Wied tat-Tempji

sit arkeoloġiku f'Agrigento, Sqallija, l-Italja

Il-Wied tat-Tempji (bit-Taljan: Valle dei Templi; bl-Isqalli: Vaddi di li Tempri) huwa sit arkeoloġiku f'Agrigento (magħrufa bħala Akragas fil-Greċja Antika), Sqallija. Huwa wieħed mill-iżjed eżempji straordinarji ta' arti u arkitettura tal-Greċja Antika, u huwa wieħed mill-attrazzjonijiet prinċipali ta' Sqallija minn mindu tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

It-Tempju ta' Concordia

Il-biċċa l-kbira tal-iskavi u tar-restawr tat-tempji saru bis-saħħa tal-isforzi tal-arkeologu Domenico Antonio Lo Faso Pietrasanta (1783-1863), li kien id-Duka ta' Serradifalco mill-1809 sal-1812.[2] Matul is-seklu 20, l-iskavi arkeoloġiċi ġew iffinanzjati l-iktar minn Sir Alexander Hardcastle.[3] Huwa ppermetta li jsiru skavi arkeoloġiċi fi ħdan il-park arkeoloġiku, inkluż l-iddrittar ta' tmien kolonni fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-Tempju ta' Erakle. Għall-kontributi tiegħu għall-arkeoloġija, huwa ngħata t-titlu ta' ċittadin onorarju tal-belt ta' Agrigento u anke l-grad ta' Kmandant tal-Ordni tal-Kuruna tal-Italja.

Għalkemm indara, it-terminu "wied" teknikament huwa żbaljat, peress li s-sit jinsab fuq biċċa art olzata 'l barra mill-belt ta' Agrigento.

Ħarsa ġenerali

immodifika
 
Mappa tal-Wied tat-Tempji ta' Agrigento
 
Akragas fl-406 W.K.

Il-Wied tat-Tempji jinkludi l-fdalijiet ta' seba' tempji, kollha kemm huma bi stil Doriku. L-għoti tal-ismijiet tat-tempji, għajr dak tal-Olympeion, huwa sempliċi tradizzjoni stabbilita fi żmien ir-Rinaxximent. It-tempji huma:

  • It-Tempju ta' Concordia, li ngħata ismu abbażi ta' iskrizzjoni bil-Latin li nstabet fil-qrib, u li nbena fis-seklu 5 Q.K. It-tempju kien ġie kkonvertit fi knisja fis-seklu 6 W.K., u issa huwa wieħed mill-iktar ippreservati fil-Wied tat-Tempji.
  • It-Tempju ta' Ġunone, li nbena wkoll fis-seklu 5 Q.K. Ingħata n-nar fl-406 Q.K. mill-Kartaġiniżi.
  • It-Tempju ta' Erakle, li kien wieħed mill-iktar divinitajiet ivvenerati f'Akragas. Huwa l-iktar tempju antik fil-Wied tat-Tempji. Inqered minħabba terremot, u attwalment jikkonsisti minn tmien kolonni biss.
  • It-Tempju ta' Żews ta' Olimpja, inbena fl-480 Q.K. biex tiġi ċċelebrata r-rebħa tal-belt-stat fuq Kartaġni. Karatteristika partikolari tiegħu hija l-użu ta' statwi bi skala kbira.
  • It-Tempju ta' Kastore u Polluċe, minkejja li l-fdalijiet tiegħu jinkludu biss erba' kolonni, issa huwa s-simbolu tal-belt moderna ta' Agrigento.
  • It-Tempju ta' Efestu (Vulkan), li wkoll imur lura għas-seklu 5 Q.K. Huwa maħsub li fl-imgħoddi kien wieħed mill-iktar kostruzzjonijiet imponenti fil-Wied tat-Tempji; madankollu issa huwa wieħed mill-iktar affettwat mill-erożjoni.
  • It-Tempju ta' Asklepju, li jinsab 'il bogħod mis-swar antiki tal-belt, kien id-destinazzjoni aħħarija ta' pellegrini li kienu jżuruh għall-fejqan tal-mard.

Il-Wied tat-Tempji jospita wkoll l-hekk imsejjaħ Qabar ta' Terone, monument kbir tat-tufu b'għamla ta' piramida; l-istudjużi jissoponu li nbena biex jikkommemora lir-Rumani li nqatlu fit-Tieni Gwerra Punika.

Tempju ta' Concordia

immodifika
 
Tiżjin b'ras Medusa

Minħabba l-qagħda tajba ta' preservazzjoni, it-Tempju ta' Concordia huwa kklassifikat fost l-iktar binjiet notevoli taċ-ċivilizzazzjoni Griega li għadhom eżistenti sa llum. B'mod notevoli, is-simbolu tal-UNESCO jalludi għall-faċċata b'sitt kolonni ta' dan it-tempju. Għandu peristasi ta' sitt kolonni bi tlettax-il kolonna, mibnija fuq bażi ta' 39.44 x 16.91-il metru; kull kolonna Dorika għandha għoxrin radda mnaqqxa u kemxejn ta' entasi, u fuqhom hemm arċitravu mimdud bi trigliffji u metopi. Barra minn hekk, anke t-timpani huma ppreservati għalkollox. Iċ-ċella, ippreċeduta minn pronaos, hija aċċessata minn tarġa waħda; għadhom jeżistu wkoll l-pilastri bit-taraġ li kien jagħti sal-bejt u, fuq il-ħitan taċ-ċella u fuq il-blokok tal-qafas tal-peristasi, għadhom jeżistu wkoll it-toqob għat-travu tal-injam tas-saqaf. Minn barra u minn ġewwa, it-tempju kien miksi bi stukko polikromatiku. In-naħa ta' fuq kellha truf imżejna bi statwi ta' rjus qishom ta' ljuni, filwaqt li l-bejt kien miksi b'madum tal-irħam.

Meta t-tempju ġie kkonvertit fi knisja, id-daħla tressqet lejn in-naħa ta' wara tal-istruttura, u l-ħajt ta' wara taċ-ċella twaqqa'. L-ispazji bejn il-kolonni ngħalqu, filwaqt li 12-il fetħa bil-ħnejjiet inħolqu fiċ-ċella, sabiex tinkiseb struttura b'navata waħda u b'żewġ kurituri. L-artal pagan inqered u ġew imnaqqxin sagristiji fl-irkejjen tal-Lvant. Id-difniet viżibbli fuq ġewwa u fuq barra tat-tempju jmorru lura għall-aħħar tal-Medju Evu.

Tempju ta' Ħera Laċinja

immodifika
 
It-Tempju ta' Ġunone

Dan it-tempju nbena l-iktar fuq biċċa art olzata b'mod artifiċjali. Imur lura għall-ħabta tal-450 Q.K. u huwa 38.15 b'16.90-il metru. Huwa mibni bi stil Doriku, b'peripteros wiesa' sitt kolonni u twill tlettax-il kolonna, ippreċedut bi pronaos u b'opisthodomos. Il-bażi tat-tempju għandha erba' tarġiet.

Il-fdalijiet attwali (inkluż anastilożi mis-seklu 18 'il quddiem) jikkonsistu minn kolonnata ta' quddiem b'partijiet mill-arċitravu u mill-freġju. Frammenti biss mit-tliet naħat l-oħra għadhom jeżistu, bi ftit elementi taċ-ċella. Il-binja ġarrbet ħsarat fin-nirien tal-406 Q.K. u ġie restawrat fi żmien ir-Rumani. Il-madum tal-irħam ġie ssostitwit b'madum tat-tafal, u ġiet miżjuda biċċa art olzata fiż-żona fejn illum jidhru l-fdalijiet tal-artal.

Fil-qrib hemm arcosolia u difniet oħra minn żmien il-Biżantini, li jagħmlu parti mir-rinnovazzjoni li saret fl-aħħar tas-seklu 6 W.K. u l-konverżjoni tat-Tempju ta' Concordia fi knisja Kristjana.

Tempju ta' Asklepju

immodifika

It-Tempju ta' Asklepju jinsab fin-nofs tal-pjanura ta' San Gregorio. L-identifikazzjoni tiegħu hija bbażata fuq tismija minn Polibju (I, 18, 2), li jiddikjara li t-tempju kien "quddiem il-belt", xi mil 'il bogħod. Madankollu, peress li d-distanza reali ma tikkorrispondix u d-daqs tal-binja huwa relattivament żgħir, l-istudjużi għadhom jiddubitaw din l-attribuzzjoni.

It-tempju ż-żgħir, li x'aktarx li jmur lura għall-aħħar tas-seklu 5 Q.K. u huwa 21.7 metru b'10.7 metri. Mal-bażi tiegħu hemm tliet tarġiet. Karatteristika li tispikka hija l-opistodomu falz b'żewġ semikolonni fuq in-naħa ta' barra taċ-ċella ta' wara. Għadhom jeżistu wkoll partijiet mit-truf imżejna bi statwi ta' rjus qishom ta' ljuni, bi freġju u b'pedament ta' geison.

Is-santwarju kien jospita statwa tal-bronż ta' Apollo magħmula minn Mirone, li kienet rigal li ngħata lill-belt minn Xipju, li nsterqet minn Verres.[4]

Tempju ta' Erakle

immodifika
 
Il-fdalijiet tat-Tempju ta' Erakle

L-isem tradizzjonali ta' dan it-tempju ġej minn tismija oħra minn Ċiċerun dwar tempju ddedikat lill-eroj klassiku "mhux 'il bogħod mill-forum"; madankollu, qatt ma nstabet evidenza li dan tal-aħħar (l-agora tal-belt Griega) kien tassew jinsab hemmhekk.

L-istil tat-tempju jixbah lil dak tal-aħħar snin tas-seklu 6 Q.K. Ġie ssuġġerit ukoll li dan it-tempju kien wieħed minn tal-ewwel li nbnew taħt Terone. Anke wħud mill-fdalijiet li nstabu jmorru lura għall-460-470 Q.K. jew nofs is-seklu 5 Q.K. (minkejja li l-iktar fdalijiet reċenti jistgħu jkunu sostituzzjoni ta' fdalijiet iktar antiki). Ipoteżi partikolari tgħid li t-tempju beda jinbena qabel il-Battalja ta' Himera, u tlesta biss fid-deċennji ta' wara. Polienu jsemmi Tempju ta' Atena li nbena taħt Terone 'l barra mill-belt, li forsi jista' jiġi identifikat ma' dak ta' "Erkole", għalkemm anke ma' wieħed ġdid fl-akropoli ta' ġewwa.

Il-binja, b'anastilożi tas-seklu 20, huwa 67 metru b'25.34 metru, b'peristasi ta' sitt kolonna Dorika b'15-il kolonna Dorika u ċella bi pronaos u opistodomu, tinsab fuq bażi bi tliet tarġiet. Hija l-ewwel eżempju (li iktar 'il quddiem sar komuni fit-tempji ta' Agrigento) ta' pilastri mdaħħlin bejn il-pronaos u ċ-ċella, li jospitaw taraġ li jippermettu li jsiru spezzjonijiet tal-bejt. Il-kolonni huma pjuttost għoljin u għandhom kapitelli wesgħin. Fuq in-naħa tal-Lvant hemm il-fdalijiet tal-artal il-kbir.

Olympeion

immodifika
 
Il-fdalijiet ta' waħda mill-istatwi ta' skala kbira fl-Olympeion

Fuq in-naħa l-oħra tat-triq li tgħaddi minn ġo nofs id-Daħla tad-Deheb tal-belt antika, hemm pjanura ddominata miż-żona enormi tal-Olympeion. Din tinkludi platea b'tempju kbir iddedikat lil Żews ta' Olimpja, kif ukoll żoni oħra li għadhom qed jiġu investigati. Dawn jinkludu santwarju, bi fdalijiet ta' pjazza pavimentata, sacellum kumpless ("kompartiment sagru") u tholos. Wara daħla oħra, hemm ukoll santwarju ta' divinitajiet ktoniċi, santwarju arkajku, l-hekk imsejjaħ colimbetra (fejn kien hemm daħla mhux magħrufa oħra), u l-quċċata ta' biċċa art olzata fejn hemm santwarju bit-tempju ta' Vulkan.

L-attrazzjoni ewlenija tal-kumpless tal-Olympeion hija t-Tempju enormi ta' Żews ta' Olimpja, li ġie deskritt b'entużjażmu minn Diodoro Siculo u li ssemma minn Polibju. Illum kulma fadal minnu huma fdalijiet minħabba d-distruzzjoni li kienet bdiet fil-qedem u kompliet sas-seklu 18, meta t-tempju kien jintuża bħala barriera għall-port ta' Porto Empedocle.

Ħdejn in-naħa tal-Lbiċ tal-Wied tat-Tempji hemm binja (12,45-il metru b'5,90 metri) b'żewġ navati u pronaos fond, daħla doppja u dak li ġie identifikat bħala artal. Id-datar tat-tempju huwa kontroversjali, għalkemm l-istudjużi assenjawh fl-era arkajka, minħabba l-iskoperta ta' diversi vażuni tas-seklu 6 Q.K. Tal-istess żmien arkajku huwa sacellum ieħor, li iktar 'il quddiem ġie sostitwit b'binja klassika. Barra minn hekk, hemm ftit fdalijiet ta' tempju (imsejjaħ it-"Tempju L") li jmorru lura għal nofs is-seklu 5 Q.K., ta' 41.8 metru b'20.20 metru, u miegħu żdiedet struttura Ellenistika fis-seklu 3 Q.K.

Tempju ta' Dijoskuri

immodifika
 
Il-fdalijiet assemblati mill-ġdid tat-Tempji ta' Kastore u Polluċe fit-Tempju ta' Dijoskuri

Fit-Tramuntana tat-Tempju L hemm it-Tempju ta' Kastore u Polluċe fi ħdan it-Tempju ta' Dijoskuri, u r-rokna tal-Majjistral tiegħu tqarraq b'dak li jkun peress li hija rikostruzzjoni moderna mill-bidu tas-seklu 19, li nħolqot minn fdalijiet minn diversi tempji differenti oħra. Din tinkludi erba' kolonni u bażi. It-tempju nnifsu huwa 31 metru b'13.39-il metru, u x'aktarx kellu peripteral Doriku magħmul minn sitt kolonni bi 13-il kolonna, li jmur lura għall-ħabta ta' nofs is-seklu 5 Q.K.

Tempju ta' Efestu

immodifika

Fuq in-naħa l-oħra tal-Wied tat-Tempji hemm l-aħħar biċċa art olzata tal-għolja, fejn jispikkaw il-fdalijiet tat-Tempju ta' Efestu (imsejjaħ ukoll it-Tempju ta' Vulkan), għalkemm id-divinità eżatt mhijiex magħrufa. It-tempju huwa binja b'peripteral bi stil Doriku ta' 43 metru b'20.85 metru, mibni fuq crepidoma b'erba' tarġiet u b'sitt kolonni bi 13-il kolonna. It-tempju jmur lura għall-ħabta tal-430 Q.K. Inbena fuq sacellum arkajku ta' 13.25-il metru b'6.50 metri. Id-dekorazzjoni tiegħu, li tmur lura għall-ħabta tal-560-550 Q.K., dan l-aħħar ġiet rikostruwita.[2]

Fdalijiet oħra

immodifika
 
Tempju ta' Dijoskuri

Fuq in-naħa tal-Punent tal-belt hemm il-fdalijiet tal-bibien jew id-daħliet VI u VII; l-ewwel x'aktarx fit-triq lejn it-Tempju ta' Erakle, filwaqt li t-tieni b'żewġ torrijiet u żewġ bastjuni esterni (wieħed minnhom b'ħitan ħoxnin 15-il metru). Lejn it-Tramuntana hemm il-fdalijiet tal-bibien jew id-daħliet VIII u IX, li attwalment huma mdawrin b'binjiet illegali.

Fit-tarf tal-Punent taż-żona fejn jinsab it-Tempju ta' Concordia, hemm partijiet ta' nekropoli tal-aħħar tal-epoka tal-qedem jew tal-bidu tal-Medju Evu, li nbniet fuq ċisterni eżistenti. Oqbra u katakombi oħra huma viżibbli fl-hekk imsejħa Grotte Fragapane, li jmorru lura għas-seklu 4 W.K.

 
L-Ekklesiaterion tal-Wied tat-Tempji

Dawn in-nekropoli tal-aħħar taż-żminijiet tar-Rumani u tal-Biżantini jinsabu f'żona li kienet tintuża għall-oqbra minn żmien il-qedem. Wieħed minnhom, l-hekk imsejjaħ Qabar ta' Terone, huwa sepulkru tat-tip naiskos bi pjanta kwadra. Il-bieb jew id-daħla IV tinsab ħdejn il-Qabar ta' Terone; x'aktarx l-iktar importanti fil-belt, peress li jagħti/tagħti għall-baħar.

Fil-Punent tal-Olympeion hemm il-fdalijiet ta' żewġ insulae (residenzi) wesgħin 38 metru, ikkollegati permezz ta' pjazza kwadra mal-bieb jew daħla V. X'aktarx li nbnew bl-użu mill-ġdid ta' strutturi li kienu parti miż-żona sagra tal-Olympeion. Fil-qrib hemm santwarju b'portiku b'għamla ta' L li jmur lura għall-bidu tas-seklu 5 Q.K., li huwa anness mal-bieb jew mad-daħla V. Fiż-żona hemm ukoll żewġ tempji arkajċi (ta' nofs is-seklu 6 Q.K.).

Fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-bieb jew tad-daħla V hemm pjazza kbira li tagħti għas-"Santwarju tal-Allat Ktoniċi".

L-hekk imsejjaħ "Oratorju ta' Falaris" huwa fil-fatt tempju Ruman ta' 12.40-il metru bi 8.85 metri.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
It-Tempju ta' Concordia f'inżul ix-xemx

Il-Wied tat-Tempji ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Area of Agrigento". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-22.
  2. ^ a b "Parco Archeologico della Valle dei Templi, Agrigento - Sito Ufficiale". Parco della Valle dei Templi (bit-Taljan). Miġbur 2021-09-22.
  3. ^ "Una storia bellissima e terribile quella di villa Aurea: apre il giardino di sir Hardcastle". Balarm.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-09-22.
  4. ^ Ciċerun, Verrinae, II 4, 93.