Abbazija ta’ Vézelay

abbazija Benedettina f’Vézelay iddedikata li Santa Marija Maddalena

L-Abbazija ta’ Vézelay (bil-Franċiż: Abbaye Sainte-Marie-Madeleine de Vézelay) hija monasteru Benedettin kif ukoll tal-Ordni Benedettina ta’ Cluny f’Vézelay fid-dipartiment Franċiż ċentrali tal-Lvant ta’ Yonne. Inbniet bejn l-1120 u l-1150. L-abbazija Benedettina, issa l-Bażilika ta’ Santa Marija Maddalena, bil-programm kumpless ta’ immaġnijiet fil-kapitelli u fil-portali mnaqqxin, hija waħda mal-kapulavuri straordinarji tal-arti u tal-arkitettura Rumaneska ta’ Bourgogne. Wara li r-rikkezzi tagħha nsterqu mill-Ugonotti (Protestanti Franċiżi tas-seklu 16) fl-1569, il-binja ġiet ittraskurata fis-sekli 17 u 18, u ġarrbet ħsara ulterjuri waqt il-perjodu tar-Rivoluzzjoni Franċiża.[1]

Il-faċċata tal-abbazija

Il-knisja u l-għolja ta’ Vézelay ġew iddeżinjati Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.

L-allegati relikwi ta’ Santa Marija Maddalena huma esposti fil-Bażilika.

 
Ir-relikwi ta’ Santa Marija Maddalena

L-abbazija Benedettina ta’ Vézelay ġiet stabbilita, bħalma kien jiġri għal ħafna abbaziji, fuq l-art tal-villa Rumana antika ta’ Vercellus (minn fejn oriġina wkoll isem il-belt ta’ Vézelay). Il-villa kienet għaddiet f’idejn il-Karolinġi u ngħatat lill-Konti Girart ta’ Roussillon. Ir-rikkezzi taż-żewġ kunventi li stabbilixxa ġew misruqa mill-Għarab fis-seklu 8, u kunvent fil-quċċata ta’ għolja ngħata n-nar min-Normanni. Fis-seklu 9, l-abbazija ġiet stabbilita mill-ġdid taħt il-gwifa ta’ Badilo, li sar affiljat tal-Ordni Benedettina riformata ta’ Cluny. Vézelay saret popolari wkoll għaliex kienet parti mill-erba’ rotot ta' Santiago de Compostela fi Franza għall-pellegrini li riedu jagħmlu l-pellegrinaġġ lejn Santiago de Compostela fil-Galizja, fil-Majjistral ta’ Spanja.

Għall-ħabta tas-sena 1050, il-patrijiet ta’ Vézelay bdew isostnu li kellhom ir-relikwi ta’ Santa Marija Maddalena, li ngħatawlhom mill-Art Imqaddsa mill-qaddis fundatur tagħhom Badilo fis-seklu 9, jew mibgħuta Vézelay f’ismu.[2] Ftit iktar ’il quddiem, patri ta’ Vézelay iddikjara li kien individwa l-kripta ta’ San Massiminu fi Provenza, imħaffra u mnaqqxa f’sarkofagu vojt, rappreżentazzjoni tal-Unzjoni fil-Betanija, meta Marija tal-Betanija mesħet wiċċ Ġesù. Fil-Medju Evu, Marija tal-Betanija ġiet meqjusa li kienet Marija Maddalena. Il-patrijiet ta’ Vézelay ħabbru li l-kripta kienet il-qabar ta’ Marija Maddalena, u r-relikwi tagħha ngħataw lill-abbazija tagħhom minn hemm. Xi priġunieri meħlusa mbagħad ġabu l-ktajjen tagħhom magħhom fl-abbazija bħala oġġetti votivi, u s-Superjur Geoffroy li kien għadu kemm ġie elett fl-1037 ordna biex il-ktajjen tal-ħadid jiddewbu u jinħadmu mill-ġdid bħal diviżorju tal-ferrobattut mad-dawra tal-artal tal-Maddalena. Il-kostruzzjoni ta’ wieħed mill-ifjen eżempji ta’ arkitettura Rumaneska kienet possibbli bis-saħħa tal-pellegrini li żaru dawn ir-relikwi u l-eżempji tanġibbli li juru l-effikaċja tat-talb. Marija Maddalena hija l-prototip ta’ dawk li jindmu, u Vézelay baqgħet post importanti ta’ pellegrinaġġ għall-pellegrini tal-fidi Kattolika Rumana, għalkemm fil-fatt ir-relikwi kienu ngħataw in-nar mill-Ugonotti fis-seklu 16.

Sabiex ilaħħqu mal-influss ta’ pellegrini, bdiet tinbena abbazija ġdida ddedikata fil-21 ta’ April 1104, iżda l-ispiża tal-kostruzzjoni tant żiedet il-piż tat-taxxa fuq l-artijiet tal-abbazija li r-raħħala rvellaw u qatlu lis-Superjur tal-patrijiet. Ir-rassa tal-pellegrini tant kienet kbira li kellha tinbena narthex (portiku intern) estiża, li ġiet inawgurata mill-Papa Innoċenzu II fl-1132, biex tkun tista’ tilqa’ l-folla ta’ pellegrini.

 
In-navata ewlenija

San Bernardu ta’ Clairvaux ipprietka f’Vézelay favur it-tieni kruċjata fl-Għid tal-1146, quddiem ir-Re Luiġi VII. Rikkardu I tal-Ingilterra u Filippu II ta’ Franza ltaqgħu hemmhekk u qattgħu tliet xhur fl-abbazija fl-1190 qabel ma telqu għat-tieliet kruċjata. Thomas Becket, fl-eżilju, għażel lil Vézelay għall-prietka tiegħu ta’ nhar l-Għid il-Ħamsin jew il-Pentekoste fl-1166, fejn ħabbar l-iskomunika ta’ dawk li kienu jappoġġaw b’mod ewlieni lir-Re tal-Ingilterra Enriku II, u hedded lir-re nnifsu bl-iskomunika. In-navata, li darba kienet ingħatat in-nar u fejn kienu tilfu ħajjithom ħafna nies, reġgħet ħadet in-nar fl-1165, u reġgħet inbniet mill-ġdid kif nafuha llum.

Il-komunità monastika ta’ Vézelay xirfet snienha u kienet lesta biex tiddefendi d-drittijiet u l-privileġġi tagħha kontra kulħadd: l-isqfijiet ta’ Autun, li sfidaw it-talbiet tagħha għal eżenzjoni; il-kontijiet ta’ Nevers, li sostnew li kellhom ġurisdizzjoni fil-korti tagħhom u drittijiet ta’ ospitalità f’Vézelay; l-abbazija ta’ Cluny, li kienet irriformat l-Ordni tagħha u ppruvat iżżomm il-kontroll tas-Superjur tal-patrijiet fil-ġerarkija tagħha; u ċ-ċittadini ta’ Vézelay, li talbu ammont żgħir ta’ awtogovernanza komunali.

Iż-żmien meta Vézelay kienet qabdet it-triq tan-niżla ħabat mal-iskoperta ppubliċizzata ferm fl-1279 tal-ġisem ta’ Marija Maddalena f’Saint-Maximin-la-Sainte-Baume fi Provenza, li ngħatat patroċinju rjali minn Karlu II, ir-re Anġojin ta’ Sqallija. Meta Karlu bena kunvent Dumnikan f’La Sainte-Baume, is-santwarju nstab qawwi u sħiħ, b’iskrizzjoni li tispjega għalfejn ir-relikwi kienu ġew moħbija. Il-patrijiet Dumnikani lokali kkompilaw rendikont tal-mirakli li kienu seħħew permezz tar-relikwi. Din l-iskoperta xekklet il-pożizzjoni ta’ Vézelay bħala s-santwarju ta’ Marija Maddalena fl-Ewropa.

Wara r-Rivoluzzjoni, l-Abbazija ta’ Vézelay issograt li ċċedi għalkollox. Fl-1834, l-ispettur Franċiż tal-monumenti storiċi li kien għadu kemm inħatar, Prosper Mérimée (magħruf iktar bħala l-awtur tal-Carmen), wissa li l-abbazija kien waslet biex taqa’ biċċiet, u fuq ir-rakkomandazzjoni tiegħu l-arkitett żagħżugħ Eugène Viollet-le-Duc inħatar biex jissorvelja restawr minn fuq s’isfel li kien suċċess. Ir-restawr twettaq f’diversi stadji bejn l-1840 u l-1861, u matul dan iż-żmien it-tim tiegħu sostitwew ħafna mill-iskulturi li ttieklu bl-elementi jew li ġew vandalizzati. Ir-riffieda f’għamla ta’ ħnejjiet li jirfdu n-navata huma xogħlu.[3]

Interpretazzjoni tat-tympanum

immodifika
 
It-tympanum

It-tympanum jew il-parti semiċirkolari ta’ fuq il-portal ċentrali tal-Abbazija ta’ Vézelay huwa differenti mill-kontropartijiet tiegħu madwar l-Ewropa. Mill-bidu nett, kien ġie ddisinjat speċifikament bil-funzjoni ta’ difiża spiritwali tal-kruċjati u biex bħala allegorija għall-missjoni ta’ dawk li ħadu sehem fil-kruċjati. Meta mqabbla ma’ knejjes kontemporanji bħal dawk ta’ St. Lazare d'Autun u ta’ St. Pierre de Moissac, joħroġ ċar li l-Abbazija ta’ Vézelay hija tassew unika.

L-istoriku tal-arti George Zarnecki kiteb, “Għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-iskultura Rumaneska tqanqal immaġnijiet ta’ portal kbir tal-knisja, dominat b’tympanum imnaqqax b’xi xbieha apokalittika, is-soltu l-Aħħar Ġudizzju”.[4] Dan huwa minnu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iżda Vézelay hija eċċezzjoni. F’artiklu tal-1944, Adolf Katzenellenbogen interpreta li t-tympanum ta’ Vézelay kien qed jirreferi għall-ewwel kruċjata u kien qed ifakkar il-missjoni ta” Pentekoste tal-Appostli.[5]

Tletin sena qabel ma tnaqqax it-tympanum ta’ Vézelay, il-Papa Urban II ippjana li jħabbar sejħa għal kruċjata fl-abbazija. Fl-1095, Urban biddel il-pjanijiet tiegħu u pprietka favur l-ewwel kruċjata fil-Kunsill ta’ Clermont, iżda Vézelay baqgħet ċentrali fl-istorja tal-kruċjati. It-tympanum tlesta fl-1130. Ħmistax-il sena wara, Bernardu ta’ Clairvaux għażel lil Vézelay bħala l-post minn fejn sejjaħ għat-tieni kruċjata. Vézelay kienet ukoll il-post fejn inħmiet it-tielet kruċjata. Hemmhekk ir-Re Rikkardu I tal-Ingilterra u r-Re Filippu Awgustu ta’ Franza ltaqgħu u għaqdu l-armati tagħhom għal invażjoni kombinata tal-Art Imqaddsa min-naħa tal-Punent. Għalhekk, huwa xieraq li l-portal tal-Abbazija ta’ Vézelay jirrifletti l-importanza li l-abbazija kellha fl-istorja tal-kruċjati.

Arċitravu

immodifika
 
Dettall tan-naħa tal-lemin tal-arċitravu

L-arċitravu tal-portal tal-Abbazija ta’ Vézelay jirrappreżenta n-nies “immorali” fid-dinja. Fiha xbieha tal-ewwel missjoni ta’ Pentekoste biex titwassal il-Kelma t’Alla lin-nies kollha tad-dinja. Il-figuri fit-tympanum li ma rċevewx il-Bxara t-Tajba jintwerew bħala mhux umani għalkollox. Uħud għandhom imnieħer ta’ ħanżir, oħrajn huma deformati, u bosta huma nani. Nanu partikolari riekeb żiemel bl-għajnuna ta’ sellum. Fuq in-naħa tal-lemin nett, hemm raġel b’widnejn qishom ta’ iljunfant, filwaqt li fin-nofs hemm raġel miksi bir-rix. L-arkitetti u l-artiġjani riedu li dawk li ma kellhomx il-fidi jidhru grotteski fiżikament sabiex jipprovdu immaġni viżiva ta’ dak li huma kienu jqisu bħala l-ħażen morali ta’ dawk mingħajr fidi.

Din hija riflessjoni diretta tal-perċezzjonijiet tal-Punent fil-konfront tal-barranin bħal pereżempju l-Għarab, li kienu qegħdin jiġu ppersegwitati speċifikament fil-kruċjati. Anke l-Papa Urban II, fis-sejħa tiegħu għal kruċjata, għen biex jippromwovi din il-perċezzjoni etnoċentrika tat-Torok billi sejjaħ lin-nies tal-Punent biex “jesterminaw din ir-razza vili”.[6] Il-biċċa l-kbira tan-nies tal-Punent ma kellhom l-ebda idea kif kienet bixret it-Torok u l-Musulmani, u assumew li n-nuqqas ta’ Kristjanità kellha timxi paripassu ma’ fattizzi fiżiċi koroh. Jingħad ukoll li dawk li ma kellhomx fidi ġew imnaqqxin bħala mostri deformati biex jitpinġew bħala mhux umani għalkollox. Billi l-għedewwa kienu jitpinġew b’dan il-mod fl-arti, il-missjoni tal-kruċjati biex jirbħu l-Art Imqaddsa u jikkonvertu jew joqtlu l-Musulmani kienet tiġi gglorifikata u ssantifikata. Għaldaqstant, l-arċitravu tal-Abbazija ta’ Vézelay hija stqarrija politika kif ukoll reliġjuża.

Paragun ma’ portali kontemporanji oħra

immodifika

Il-motivazzjoni politika ta’ Vézelay toħroġ sew fid-dieher meta jsir paragun mad-disinni ta’ portali kontemporanji ta’ knejjes oħra madwar Franza. L-arċitravu ta’ Vézelay huwa uniku, iżda jistgħu jsiru xi paraguni bejnu u bejn skulturi ta’ portali Rumaneski oħra ta’ dak iż-żmien. L-arċitravu ta’ Vézelay jista’ jitqabbel ma’ dak ta’ St. Lazare f’Autun peress li t-tnejn li huma juru l-midinbin. Filwaqt li l-arċitravu ta’ Vézelay juri l-“pagani”, dak t’Autun juri l-erwieħ indannati f’Jum il-Ġudizzju. Ix-xebħ bejn iż-żewġ arċitravi ġej mill-fatt li l-arkitett primarju tagħhom kien l-istess artiġjan, Mastru Gislebertus. “Gislebertus ... beda l-karriera tiegħu fi Cluny, imbagħad ħadem fuq il-faċċata oriġinali tal-Punent tal-Abbazija ta’ Vézelay, u lejn l-1120 mar f’Autun”.[7] Barra minn hekk, it-tympanus taż-żewġ postijiet huma simili għaliex jimxu mat-tradizzjoni li jirrappreżentaw figura eżaġerata ta’ Kristu fiċ-ċentru tal-immaġni. Madankollu, ix-xebħ jieqaf hemm. Dak t’Autun huwa iktar tradizzjonali u tipiku tat-tinqix tal-portali Rumaneski. It-tema ċentrali hija t-tieni miġja ta’ Kristu fid-dinja, li kienet xbieha popolari u tipika fl-arti Rumaneska, u fiha jidhru diversi xjaten tal-biża’ mnaqqxin. L-għanijiet tat-tnejn li huma huma riflessi fid-disinn tagħhom; t’Autun huwa li jbeżża’ lin-nies lura fil-knisja, filwaqt li ta’ Vézelay irid iwassal stqarrija politika ta’ appoġġ għall-kruċjati.

Kompartimenti fil-baxx

immodifika
 
Dettall ċentrali tat-tympanum

L-erba’ kompartimenti fil-baxx tat-tympanum ta’ Vézelay juru n-nazzjonijiet li diġà kienu rċevew il-Vanġeli. Dawn jinkludu l-Biżantini, l-Armeni u l-Etjopjani. L-inklużjoni tal-Biżantini hija partikolarment importanti minħabba li kienu l-Biżantini li inizjalment talbu kruċjata lejn l-Art Imqaddsa. Il-Biżantini kienu tilfu l-belt ta’ Ġerusalemm kontra t-Torok tal-Imperu Seljuk fi gwerra, u kienu ħerqana li jiksbu l-appoġġ militari tal-Punent biex jerġgħu jiksbu dak it-territorju.

Il-karattri fil-kompartimenti fil-baxx ta’ Vézelay huma rjali u pproporzjonati tajjeb. Huma f’kuntrast dirett mal-kontropartijiet “pagani” tagħhom fl-arċitravu u huma umani u mhux mostri. F’għajnejn id-disinjaturi, kienu rċevew il-grazzja t’Alla u għaldaqstant huma rrappreżentati bħala umani f’kull dettall tagħhom. B’hekk dawn il-kompartimenti jistgħu jitqiesu bħala allegorija għan-nazzjonijiet tal-kruċjati. L-armati tal-kruċjati kienu magħmulin minn armati ta’ nazzjonalitajiet differenti u l-uniku rabta bejniethom kienet il-fidi fl-istess Alla. In-nazzjonijiet li qabel kienu tqatlu kontra xulxin fi gwerer, f’daqqa waħda ngħaqdu għal għan komuni. Il-kompartimenti fil-baxx tat-tympanum huma espressjoni ta’ din is-solidarjetà ġdida.

Kompartimenti fl-għoli

immodifika

Filwaqt li l-erba’ kompartimenti fil-baxx jirrappreżentaw in-nazzjonijiet Kristjani, l-erba’ kompartimenti fl-għoli huma rappreżentazzjoni tat-tieni missjoni tal-Appostli. Skont il-Bibbja, “l-Appostli għamlu ħafna għeġubijiet u taw ħafna sinjali”.[8] Fost dawn l-għeġubijiet fejqu lill-morda u keċċew ix-xjaten min-nies imxajtna. Dawn l-atti huma rrappreżentati fl-erba’ kompartimenti fl-għoli tat-tympanum ta’ Vézelay. F’wieħed minn dawn il-kompartimenti, żewġ lebbrużi jintwerew b’ħarsa ta’ skantament huma u jħarsu lejn riġlejhom li fiequ mirakolużament. Ix-xjaten huma analogi għan-nies mingħajr fidi li kienu jgħixu fl-Art Imqaddsa. B’referenza għall-ħakma tal-Art Imqaddsa min-naħa tat-Torok, il-Papa Urban stqarr, “X’diżgrazzja dik, li razza mxajtna li jistħoqqilha tant żebligħ u tant hi mill-agħar kellha taħkem lil poplu bil-fidi f’Alla li jista’ kollox!”.[6] Għaldaqstant, mhux diffiċli li wieħed jara x-xebħ bejn il-missjoni tal-Appostli li jkeċċu x-xjaten, u l-ħsieb tad-disinjaturi li jaraw il-missjoni tal-kruċjati bħala mezz biex ikeċċu “razza mxajtna”. Hija evidenza ulterjuri tal-motivi politiċi partikolari tal-portal tal-Abbazija ta’ Vézelay.

Portal ċentrali

immodifika
 
Il-portal ċentrali

Il-parti ċentrali tat-tympanum tal-Abbazija ta’ Vézelay tkompli dan il-proċess ta’ politika fir-reliġjon. Turi xbieha ta’ Kristu twajjeb iwassal il-messaġġ tiegħu lill-Appostli, miġburin maġenbu. Din ix-xbieha ta’ Kristu hija distinta fl-arkitettura Rumaneska. Ix-xbieha Tiegħu toħloq kuntrast max-xbieha ta’ Kristu rrabjat tat-tympanum ta’ St. Pierre de Moissac. Ix-xbieha ta’ Kristu ta’ Moissac hija ta’ figura tal-biża’ bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju. Hija eżempju ieħor tal-Kristu tipiku tal-arti Rumaneska; wiċċ serju mingħajr emozzjoni. Kristu jidher bilqiegħda b’rombli ta’ parċmina f’idejh li fihom għemil il-bnedmin, u jidher lest biex jikkastiga lill-midinbin. Madankollu, ix-xbieha ta’ Kristu ta’ Vézelay tidher b’dirgħajh miftuħin u qed iwassal messaġġ, mhux jikkastiga. It-tympanum ta’ Vézelay huwa notevoli minħabba li hu tant differenti u uniku. Il-Kristu ta’ Vézelay jidher li jibgħat lil min wettaq il-kruċjati ’l barra iżda mhux jiġġudikahom. Tabilħaqq, dawn kienu ngħataw il-garanzija li dnubiethom kienu jinħafru jekk jipparteċipaw fil-kruċjati. Xbieha ta’ Kristu bħal dik ta’ Moissac kienet tistona mal-kumplament tax-xbieha tat-tympanum ta’ Vézelay u għalhekk minflok ġiet imnaqqxa x-xbieha ta’ Kristu b’dirgħajh miftuħin.

Mill-1920 ’l hawn, l-abbazija ngħatat it-titlu wkoll ta’ bażilika.

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika

L-Abbazija u l-għolja ta’ Vézelay ġew iddeżinjati Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979. Tqies li għandhom valur straordinarju universali abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba l-abbazija titqies bħala wieħed mill-monumenti ewlenin tal-arti Rumaneska tal-Punent; u l-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”, ladarba l-għolja ta’ Vézelay kienet post fejn l-ispiritwalità Kristjana Medjevali wasslet għal diversi xogħlijiet artistiċi, arkitetturali u letterarji (eż. ix-chancon de gestes ⁠–⁠ poeżija epika Medjevali).[9]

Barra minn hekk, fl-1998 l-Abbazija ta’ Vézelay ġiet inkluża wkoll bħala parti minn Sit ta’ Wirt Dinji ieħor separat tal-UNESCO, jiġifieri r-Rotot ta’ Santiago de Compostela fi Franza.[10]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Charles Porée, L’abbaye de Vézelay, Paris 1930, pp. 18-19.
  2. ^ Susan Haskins (30 September 2011). Mary Magdalen: Truth and Myth. Random House. pp. 115–118. ISBN 978-1-4464-9942-9.
  3. ^ Kevin D. Murphy, Memory and Modernity: Viollet-le-Duc at Vézelay, 2000.
  4. ^ Zarnecki, George. Romanesque Art. New York: University Books, 1971. p. 57.
  5. ^ Kline, Naomi Reed (2003). Maps of Medieval Thought: The Hereford Paradigm. Boydell Press. p. 207. ISBN 9780851159379.
  6. ^ a b Geary, Patrick. Readings in Medieval History. Canada: Broadview Press, 1997. p. 388.
  7. ^ Marilyn Sostad. Medieval Art.
  8. ^ The Acts. 2.43.
  9. ^ "Vézelay, Church and Hill". UNESCO. Aċċessat 03-03-2021.
  10. ^ "Routes of Santiago de Compostela in France". UNESCO.Aċċessat 03-03-2021.