Anthony Mamo
Sir Anthony Mamo, OBE, QC, (Birkirkara, 9 Jannar 1909 – Mosta, 1 Mejju 2008) kien l-ewwel President tar-Repubblika ta' Malta mill-1974 sal-1976.
Anthony Mamo | |||||
---|---|---|---|---|---|
13 Diċembru 1974 - 27 Diċembru 1976 - Anton Buttigieg →
22 Ġunju 1971 - 13 Diċembru 1974 ← Maurice Henry Dorman | |||||
Ħajja | |||||
Twelid | Birkirkara, 9 Jannar 1909 | ||||
Nazzjonalità |
Kolonja ta' Malta Stat ta' Malta Malta | ||||
Mewt | Mosta, 1 Mejju 2008 | ||||
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata | ||||
Familja | |||||
Ulied |
uri
| ||||
Edukazzjoni | |||||
Alma mater | Università ta' Malta | ||||
Lingwi |
Ingliż Malti | ||||
Okkupazzjoni | |||||
Okkupazzjoni |
imħallef avukat politiku | ||||
Premjijiet |
Tfulija
immodifikaAnthony Mamo twieled Birkirkara fid-9 ta’ Jannar, 1909. Fi kliem ibnu John, Anthony jew Ninu Mamo "twieled fqir. Kienu ħafna aħwa u t-tfulija tagħhom kienu jgħixuha fil-faqar. Kien imur skola Birkirkara u anke ġieli f’Ħ’Attard. Kien jirrakkontali li fi tfulitu kienet problema biex ikollhom finanzi biżżejjed biex jixtru sandli jew qorq. Biex jibża għall-qorq li kellu, tant li fit-triq li tagħti lejn l-iskola li fiha ma kienx ikun hemm nies, kien jimxi ħafi. Meta jasal fil-parti ċentrali, kien jilbsu. Missieru u ommu mhux biss kellhom familja kbira, imma d-dħul tagħhom kien ristrett għax huma kull ma kellhom kien ħanut li jbiegħu l-ħaxix. Missieri kienu ukoll jgħin f’dan ix-xogħol, li l-moħħ wara x-xogħol ta’ dan il-ħanut kienet l-omm.”
“Mindu kien żgħir kien jiġi dejjem minn ta’ quddiem fl-eżamijiet. Kien jiġi l-ewwel u l-oħrajn warajh. Mill-edukazzjoni tal-bidu kien kompla jistudja s-seminarju. Darba biss ma ġiex l-ewwel. Dan kien meta mietet ommu. Lil ommu kien iħobbha ħafna u l-mewt tagħha affettwatu. Fl-iskola kien jitqabbad biex jagħmel il-prietki tal-Milied u aktar tard anke għamel diskorsi waqt xi okkażjonijiet. Kien jinqala’ biex jitkellem u meta kien is-seminarju kien hemm min kien jgħid li għad isir Isqof.”
Ħa l-edukazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof u wara fl-Università Irjali ta’ Malta meta fl-1931 iggradwa bil-Baċellerat fl-Arti u tliet snin wara ggradwa bħala avukat. Huwa sar l-Avukat Ġenerali tal-Kuruna fl-1955 u sentejn wara nħatar Prim Imħallef u President tal-Qorti tal-Appell. Huwa rċieva l-OBE fl-1957 u ngħata t-titlu ta’ Sir mir-Reġina Eliżabetta II fl-1959. Fis-snin sittin, Sir Anthony inħatar bħala Aġent Gvernatur ta’ Malta mir-Reġina Eliżabetta II u fl-1971 wara li tela' fil-gvern il-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff inħatar l-ewwel Gvernatur Ġenerali Malti u dam jokkupa din il-kariga sal-1974. Sir Anthony ħadem mill-qrib ma’ erba’ Prim Ministri differenti, Pawlu Boffa, Nerik Mizzi, Ġorġ Borg Olivier u Dom Mintoff.
L-ewwel President ta' Malta
immodifikaNhar it-13 ta' Diċembru 1974 inħatar bħala l-Ewwel President ta’ Malta Repubblika u serva f’din il-kariga ftit aktar minn sentejn, sas-26 ta’ Diċembru, 1976. Dakinhar Mamo għamel dan id-diskors:
“ Ħbieb, Quddiem din il-merħba ġeneruża li biha għoġobkom tilqgħuni l-lejla, ma nafx kif nibda nroddilkom il-ħajr li jixirqilkom. Li ngħidilkom grazzi, grazzi mill-fond ta’ qalbi, hi ċertament ħaġa flokha u mistennija. Iżda dana waħdu ma huwa bl-ebda mod biżżejjed. Hemm mod wieħed u wieħed biss kif jiena nista’ nurikhom l-għożża tiegħi u b’xi mod inpattilkom għat-tjubija ta’ qalbkom. U dan il-mod hu billi nwiegħdkom li da parti tiegħi nagħmel dak kollu li nista’ biex inkun tassew mistħoqq it-turija ta’ rispett u tal-fiduċja tagħkom.
Tliet snin u nofs ilu meta jiena kont dhert quddiem il-poplu bħala l-ewwel Gvernatur-Ġenerali Malti, maħtur mill-istess Gvern, jien kont tlabtkom l-appoġġ u l-għajnuna tagħkom għall-qadi xieraq tad-dmirijiet tiegħi f’dik il-kariga. U intom dawn tajtuhomli. Dak kien kapitolu tal-ktieb tal-ġrajjiet ta’ Malta li issa ngħalaq u llum qed nibdew kapitolu ġdid ieħor u jiena qed nerġa’ nidher quddiemkom permezz tagħkom, quddiem il-poplu kollu, f’kariga ġdida bħala l-Ewwel President tar-Repubblika Maltija u mill-ġdid nitlobkom l-appoġġ u għajnuna tagħkom.
Din il-kariga ġdida ġiet mogħtija lili mill-Parlament tagħna, jiġifieri minn dawk li l-poplu tal-Gżejjer tagħna bil-vot ħieles tiegħu għażel bħala rappreżentanti politiċi tiegħu. Jien ma nistax għalhekk ma nfissirx l-ewwelnett lill-Gvern, imbagħad lill-membri l-oħrajn li laqgħu l-proposta tiegħu l-apprezzament umli tiegħi għall-unur kbir li għamluli u għall-fiduċja li wrew fija. Lilhom ukoll nixtieq inwiegħed illi nagħmel dak kollu li nista’ u li jiddependi minni biex inwettaq bl-aħjar mod possibbli s-servizz pubbliku li huma fdawli.
Aħna lkoll li qegħdin ngħixu f’din is-siegħa solenni, aħna xhieda ta’ ġrajja importanti fl-evoluzzjoni Kostituzzjonali tagħna li żgur titniżżel u tibqa’ mfakkra fl-istorja ta’ ġensna. Meta għada pitgħada din l-istorja tinkiteb, jien żgur li fir-rakkont tagħha tingħata importanza speċjali għall-fatt kif il-Parlament Malti, ispirat mill-Gvern, irnexxielu bid-dehen, bis-sabar u bi spirtu ta’ koperazzjoni u kompromess, jasal fi ftehim kważi unanimu u b’hekk iwarrab darba għal dejjem kwistjonijiet li qabel kienu jifirduna. Dan għandu jkun ta’ sodisfazzjon għalina u ta’ awgurju tajjeb għal li ġej.
“Filwaqt li, kif ta’ sikwit sfortunatament naqraw jew nisimgħu fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni, f’pajjiżi oħrajn tibdil Kostituzzjonali ta’ spiss jagħti lok għal rewwixti, ġlied u ħafna drabi anke tixrid ta’ demm, hu ta’ min jifrħ illi f’pajjiżna dan it-tibdil importanti sar fil-paċi, fl-ordni u fil-kwiet, u bi spirtu ta’ koperazzjoni reċiproka kif titlob id-demokrazija. Mill-banda l-oħra din l-imġieba tal-Parlament għandha tkun ta’ lezzjoni għalina lkoll peress li tgħallimna illi fi kwestjonijiet nazzjonali għandna naħdmu lkoll għalenija bi spirtu ta’ tolleranza u b’rispett lejn xulxin f’koperazzjoni mal-Gvern, biex negħlbu d-diffikultajiet u l-problemi li niltaqgħu magħhom. Kulħadd, kulħadd għandu l-parti tiegħu x’jagħmel – hu x’inhu x-xogħol li jaqdi fis-soċjetà.
“Minn dan ix-xogħol, magħmul u moqdi tajjeb minn kulħadd, jiddependi l-ġid tal-pajjiż. Jiena għadni kemm ħlift li nqiegħed lili nnifsi għas-servizz tagħkom u tal-poplu kollu bħala Kap ta’ l-Istat u bħala Rappreżentant ta’ l-għaqda u ta’ l-unità nazzjonali. Intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandkom taħilfu u twegħdu fis-skiet ta’ qalbkom li taqdu l-parti tagħkom bil-għaqal, bl-onestà, mhux bl-egoiżmu jew bi spirtu sezzjonali, iżda fl-interess ta’ għajrkom u tal-pajjiż li għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Fl-aħħarnett, għan-nom tal-Prim Ministru, għandi l-pjaċir inħabbar illi l-Gvern iddeċieda, biex ifakkar din l-okkażjoni importanti, li jagħti lill-ħabsin amnestija ta’ sitt xhur. Soċjetà kompassjonevoli u li taf tagħder ma tinsiex fis-sigħat ta’ ferħ lanqas lil dawk li żbaljaw. ”
Fl-1993, Sir Anthony ngħata l-unur ta’ Sieħeb il-Ġieħ, l-ogħla Unur fl-Ordni ta’ Ġieħ ir-Repubblika.
Ħajja personali
immodifikaMamo kien iżżewweġ mil Margaret Agius fil-15 ta’ Awwissu 1939 (mietet fil-25 ta' Ġunju 2002) u kellhom tifel, John, u żewġt ibniet, Josephine u Monica.
Kien iħobb ħafna l-festa ta' Santa Liena ta' Birkirkara b’mod partikolari it-tranżlazzjoni ta’ lejlet il-festa. Fi kliem ibnu, "Il-festa ta’ Santa Liena konna ngawduha flimkien. Konna ilna snin kbar nagħmlu hekk. Ġieli kont barra minn Malta, f’pajjiżi 'l bogħod bħall-Korea u kelli niġi għax tkun waslet il-festa ta’ Santa Liena. Ma kienx jitlifha u kien jgħidli ‘ġimgħa oħra l-festa’. Kien iħobb ħafna l-funzjonijiet tal-knisja b’mod partikolari l-mużika li tindaqq. Kien ipoġġi man-nies fil-ġenb tal-Bażilika u jsegwi minn hemm. L-aħħar li morna, allavolja saħħtu ta’ età kbira, ried li jqum u jpoġġi bilqiegħda kif jagħmlu l-bqija tan-nies. Dak inhar tal-festa, konna mmorru għall-purċissjoni filgħodu u hemmhekk konna niltaqgħu ma’ ħafna ħbieb antiki tiegħu.”
Funeral Statali
immodifikaSa ma miet Mamo kien l-ixjeħ eks-kap ta' Stat fid-dinja kollha. Kellu 99 sena.
Il-funeral statali ta’ Sir Anthony Mamo sar nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Mejju 2008, l-għada ta' mewtu. Il-kadavru ta’ Mamo kien espost għall-pubbliku fil-bitħa tal-Palazz il-Belt għal xi ħin. Wara, it-tebut imgeżwer fil-bandiera Maltija, tqiegħed fuq kanun tal-Forzi Armati u nġarr fost atmosfera solenni lejn il-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann fejn saret il-quddiesa. Preżenti kien hemm l-ogħla dinjitarji tal-pajjiż, politiċi, membri tal-ġudikatura, avukati u nies komuni li tawh l-aħħar tislima. Mons. Arċisqof Pawl Cremona fl-omelija tal-quddiesa qal li “nirringrazzjaw lil Alla għad-doni kollha li ta lil Sir Anthony Mamo u li hu użahom b’ħafna modi differenti għall-ġid tas-soċjetà tagħna f’Malta. Nirringrazzjaw ukoll lill-Mulej, għad-doni li hu ta lil Sir Anthony Mamo, li permezz tagħhom rabba familja skond is-sejħa tiegħu fiż-żwieġ... F’dawn il-ġranet smajna, ġustament, dwar dik li kienet il-ħajja pubblika ta’ Sir Anthony Mamo. Fakkarna f’kemm ġid pubbliku u soċjali hu ta lis-soċjetà Maltija. Imma jiena naħseb li ma kienx jiddispjaċih żgur, jekk aħna li qegħdin hawnhekk għal din il-quddiesa nħallu din il-mewt tiegħu tgħinna wkoll biex nagħmlu riflessjoni Nisranija dwar dan il-mument... Nistħajlu, kieku kien hawn, ma tantx iltqajt miegħu jien, imma mort narah fl-aħħar xhur, min jaf kemm kien ikun ferħan jekk ikun jaf li anke l-mewt tiegħu swiet biex dik li hija r-realtà Nisranija tidħol aktar f’qalbna, dik li kienet tant f’qalbu.”
Skont il-ġurnal L-Orizzont, "il-Perit Dom Mintoff, li miegħu ħadem mill-qrib Sir Anthony Mamo, mar jagħti l-aħħar tislima lil dan il-ġentlom u l-bniedem li dejjem ġab l-ewwel l-interess nazzjonali. Il-Perit Mintoff, għamel xi ħin jitkellem mal-familjari tiegħu. Ma naqasx li hu jirrakkontalhom xi episodji tal-ħidma tagħhom għall-ġid tal-pajjiż. Fost dawn kien hemm kif Sir Anthony kien iħobb jagħmel l-affarijiet b’mod pulit u Mintoff bi stil differenti. Fil-laqgħa ta’ madwar nofs siegħa issemiet ukoll iż-żjara li l-Perit Mintoff kien għamel lil Sir Anthony Mamo meta kien rikoverat fl-isptar. Fi kliem Dr John Mamo stess, il-familja apprezzat ħafna iż-żjara tal-Perit Mintoff."
Ħoloq esterni
immodifika- Intervista mal-avukat John Mamo, iben Anthony Mamo
- L-Aħbar ta' mewtu rappurtata fil-Guardian
- L-Aħbar ta' mewtu rappurtata f'The Telegraph
Predeċessur Sir Maurice Dorman < |
Gvernatur Ġenerali ta' Malta 1971–1974 |
Suċċessur |
Predeċessur Eliżabetta II (bħala Reġina ta' Malta) |
President ta' Malta 1974–1976 |
Suċċessur |