Arkitettura f'Malta
L-arkitettura Maltija għandha l-oriġini tagħha fil-preistorja, u wħud mill-eqdem strutturi indipendenti fid-Dinja – serje ta' tempji megalitiċi – jistgħu jinstabu fuq Malta. Il-gżejjer ġew ikkolonizzati mill-Feniċjans u aktar tard mir-Rumani, li stabbilixxew il-bliet ta' Melite u Gaulos. Għalkemm dawn kienu insedjamenti sostanzjali u huma magħrufa li kellhom bosta tempji, knejjes u palazzi, ftit fdalijiet baqgħu ħajjin minbarra xi frammenti arkitettoniċi.
Medjevali
immodifikaL-epoka medjevali hija dik l-epoka li fiha Malta għaddiet minn storja mqallba, u għal ħafna żmien kienet il-ġugarell ta’ bosta ħakkiema barranin: l-Għarab, in-Normanni, l-Anġuvini u l-Aragoniżi. L-Għarab damu ħafna hawn Malta iżda minkejja l-preżenza b’saħħitha tal-kultura Musulmana, tajjeb ngħidu li f’Malta u Għawdex ma nsibu l-ebda xhieda ta’ bini ta’ żmien l-Għarab bħal Moskej. Għalkemm ma fadal l-ebda bini tal-perjodu Għarbi, wieħed għadu jista’ jara xi fdalijiet ta’ influwenza arkittetonika Għarbija f’xi bini Medjevali fl-Imdina u anke f’xi ftit irħula Maltin. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi s-siqifah, li kien bħal pajġġ mgħotti b’arkata pjuttost ippuntata. Nsibu wkoll il-miglis, li hija kamra bi stil orjentali fejn kienu jintlaqgħu in-nies, id-dukkien (bankijiet tal-ġebel) u fl-aħħarnett il-muxrabija, li kienet kaxxa tal-ġebel jew tal-injam fil-faċċata ta’ xi dar biex is-sid ikun jista’ jittawwal għal barra mingħajr ma jkun qiegħed jidher. Bosta rħula Maltin, kif juri l-prefiss Ħal bħal f’Ħal Kirkop, probbabilment żviluppaw fil-perjodu Għarbi.
Rinaxximentali
immodifikaIr-Rinaxximent ġie wara l-epoka Medjevali, fil-ħmistax u fis-sittax -il seklu. Ir-rinaxximent ma affettwax ħafna lil Malta fl-arkittetura iżda xorta nsibu dan l-element fil-bieb tal-Berġa ta’ Kastilja, l-Forti Sant’Anġlu u fl-istatwa tal-Magħmudija ta’ Kristu li tinsab fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann, flimkien ma' bini ieħor sekondarju.
Barokk
immodifikaIl-Barokk jintrabat ħafna mal-perjodu li fih Malta kienet taħt il-Kavallieri. Dan huwa stil li jenfasizza l-pompożità u l-grandjożità fl-arti u fl-arkitettura. Huwa ż-żmien ta’ Carapecchia, Michelangelo Merisi de Caravaggio, Mattia Preti u ħafna artisti famużi oħrajn. Il-faċċati tal-bini Barokk huma normalment imżejna b’ħafna motivi skulturali f’diversi partijiet tagħhom. Dan ġab miegħu ukoll il-chiaroscuro, teknika li permezz tagħha l-artist joħloq kuntrast bejn id-dawl u d-dlam fil-kompożizzjoni tiegħu. Il-kon-katidral, minkejja l-faċċata ta’ stil Mannerista, huwa l-aqwa eżempju tal-Barokk f’Malta. Dan jikkonsisti f’ħafna affreski, figuri allegoriċi ta’ nies fl-Ordni kif ukoll mawsolea ċelebri.
Neo-Klassiku u Neo-Gotiku
immodifikaFis-seklu dsatax l-Ewropa ġiet influwenzata minn xejriet ġodda ta’ arti. Il-Barokk ġie fi tmiemu għal kollox, u l-arti ġiet imnebbħa minn movimenti ġodda ta’ espressjoni. Iktar milli l-pompożità, beda l-enfasi fuq in-nostalġiku u r-romantiċiżmu. Dawn ix- xejriet ġejjin mill-istil Klassiku ntużat fil-Greċja u dak Gotiku rispettivament. Meta Malta u Għawdex saru kolonja Ingliża daħlu dawn iż-żewġ stili ukoll, u mit-tieni nofs tas-seklu dsatax nibdew naraw bini Neo-Klassiku/Neo-Gotiku bħall-Knisja tal-Mosta, il-monument ta’ Sir Alexander Ball, il-Katidral Protestant ta’ San Pawl u wkoll it-Teatru Rjal (li twaqqa’ fil-gwerra) li kien jinstab fid-daħla tal-Belt. In-Neo Klassiku ftit li xejn intuża fi knejjes minħabba li kien assoċjat mal-paganiżmu. In-Neo Gotiku kien ta’ bixra aktar Kristjana, u filfatt nsibu bosta knejjes bħal tal-Karmelitani fil-Balluta, u l-kappella u d-daħla taċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata mibnija b’dan l-istil.
Modern
immodifikaMis-seklu għoxrin 'il quddiem l-arkittetti Maltin bdew jesperimentaw. Nibdew insibu elementi Neo-Romaneski bħall-Knisja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, u element Sikulo-Normann fil-Knisja tal-Ktajjen f’Birżebbuġa. L-arkittettura kontemporanja hija iktar u iktar moderna. Insibu stili konvenzjonali f’ħafna djar u appartamenti, li iktar milli jsebbħu arkitettonikament qegħdin biex jaqdu l-bżonnijiet tal-bniedem. Fl-aħħarnett insibu bini ieħor iktar arkittettoniku bħall-Knisja tal- Karmnu fil-Fgura u ta’ Buġibba. Arkitett modern Malti huwa Richard England[1].