi tal-Indji tal-Punent, Bridgetown kienet waħda minn tliet bliet kapitali fi ħdan ir-reġjun li kienu meqjusa bħala bliet kapitali federali tar-reġjun.[1][2][3]

Il-pożizzjoni attwali fejn tinsab il-belt ġiet stabbilita mill-insedjaturi Brittaniċi fl-1628; insedjament preċedenti taħt l-awtorità ta' Sir William Courten kien jinsab fir-raħal ta' Saint James. Bridgetown hija destinazzjoni turistika ewlenija fl-Indji tal-Punent, u l-belt hija ċentru importanti għall-finanzi, għall-informatika u għall-konvenji, u hija port li jilqa' l-bastimenti tal-kruċieri fir-reġjun tal-Karibew. Fil-25 ta' Ġunju 2011, "Bridgetown Storika u l-Gwarniġjon tagħha" tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4][5][6]

Storja immodifika

 
L-istatwa ta' Lord Nelson f'Bridgetown, Barbados fl-1848; din l-istatwa tneħħiet fl-2020.

Għalkemm il-gżira ġiet abbandunata għalkollox jew diżabitata mal-wasla tal-Brittaniċi, waħda mill-ftit traċċi ta' eżistenza indiġena qabilhom fuq il-gżira kien pont primittiv mibni fuq l-art bassasa ta' Careenage fil-qalba ta' Bridgetown. Kien maħsub li dan il-pont kien inħoloq minn poplu indiġenu tal-Karibew magħruf bħala t-Tainos. Malli sabu din l-istruttura, l-insedjaturi Brittaniċi bdew isejħu dik li issa hija ż-żona ta' Bridgetown bħala Indian Bridge (litteralment "Pont Indjan"). L-istudjużi b'mod wiesa' jemmnu li t-Tainos ħarbu minn Barbados u marru jgħixu fil-gżira ta' Saint Lucia fil-qrib, matul invażjoni mill-Kalinagos, poplu indiġenu ieħor tar-reġjun. Eventwalment, wara l-1654 meta nbena pont ġdid fl-inħawi ta' Careenage mill-Brittaniċi, iż-żona saret magħrufa bħala r-Raħal ta' Saint Michael u iktar 'il quddiem bħala Bridgetown, bħala ġieħ għal Sir Tobias Bridge.

Bridgetown hija l-unika belt li George Washington żar barra mill-Istati Uniti. Id-Dar ta' George Washington, id-dar fejn qagħad matul iż-żjara tiegħu, hija inkluża fi ħdan il-konfini taż-Żona Storika tal-Gwarniġjon. Tnejn mill-antenati ta' Washington, Jonathan u Gerrard Hawtaine, kienu sidien ta' pjantaġġuni bikrin fil-gżira. In-nanna tagħhom kienet Mary Washington minn Sulgrave, Northamptonshire, l-Ingilterra. Fl-2011, diversi binjiet storiċi f'Bridgetown ġew iddeżinjati bħala żona protetta mill-UNESCO.[7]

Insedjament bikri immodifika

 
Bridgetown, Barbados fl-1848.

L-insedjament Brittaniku ta' Bridgetown beda nhar il-5 ta' Lulju 1628 taħt Charles Wolverstone, li ġab miegħu 64 insedjatur lejn dawn l-artijiet li qabel kienu taħt is-sjieda ta' James Hay, il-Konti ta' Carlisle. Wolverstone kien intbagħad minn grupp ta' merkanti minn Londra, immexxija minn Sir Marmaduke Rawdon. Kienu ngħataw kirja ta' 10,000 akru (4,000 ettaru) ta' art mill-Konti ta' Carlisle bħala saldu ta' dejn. Wolverstone ta 100 akru (40 ettaru) ta' art fit-Tramuntana ta' Careenage lil kull wieħed mill-insedjaturi bl-iskop ta' insedjament ġenerali. Ix-xatt tan-Nofsinhar fil-Punt ta' Needham ittieħed mill-aġenti ta' Carlisle f'Ottubru 1628. Fl-1631, bosta akri ta' art eżatt faċċata tal-Bajja ta' Carlisle għaddew taħt is-sjieda ta' Henry Hawley, il-Gvernatur il-ġdid; iżda wara rapporti ta' mġiba diżonesta huwa ġie arrestat u ġie mġiegħel jirritorna lejn l-Ingilterra fl-1639. Investigazzjoni minn kummissjoni fl-1640 sabet li l-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet tal-art ta' Hawley kienu leġittimi u kienu juru b'mod xieraq li dawn l-artijiet (inkluż is-sit tar-raħal) kienu attribwiti lill-Konti ta' Carlisle. Bridgetown inbniet b'konfigurazzjoni ta' toroq li tixbaħ lil dik tal-irħula tas-swieq jew Medjevali Ingliżi bikrin, bit-toroq dojoq u jserpu u bis-sqaqien. Huwa stmat li bejn l-1627 u l-1807, bejn wieħed u ieħor 387,000 skjav Afrikan intbagħtu lejn Barbados.[8]

Minn raħal għal belt immodifika

 
L-istemma ta' Bridgetown.

Fl-1824, Barbados saret is-sede tad-Djoċesi Anglikana ta' Barbados u tal-Gżejjer Leeward. Il-Knisja Parrokkjali ta' San Mikiel saret katidral u Bridgetown saret belt. Fl-1842, Barbados, Trinidad u Tobago, Grenada, Saint Vincent u Saint Lucia ġew maqsuma fi djoċesi separati permezz ta' ittri rjali li stabbilew li r-Raħal ta' Bridgetown għandu jibda jissejjaħ il-Belt ta' Bridgetown.[9]

Mill-1800 sal-1885, Bridgetown kienet is-sede prinċipali tal-gvern għall-eks kolonji Brittaniċi tal-Gżejjer Windward. Matul dan il-perjodu, il-gvernatur residenti ta' Barbados serva bħala l-kap kolonjali tal-Gżejjer Windward. Wara li l-gvern ta' Barbados ħareġ uffiċjalment mill-unjoni tal-Gżejjer Windward fl-1885, is-sede ġiet ittrasferita minn Bridgetown għal Saint George fil-gżira ta' Grenada.

F'Diċembru 1925, kumitat ipprova jagħmel petizzjoni kontra r-Re għal Karta Rjali ta' Inkorporazzjoni sabiex il-belt ikollha gvern lokali, u ppropona li jkun jikkonsistit minn sindku, tmien membri anzjani, 12-il kunsillier komuni, skrivan tal-belt, kap ta' distrett jew kuntistabbli kap, u uffiċjali oħra simili skont kif jitqies li jkun meħtieġ. Ġie propost ukoll li l-Kamra tal-Assemblea tal-gżira għandha tipprova tinkorpora l-belt minflok tuża Karta Rjali.

Din il-proposta ma ntlaqgħetx, iżda fl-1958 f'Barbados għadda l-Att dwar il-Gvern Lokali. Dan ipprovda amministrazzjoni separata għall-belt, b'sindku, sitt membri anzjani mill-belt u 12-il kunsillier tal-belt, erba' għal kull wieħed mit-tliet distretti tal-belt.

Fl-20 ta' Settembru 1960, il-Kulleġġ tal-Istemmi f'Londra ta l-istemma lill-Belt ta' Bridgetown. L-istemma ġiet iddisinjata minn Neville Connell, li dak iż-żmien kien id-direttur tal-Mużew u s-Soċjetà Storika ta' Barbados, u minn H. W. Ince, is-Segretarju Onorarju tas-Soċjetà.

Il-gvern lokali f'Barbados ma damx wisq. F'April 1967, il-Kunsilli tal-Gvern Lokali ġew xolti u ġew sostitwiti b'Kummissarju Temporanju għall-Gvern Lokali. B'hekk, il-Korporazzjoni ta' Bridgetown ma baqgħetx teżisti iktar, u l-affarijiet kollha relatati magħha ġew depożitati kemm fid-Dipartiment tal-Arkivji tal-gvern kif ukoll fil-Mużew u fis-Soċjetà Storika ta' Barbados.[10] Attwalment, Bridgetown u l-kostitwenzi tal-madwar huma amministrati minn membri parlamentari ta' Barbados.

Ġeografija u klima immodifika

Ġeografija immodifika

Kif stabbilit fil-bidu tas-seklu 17, iċ-ċentru ta' Bridgetown oriġinarjament kien magħmul minn art bassasa, li f'qasir żmien ġiet imbattla mill-ilma u mimlija bir-radam sabiex titwitta t-triq għall-iżvilupp bikri.

Konfini immodifika

L-iżjed konfini bikrin ta' Bridgetown jinsabu deskritti f'Att li għadda fl-4 ta' April 1660 bħala li "jipprevjenu l-perikli possibbli minħabba nirien fil-belt jew qrib l-irħula tal-port marittimu tal-gżira". Il-konfini tan-Nofsinhar ġie ddikjarat li kienet ix-Xmara (Careenage), filwaqt li l-limitu tal-Punent ġie ddikjarat li kien il-konfini tal-Punent kien iz-zuntier tal-Knisja ta' San Mikiel (issa ta' Santa Marija), li jestendi f'linja diretta sax-xatt tal-baħar. Il-limiti l-oħra tal-belt kienu jikkonsistu minn proprjetajiet ta' ċertu ċittadini msemija f'dan l-istatut, għalkemm il-pożizzjoni eżatta tagħhom attwalment ma tistax tiġi ddeterminata b'ċertezza. Il-konfini ma reġgħux ġew definiti qabel l-1822.

Permezz tal-Istrument Statutorju Nru 141 tal-1984, fl-Att dwar it-Traffiku fit-Toroq, fil-Kapitlu 295 imsejjaħ "Regolamenti tat-Traffiku fit-Toroq", u taħt l-Iskeda Sekondarja Nru 6 fejn il-Konfini ta' Bridgetown, Speightstown, Holetown u Oistin huma kkwotati kif ġej: 1) "Il-Belt ta' Bridgetown" – "Bridgetown" – "Il-Belt":[11]

Iż-żona kkonfinata mill-Awtostrada Nru 7 fil-limiti ta' Bay Street flimkien ma' Jemmotts Lane; imbagħad f'direzzjoni lejn il-Grigal u t-Tramuntana tul Jemmotts Lane, Martindales Road u Halls Road sal-limiti ta' Halls Road, esklużi t-toroq tal-konfini msemmija; imbagħad f'direzzjoni lejn il-Punent tul Tweedside Road u Roebuck Street sal-limiti ta' Country Road u Roebuck Street; imbagħad f'direzzjoni lejn it-Tramuntana, il-Punent u l-Lbiċ tul Country Road u Passage Road u Westbury Road sal-limiti ta' Westbury Road ma' President Kennedy Drive; imbagħad f'direzzjoni lejn in-Nofsinhar tul President Kennedy Drive sal-limiti ta' Samuel Jackman Prescod Boulevard, eskluż President Kennedy Drive; imbagħad f'direzzjoni lejn in-Nofsinhar u l-Punent tul Samuel Jackman Prescod Boulevard sal-limiti tal-Awtostrada tal-Prinċipessa Alice, eskluż Samuel Jackman Prescod Boulevard; imbagħad f'direzzjoni lejn il-Punent sa punt tul ix-xatt tal-baħar; imbagħad f'direzzjoni lejn ix-Xlokk tul ix-xatt tal-baħar sal-limiti ta' Bay Street u Jemmotts Lane. (traduzzjoni mhux uffiċjali).

Lil hinn mill-konfini deskritti hawn fuq, iż-żona estiża usa' taż-żona metropolitana ta' Bridgetown teknikament tokkupa l-biċċa l-kbira tal-parroċċa ta' Saint Michael, b'erja ta' madwar 39 km2 (15-il mil kwadru). Is-silta ta' hawn fuq mill-Att dwar it-Traffiku fit-Toroq tħalli barra wkoll il-biċċa l-kbira mid-90 akru ta' art ġdida ffurmata oriġinarjament bit-tlestija tal-Port ta' Bridgetown fl-1961.

Careenage immodifika

Fil-qalba ta' Bridgetown hemm ix-xmajjar ta' Careenage u tal-Kostituzzjoni. Careenage iktar milli xmara titqies bħala marina għad-dgħajjes li jidħlu u joħorġu mill-baċir intern li jinsab eżatt quddiem il-binjiet tal-Parlament ta' Barbados. Dan il-korp tal-ilma jipprovdi aċċess dirett għall-belt lill-jottijiet ta' daqs medju jew lid-dgħajjes rikreattivi żgħar. Għalkemm hija moderatament baxxa, il-marina ta' Careenage taqsam lil Bridgetown f'żewġ partijiet. Matul l-istaġun tax-xita, ix-xmara tal-Kostituzzjoni tfur fiż-żona ta' Careenage u sservi ta' żbokk għall-ilma min-network tal-ilma mormi u tax-xita mill-parti interna tal-pajjiż. Il-fluss tal-ilma jnixxi fil-Bajja ta' Carlisle tul il-kosta tal-Lbiċ tal-gżira.

Klima immodifika

Bridgetown għandha klima ta' savana tropikali (skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen: Aw), b'temperaturi relattivament kostanti matul is-sena kollha. Filwaqt li t-temperaturi jkunu pjuttost sħan, Bridgetown tiffriska kemxejn permezz tal-irjieħ prevalenti li jaffettwaw it-temp inġenerali f'Barbados. It-temperatura għolja rekord ta' Bridgetown hija 33.1 °C (91.6 °F) f'Settembru 2005 u t-temperatura baxxa rekord hija 16.5 °C (61.7 °F) fit-2 ta' Jannar 1984. Bridgetown għandha staġuni distinti tax-xita u tan-nixfa, bi staġun tax-xita relattivament twil u bi staġun tan-nixfa iqsar. L-istaġun tax-xita tal-pajjiż huwa minn Ġunju sa Diċembru, filwaqt li l-istaġun tan-nixfa huwa fil-kumplament tax-xhur.

Data klimatika għal Bridgetown (l-Ajruport Internazzjonali ta' Grantley Adams) 1991-2020, temp. estremi 1944-preżent
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 32.0

(89.6)

31.2

(88.2)

31.9

(89.4)

32.6

(90.7)

33.1

(91.6)

32.7

(90.9)

32.4

(90.3)

35.0

(95.0)

33.3

(91.9)

33.3

(91.9)

33.3

(91.9)

31.3

(88.3)

35.0

(95.0)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 29.1

(84.4)

29.2

(84.6)

29.7

(85.5)

30.2

(86.4)

30.6

(87.1)

30.7

(87.3)

30.7

(87.3)

30.9

(87.6)

31.0

(87.8)

30.8

(87.4)

30.3

(86.5)

29.6

(85.3)

30.2

(86.4)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 26.0

(78.8)

25.9

(78.6)

26.3

(79.3)

27.0

(80.6)

27.7

(81.9)

27.8

(82.0)

27.8

(82.0)

27.9

(82.2)

27.9

(82.2)

27.7

(81.9)

27.2

(81.0)

26.6

(79.9)

27.2

(80.9)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 23.3

(73.9)

23.0

(73.4)

23.4

(74.1)

24.2

(75.6)

25.0

(77.0)

25.2

(77.4)

25.1

(77.2)

24.8

(76.6)

24.8

(76.6)

24.7

(76.5)

24.5

(76.1)

23.9

(75.0)

24.3

(75.8)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) 16.5

(61.7)

18.0

(64.4)

17.4

(63.3)

19.0

(66.2)

19.4

(66.9)

20.0

(68.0)

19.3

(66.7)

19.1

(66.4)

20.6

(69.1)

20.6

(69.1)

18.0

(64.4)

17.4

(63.3)

16.5

(61.7)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 68.1

(2.68)

41.7

(1.64)

38.9

(1.53)

58.1

(2.29)

74.1

(2.92)

101.2

(3.98)

121.5

(4.78)

150.6

(5.93)

162.6

(6.40)

179.6

(7.07)

172.6

(6.80)

91.0

(3.58)

1,260

(49.6)

Medja ta' jiem bix-xita 11 9 8 8 8 11 15 16 13 15 14 11 139
Umdità relattiva medja (%) 77 76 75 76 77 79 80 81 81 82 82 78 79
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 263.5 248.6 272.8 261.0 263.5 225.0 251.1 260.4 234.0 238.7 228.0 254.2 3,000.8
Medja ta' sigħat ta' xemx kuljum 8.5 8.8 8.8 8.7 8.5 7.5 8.1 8.4 7.8 7.7 7.6 8.2 8.2
Sors: Meteo Climat (record highs and lows)[12]

Il-belt immodifika

 
Veduta panoramika ta' Bridgetown.

Fiċ-ċentru tal-belt hemm it-triq prinċipali ta' Bridgetown li hija Broad Street (it-Triq il-Wiesgħa) li tgħaddi direttament tul nofs il-belt. Din it-triq tgħaddi qrib il-binjiet tal-Parlament u sservi bħala ċ-ċentru taż-żona tal-ħwienet tal-belt.

Arterja ewlenija oħra għat-traffiku lejn il-belt hija Bay Street, li tagħti għall-Awtostrada Nru 7 u twassal sal-Kosta tan-Nofsinhar ta' Barbados u sal-Parroċċa ta' Christ Church. Hemm ukoll toroq notevoli oħra fil-belt ta' Bridgetown, fosthom:

  • Swan Street – bi dritt Broad Street, lejn it-Tramuntana.
  • Roebuck Street – li twassal sal-Park tar-Reġina lejn it-Tramuntana, u l-Lvant ta' Swan Street.
  • Tudor Street – li tgħaddi mit-Tramuntana, taqsam minn Swan Street u tibqa' sejra b'mod perpendikolari ma' Broad Street.
  • L-Awtostrada tal-Ġnien tar-Rebbiegħa, li tinsab fil-Punent tal-belt, u tospita iktar minn 85,000 persuna, bejn udjenza u parteċipanti, fil-Parata Grandjuża tal-Karnival ta' Kadooment.
 
Il-Pont ta' Chamberlain tul Careenage, Bridgetown.

Kwartieri immodifika

  • Belleville
  • Cat's Castle
  • Cheapside
  • Fontabelle
  • Garden Land
  • New Orleans
  • Pinelands
  • Strathclyde
  • Weymouth
  • Whitepark
 
Iċ-ċentru ta' Bridgetown mill-ajru.
 
Veduta mill-Pjazza l-Eroj Nazzjonali.
 
Il-Binja tal-Parlament.

Attrazzjonijiet immodifika

  • Pjazza l-Eroj Nazzjonali (li qabel kienet Pjazza Trafalgar) u l-Ġnien tal-Funtana
  • Pjazza Indipendenza u l-Ħnejja tal-Indipendenza
  • Il-Funtana ta' Montefiore
  • Il-binjiet tal-Parlament ta' Barbados
  • Il-Knisja-Katidral ta' San Mikiel u tal-Anġli Kollha
  • Il-Knisja Anglikana ta' Santa Marija
  • Il-Katidral Kattoliku Ruman ta' San Patrizju
  • Is-Sinagoga ta' Nidhe Israel
  • Il-Villaġġ tal-Pelikani u ċ-Ċentru tal-Artiġjanat
  • Il-Park tar-Reġina
  • Il-Mużew ta' Barbados
  • Kensington Oval (il-post fejn saret il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Cricket fl-2007)
  • Il-Bajja bir-ramael ta' Carlisle
  • Is-suq ta' Cheapside
  • Il-Kumpless Finanzjarju ta' Tom Adams
  • Is-Sala tal-Arti tal-Ispettaklu ta' Frank Collymore
  • Il-Pjazza tal-Katidral
  • L-Istabbiliment Kummerċjali ta' Cave Shepherd (10, Broad Street)
  • Il-Mutual Building (in-naħa t'isfel ta' Broad Street)
  • Il-Ġonna ta' Cheapside
  • Pjazza Sagicor
  • Is-Savana u ż-Żona Storika Nazzjonali tal-Gwarniġjon
  • Il-Lukanda tal-Hilton
  • Il-Villa ta' Martineau
  • Il-Kumpless tal-Iżvilupp ta' Pierhead

Port immodifika

 
Il-marina.

Il-Port ta' Bridgetown (magħruf ukoll bħala "Deep Water Harbour") huwa l-port il-kbir tad-dħul għall-bastimenti tal-kruċieri u tal-merkanzija li jirmiġġaw f'Barbados. Il-port jinsab ftit 'il bogħod mill-Bajja ta' Carlisle Bay lejn il-Majjistral tal-Kanal ta' Careenage. Jinsab tul l-Awtostrada tal-Prinċipessa Alice u fil-Punent taċ-ċentru tal-belt fl-inħawi ta' Fontabelle.

Dan il-port huwa wieħed miċ-ċentri ewlenin tat-trasport marittimu u tat-trażbord minn portijiet internazzjonali għal-Lvant kollu tal-Karibew. Dan l-aħħar, sar proġett ta' tkarkir fil-Port ta' Bridgetown sabiex jiġi żgurat aċċess u rmiġġ sikur għall-bastimenti ġodda tas-superkruċieri. Dan il-proġett ta' tkarkir tlesta fl-2002 u l-belt issa tista' tospita bosta mill-ikbar bastimenti tal-kruċieri fid-dinja.

Mill-port ta' Bridgetown tgħaddi wkoll il-merkanzija għall-ħtiġijiet domestiċi tal-gżira. L-esportazzjoni prinċipali tal-gżira hija fil-biċċa l-kbira prodotti agrikoli li wkoll jużaw il-faċilitajiet tal-port.

Bridgetown għandha wkoll kanal iżgħar fiċ-ċentru tal-belt imsemmi Careenage, magħruf ukoll bħala x-xmara tal-Kostituzzjoni. Ma għandhiex issir konfużjoni bejn ix-xmara tal-Kostituzzjoni u l-Port ta' Barbados. Ix-xmara tal-Kostituzzjoni hija ferm iżgħar u tagħti għall-kosta tal-Punent madwar nofs kilometru fin-Nofsinhar tal-port il-kbir. Il-Kanal ta' Careenage jiflaħ jilqa' dgħajjes rikreattivi jew tas-sajd u għandu żewġ pontijiet prinċipali qrib iċ-ċentru tal-belt min-naħa għall-oħra tal-kanal.

Sit ta' Wirt Dinji immodifika

 
Binjiet ikkuluriti f'Bridgetown.

Bridgetown Storika u l-Gwarniġjon tagħha ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[6]

Soċjetà u kultura immodifika

 
Il-binja ikonika tal-Mutual Life Assurance Society ta' Barbados minn Broad Street.

Bridgetown isservi bħala ċentru prinċipali tal-attività kummerċjali ta' Barbados, kif ukoll bħala ċentru għas-sistema tat-trasport pubbliku tal-gżira. Ħafna mill-ministeri u mid-dipartimenti tal-gvern tal-gżira jinsabu fi ħdan iż-żona estiża ta' Bridgetown. Il-binjiet pubbliċi jew tal-Parlament, li jinsabu fil-qalba tal-belt fit-Tramuntana ta' Pjazza l-Eroj Nazzjonali, jospitaw it-tielet l-eqdem parlament kontinwu fil-Commonwealth Brittanika. Tabilħaqq, f'mument partikolari fl-istorja bikrija tal-belt, Bridgetown kienet l-iżjed belt importanti tat-territorji Brittaniċi kollha fid-Dinja l-Ġdida minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha fil-Lvant tal-Karibew.

Is-sede tas-Servizz tal-Librerija Nazzjonali ta' Barbados jinsab f'Bridgetown. Il-fergħa prinċipali tinsab f'Coleridge Street, f'binja tal-ġebel u tal-qroll, li nbniet bl-istil tar-Rinaxximent Ingliż.

 
Il-Katidral ta' San Mikiel.

Għal belt tad-daqs tagħha, iż-żona estiża ta' Bridgetown tospita diversi istituzzjonijiet edukattivi prestiġjużi. Il-belt isservi bħala s-sede ta' wieħed mit-tliet kampusijiet tal-Università tal-Indji tal-Punent fis-subborg tat-Tramuntana ta' Cave Hill. Il-kampus jinsab fuq għolja b'veduti panoramiċi ta' Bridgetown u tal-port tagħha. Il-Kulleġġ tal-Komunità ta' Barbados jinsab tliet mili (ħames kilometri) fil-Lvant tad-Distrett Ċentrali tan-Negozju f'subborg magħruf bħala "The Ivy" (litteralment "Il-Liedna"), filwaqt li l-kampus il-kbir tal-Istituzzjoni Politeknika ta' Samuel Jackman Prescod jinsab kemm kemm lil hinn mil-limiti tal-Lvant tal-belt f'subborg magħruf bħala "The Pine" (litteralment "L-Arżnu"). Barra minn hekk, il-belt tospita skejjel sekondarji distinti bħall-Kulleġġ ta' Harrison, Combermere u l-Iskola ta' San Mikiel. L-Iskola tal-Mediċina tal-Università Amerikana ta' Barbados, li tinsab fiż-żona ta' Wildey tal-Parroċċa ta' Saint Michael, tinsab bejn wieħed u ieħor erba' kilometri fil-Lvant ta' Bridgetown, fil-fruntiera mal-Parroċċa ta' Christ Church.

Il-belt ta' Bridgetown ospitat ukoll il-Konferenza Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Istati li huma wkoll Gżejjer Żgħar. Bridgetown għandha fergħat ta' wħud mill-ikbar banek fid-dinja u fil-Karibew fejn jiġi mitkellem l-Ingliż, u hija rikonoxxuta b'mod internazzjonali bħala domiċilju finanzjarju emerġenti. Il-belt sarilha żvilupp mill-ġdid konsiderevoli fit-tħejjija għall-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Cricket fl-2007 li saru fil-Kensington Oval storiku. L-istadjum ġie rinnovat għal faċilità mill-aqwa li takkomoda 30,000 spettatur. Ġie stmat li l-ispettaturi f'ħin reali għall-avveniment tal-2007 qabżu l-100 miljun persuna madwar id-dinja.[13]

Servizzi bażiċi u lokali immodifika

 
Il-Mużew u s-Soċjetà Storika ta' Barbados fil-ħabs militari tal-Gwarniġjon ta' Sant'Anna.

Attwalment, Bridgetown hija belt moderna u prosperuża, b'aċċess għal bosta servizzi moderni, inkluż provvista tal-ilma mill-katusi (li jingħad li tipprovdi fost l-iżjed ilma safi fid-dinja), elettriku, provvista tal-gass naturali, telekomunikazzjoni l-iktar avvanzata, servizzi bla fili, kafetteriji bis-servizzi tal-internet, u infrastruttura kumplessiva tajba. Il-belt hija moqdija wkoll minn faċilità impressjonanti għall-konferenzi magħrufa bħala ċ-Ċentru tal-Konferenzi ta' Sherbourne.

  • Elettriku – Barbados Light and Power Company Ltd. (BL&P)
  • Gass Naturali – Korporazzjoni Nazzjonali tal-Petroleum
  • Ilma – Awtorità tal-Ilma ta' Barbados (BWA)
  • Telekomunikazzjoni – Digicel, FLOW u WIISCOM
  • Televiżjoni – CBC TV 8, Multi-Choice TV (Barbados) u DirecTV
  • Radju – għadd ta' stazzjonijiet tar-radju f'Barbados
  • Mezzi tax-xandir ta' Barbados.

Ekonomija immodifika

Il-prodotti prinċipali tal-esportazzjoni ta' Barbados huma z-zokkor, ir-rum u l-melassi. Il-gżira hija involuta wkoll f'industriji oħra, fosthom it-turiżmu u s-settur offshore.

Borża immodifika

  • Il-Barbados Stock Exchange (BSE) hija l-Borża tal-belt ta' Bridgetown bit-titoli ta' kumpaniji ta' Barbados u tal-Karibew.

Negozju u affarijiet ġenerali immodifika

Negozju: il-banek ikunu miftuħin mit-08:00 sat-15:00 mit-Tnejn sal-Ħamis, u mit-08:00 sal-17:00 nhar ta' Ġimgħa.

Il-banek prinċipali huma:

  • Bank of Nova Scotia,
  • Republic Bank,
  • Canadian Imperial Bank of Commerce (CIBC) (see FirstCaribbean International Bank),
  • First Citizens, u
  • Royal Bank of Canada (RBC).

L-ATMs biex wieħed jiġbed u jiddepożita l-flus huma disponibbli.

Il-ħwienet jiftħu kif ġej:

  • mit-08:00 sas-18:00 matul il-ġimgħa u
  • mit-08:00 sa 12:00 nhar ta' Sibt.

Il-kards tal-pagamenti huma aċċettati f'bosta postijiet.

Elettriku: 115-il volt AC, 50 ċiklu. Il-biċċa l-kbira tal-lukandi għandhom 220 volt AC.

Telekomunikazzjoni: il-prefiss internazzjonali għal Barbados huwa +1246 segwit minn seba' numri. Fil-gżira wieħed għandu juża s-seba' numri biss mingħajr il-prefiss. Fil-gżira, biex wieħed iċempel numru tal-Istati Uniti jew tal-Kanada, għandu juża l-prefiss +1 (kodiċi taż-żona) u seba' numri oħra.

Numri ta' emerġenza: Pulizija: 211 (emerġenzi biss), Tifi tan-Nar: 311, Ambulanza: 511, Gwardja tal-Kosta u Forza tad-Difiża: +1.246.427.8819.

Trasport immodifika

Il-belt għandha aċċess għal titjiriet kuljum mill-ajruport tal-gżira, l-Ajruport Internazzjonali ta' Sir Grantley Adams (GAIA) li jinsab tul l-Awtostrada ABC/Nru 7 f'Seawell, Christ Church. Il-belt ta' Bridgetown u ta' New York fl-Istati Uniti kienu l-uniċi bliet fl-emisferu tal-Punent li kienu moqdija minn titjiriet skedati regolarment bil-Concorde mill-British Airways. Barra minn hekk, l-ajruport ta' Barbados intgħażel bħala wieħed mill-erba' siti globali għall-wiri ta' dan l-inġenju tal-ajru supersoniku li ma baqax jintuża iktar. L-ajruport jinsab fl-istadji finali ta' proġett ta' tkabbir, li se jinkludi wkoll il-kostruzzjoni ta' mużew tal-avjazzjoni li se jospita wieħed minn dawn l-inġenji tal-ajru.

Is-seba' awtostradi primarji ta' Barbados jibdew qrib il-belt ta' Bridgetown, fil-Parroċċa ta' Saint Michael. Kollha jinfirxu qishom imrewħa lejn it-Tramuntana, in-Nofsinhar u l-Lvant sa partijiet oħra tal-gżira. Is-sewqan isir fuq in-naħa tax-xellug tat-triq b'limitu tal-veloċità ta' 60 km/h (37 mph) fiż-żoni mibnija. Il-limitu tal-veloċità fl-Awtostrada ABC ġeneralment huwa 80 km/h (50 mph) għajr fiż-żoni mibnija. It-trasport fuq l-ilma huwa rregolat mill-Awtorità tal-Port ta' Barbados.

Karozzi tal-linja pubbliċi immodifika

Il-karozzi tal-linja pubbliċi li jmorru fit-Tramuntana lejn destinazzjoni bħal Holetown u Speightstown, u lejn xi lokalitajiet f'Saint Michael inkluż il-kampus ta' Cave Hill tal-Università tal-Indji tal-Punent, jitilqu mill-Venda tal-Karozzi tal-Linja tal-Prinċipessa Alice li tinsab fil-Punent taċ-ċentru tal-belt. Il-karozzi tal-linja li jmorru fil-Lvant u fin-Nofsinhar jitilqu mill-Venda tal-Karozzi tal-Linja ta' Fairchild Street, li tinsab fil-Lvant taċ-ċentru tal-belt, ħdejn l-Isptar tar-Reġina Eliżabetta.

Taksis tar-rotta immodifika

It-taksis tar-rotta huma vannijiet żgħar b'sjieda privata li joperaw bħala taksis minn post għall-ieħor jew għal jum sħiħ mit-turisti.

Ġemellaġġ immodifika

Bridgetown hija ġemellata ma':

  • Bridgetown, Nova Scotia, il-Kanada (mid-9 ta' Lulju 2004);
  • Wilmington, North Carolina, l-Istati Uniti (mit-28 ta' Ġunju 2004).[14]
 
Il-bandiera tradizzjonali ta' Stede Bonnet.

Nies notevoli immodifika

  • Jofra Archer, plejer tal-cricket;
  • Stede Bonnet, pirata, xi kultant imsejjaħ "Il-Pirata Ġentlom";
  • Richard Clement Moody, il-fundatur ta' British Columbia;
  • Gilbert Elliott (1870–mhux magħruf), plejer tal-cricket;
  • Anthony Forde, plejer tad-darts;
  • Grandmaster Flash, rapper;
  • Orlando Greene, atleta tal-ġiri Olimpiku;[15]
  • Dawn-Marie Layne, plejer tal-cricket;
  • Zane Maloney, sewwieq tal-karozzi tat-tlielaq u ċampjin Brittaniku tal-F4 fl-2019;
  • Malcolm Marshall, plejer tal-cricket;
  • Jackie Opel, akkreditat bħala ħallieq tal-ġeneru mużikali sperimentali sinkopali msejjaħ Spouge.
  • Rihanna, kantanta/kantawtriċi;
  • Kyffin Simpson, sewwieq tal-karozzi tat-tlielaq u ċampjin tal-Formula Reġjonali tal-Amerki fl-2021;
  • Sir Garfield Sobers, plejer tal-cricket;
  • Sir Clyde Walcott, plejer tal-cricket;
  • Sir Everton Weekes, plejer tal-cricket;
  • Sir Frank Worrell, plejer tal-cricket;
  • Dame Sandra Mason, l-ewwel President ta' Barbados.

Referenzi immodifika

  1. ^ "Trinicenter.com - Dr. Kwame Nantambu - W.I. Federation: Failure From the Start". www.trinicenter.com. Miġbur 2023-02-14.
  2. ^ Kasperson, Roger E.; Minghi, Julian V. (2011). "Decision Making". The Structure of Political Geography. New Brunswick, NJ: Transaction Publishers. pp. 350–365. ISBN 978-1-4128-1854-4.
  3. ^ Lewis, Gordon K. (2004). The Growth of the Modern West Indies. pp. 350–365. ISBN 976-637-171-7.
  4. ^ "The Barbados Advocate - Barbados makes the list!". web.archive.org. 2012-03-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-26. Miġbur 2023-02-14.
  5. ^ "Caribbean Broadcasting Corporation – The most credible news source in Barbados" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-14.
  6. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Bridgetown and its Garrison". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-14.
  7. ^ "The Barbados Advocate - Guard our heritage". web.archive.org. 2012-03-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-26. Miġbur 2023-02-14.
  8. ^ Alleyne, Warren (1978). "I "The Beginning"". Historic Bridgetown. The Barbados National Trust. pp. 7, 8.
  9. ^ "Page 2631 | Issue 20146, 30 September 1842 | London Gazette | The Gazette". www.thegazette.co.uk. Miġbur 2023-02-14.
  10. ^ Alleyne, Warren (1978). Historic Bridgetown. Barbados: The Barbados National Trust.
  11. ^ "Consultation". web.archive.org. 2018-02-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-02-18. Miġbur 2023-02-14.
  12. ^ "Barbados Weather and Climate". barbados.org. Miġbur 2023-02-14.
  13. ^ "ICC Cricket World Cup draws record viewership". web.archive.org. 2011-08-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-08-28. Miġbur 2023-02-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Sister Cities". www.scawilmington.org. Miġbur 2023-02-14.
  15. ^ Fox, Scarlett. "Newsome Coach Orlando Greene: From Caribbean To Olympian". flrunners.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-14.