Taos Pueblo

pueblo antik tal-poplu Tiwa fil-Kontea ta' Taos, New Mexico, l-Istati Uniti

Taos Pueblo jew il-Pueblo ta' Taos (bl-Ispanjol: Pueblo de Taos) huwa pueblo tal-qedem ta' tribù Amerikana nattiva li titkellem il-lingwa ta' Taos (Tiwa) tal-poplu Puebloan. Jinsab madwar mil (1.6 kilometru) fit-Tramuntana tal-belt moderna ta' Taos, New Mexico, l-Istati Uniti. Il-pueblos huma fost l-eqdem komunitajiet abitati b'mod kontinwu fl-Istati Uniti. Dan il-pueblo tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1]

Taos Pueblo.

Taos Pueblo huwa membru tat-Tmien Pueblos tat-Tramuntana. Art tribali ta' 95,000 akru (38,000 ettaru) hija mehmuża mal-pueblo, u madwar 4,500 ruħ jgħixu f'din iż-żona.[2]

Pajsaġġ

immodifika

Il-pueblo nbena f'pajsaġġ bil-muntanji Taos tal-Katina Muntanjuża ta' Sangre de Cristo fl-isfond. L-insedjament inbena fuq iż-żewġ naħat ta' Rio Pueblo de Taos, magħrufa wkoll bħala Rio Pueblo u Red Willow Creek, li hija nixxiegħa żgħira li tnixxi minn nofs il-pueblo. Is-sors tal-ilma ġej mil-Lag Blu jew Ba Whyea, fil-muntanji fil-qrib.[3]

L-iżjed karatteristika arkitettonika prominenti ta' Taos Pueblo hija kumpless residenzjali b'diversi sulari magħmul mit-tajn u mill-ħuxlief ta' lewn ħamrani-kannella, mibni fuq iż-żewġ naħat ta' Rio Pueblo. Is-sit web ta' Taos Pueblo jiddikjara li x'aktarx li nbena bejn l-1000 u l-1450.

Il-pueblo ġie ddeżinjat bħala Għeliem Storiku Nazzjonali fid-9 ta' Ottubru 1960. Fl-1992 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Mill-2010, madwar 150 ruħ jgħixu fil-pueblo storiku b'mod permanenti.[4]

Lingwa ta' Taos

immodifika

Bil-lingwa ta' Taos (Tiwa tat-Tramuntana), il-pueblo jissejjaħ bħala "l-villaġġ", kemm f'tə̂otho "fil-villaġġ" (tə̂o- "villaġġ" + -tho "fi") kif ukoll f'tə̂obo "lejn il-villaġġ" (tə̂o- "villaġġ" + -bo "lejn"). L-isem proprju tal-pueblo huwa ȉałopháymųp’ȍhə́othə̀olbo li jfisser "f'ħalq il-kanjon l-oħxon taż-żafżafa ħamra" (jew ȉałopháybo li jfisser "fejn iż-żafżafa ħomor" fil-qosor). Dan l-isem jintuża l-iktar f'kuntesti ċerimonjali u huwa inqas komuni fit-taħdit ta' kuljum.[5]

Lingwa Spanjola

immodifika

L-isem Taos bil-Malti jew bl-Ingliż ġej mill-Ispanjol Taos. L-isem Taos bl-Ispanjol x'aktarx li ġie misluf mil-lingwa ta' Taos tə̂o- "villaġġ" li nstema' bħala tao u miegħu żdied il-plural -s għalkemm fil-lingwa moderna Taos ma għadux nom fil-plural. L-idea li Taos bl-Ispanjol oriġina minn tao, "is-salib tal-Ordni ta' San Juan de los Caballeros" (mill-Grieg tau), hija improbabbli.[6]

Pre-Kolombjana

immodifika

X'aktarx li l-poplu indiġenu ta' Taos, flimkien ma' popli Pueblo indiġeni oħra, insedjaw ruħhom tul in-nixxiegħa ta' Rio Grande wara migrazzjoni lejn in-Nofsinhar mir-reġjun tal-Erba' Kantunieri. L-abitazzjonijiet ta' dak ir-reġjun kienu abitati mill-Puebloani anċestrali. Nixfa twila fl-inħawi fl-aħħar tas-seklu 13 jaf wasslet biex ikollhom jiċċaqilqu lejn Rio Grande, fejn il-provvista tal-ilma kienet iktar affidabbli. Madankollu, ir-raġuni li waslithom jagħmlu migrazzjoni għadha fil-mira ta' diversi dibattiti u hemm evidenza li seħħet taqbida vjolenti. Fl-aħħar mill-aħħar, ħjiel arkeoloġiku jindika lejn l-idea li n-nattivi jaf kienu mġiegħla jitilqu.

Matul is-snin bikrin tiegħu, Taos Pueblo kien punt ċentrali ta' kummerċ bejn il-popolazzjonijiet nattivi tul Rio Grande u l-ġirien tagħhom tat-tribujiet tal-pjanuri lejn il-Grigal. Taos Pueblo kien jospita fiera kummerċjali f'kull ħarifa wara l-ħsad agrikolu.

Wara l-kuntatt barrani

immodifika
 
Il-kumpless residenzjali tat-tajn u tal-ħuxlief u l-muntanja Taos fl-isfond fuq kartolina antika tal-ħabta tal-1930-1945.

Il-konkwistaturi Spanjoli waslu għall-ewwel darba f'Taos Pueblo fl-1540; kien membri tal-ispedizzjoni ta' Francisco Vásquez de Coronado, li waqfu f'bosta pueblos ta' New Mexico biex ifittxu l-hekk imsejħa Sebat Ibliet tad-Deheb. Għall-ħabta tal-1620, il-Ġiżwiti Spanjoli ssorveljaw il-kostruzzjoni tal-ewwel Knisja Kattolika fil-pueblo, il-missjoni ta' San Geronimo de Taos.[7] Rapporti mill-perjodu jindikaw li l-poplu nattiv ta' Taos irreżista l-bini tal-knisja u l-impożizzjoni bil-forza tar-reliġjon Kattolika.[8] Matul il-bidu tas-seklu 17 kibru t-tensjonijiet kulturali bejn il-popolazzjonijiet nattivi tal-Lbiċ u l-preżenza kolonjali Spanjola li kulma jmur bdiet dejjem tikber iktar. Taos Pueblo ma kienx eċċezzjoni. Sal-1660, il-poplu nattiv qatel il-qassis residenti u qerdu l-knisja.[9] L-Ispanjoli rrispondew b'mod brutali. Diversi snin wara r-rikostruzzjoni tagħha, bdiet ir-Rewwixta tal-Pueblo Revolt tal-1680.

Il-Muntanja Taos

immodifika

It-48,000 akru (19,000 ettaru) ta' art muntanjuża tal-poplu Pueblo ttieħdet mill-President Theodore Roosevelt u ġiet iddeżinjata bħala l-Foresta Nazzjonali ta' Carson fil-bidu tas-seklu 20. Finalment l-art ġiet irritornata fl-1970 mill-Istati Uniti meta l-President Richard Nixon iffirma l-Liġi Pubblika Nru 91-550.[10] 764 akru (309 ettari) addizzjonali fin-Nofsinhar tal-fondoq bejn il-Quċċata ta' Simpson u l-Quċċata ta' Old Mike u fil-Punent tal-Lag Blu ġew ittrasferiti lura lill-poplu Pueblo fl-1996.[11]

Il-Lag Blu

immodifika

Il-Lag Blu, li l-poplu Pueblo jqisuh sagru, ġie inkluż f'dan ir-ritorn tal-art ta' Taos. Il-poplu Pueblo involva b'mod notevoli lil nies mhux nattivi biex joħolqu pressjoni fuq il-gvern federali għar-ritorn tal-Lag Blu, peress li argumentaw li l-aċċess bla restrizzjoni tagħhom għal-lag u r-reġjun ta' madwar kien meħtieġ biex tiġi żgurata l-libertà reliġjuża tagħhom.[12] Is-sit web tal-Pueblo jsemmi l-akkwiżizzjoni mill-ġdid tal-Lag Blu sagru bħala l-iżjed avveniment importanti fl-istorja tiegħu minħabba t-twemmin spiritwali li l-poplu Taos oriġina mil-lag.[13] Huwa maħsub li l-antenati tagħhom jgħixu hemmhekk, u l-poplu Pueblo stess jitla' l-muntanja għal skopijiet ċerimonjali biss.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Taos Pueblo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Arkitettura

immodifika
 
Il-knisja ta' Taos Pueblo (Ansel Adams — 1941).

Fi żmien il-kuntatt inizjali tal-Ispanjoli, Hernando de Alvarado ddeskriva l-pueblo bħala li kellu djar tat-tajn u tal-ħuxlief mibnija qrib ħafna ta' xulxin b'għoli ta' ħames jew sitt sulari. Id-djar saru idjaq iktar ma bdew jogħlew, u l-bjut ta' kull sular kienu jipprovdu l-art u t-terrazzi tas-sulari ta' fuq.

Il-binjiet f'Taos oriġinarjament kellhom ftit twieqi u l-ebda daħla standard. Minflok, l-aċċess għall-kmamar kien permezz ta' toqob kwadri fil-bejt li n-nies kienu jaslu għalihom billi jitilgħu slielem twal tal-injam. Xorok (jew vigas) tal-abit ta' Engelmann kienu jirfdu s-soqfa li kellhom saffi ta' friegħi, ħaxix, tajn u tkaħħil biex jgħattuhom. L-arkitettura u l-materjali tal-bini kienu adattati sew għall-qilla tal-ambjent u għall-ħtiġijiet tal-poplu fil-Wied ta' Taos. Qabel il-wasla ta' Coronado, il-ħitan kollha ta' Taos Pueblo kienu nbnew bl-użu ta' blalen tat-tajn (tat-tafal) u tal-ħuxlief b'dijametru ta' madwar erba' pulzieri (10 ċentimetri), u Coronado daħħal it-teknika tal-brikks tat-tajn iffurmati, li rrivoluzzjonat il-kostruzzjoni bit-tajn u bil-ħuxlief fid-Dinja l-Ġdida. Coronado biddel ukoll l-istruttura tal-bejt, u bdew jintużaw friegħi tal-luq ta' xi 2-4 pulzieri li kienu jiġu installati f'angolu rett max-xorok tal-abit ta' Engelmann, u mbagħad kienet tiġi applikata passata ta' 2-3 pulzieri ta' tkaħħil bit-tajn u bil-ħuxlief, flimkien ma' kważi nofs metru ta' ħamrija sfuża (bi ħxuna ta' madwar 18-il pulzier) għall-iżolament u għas-saħħa strutturali. B'hekk, l-arkitettura indiġena evolviet.

L-ewwel arkitettura influwenzata mill-Ispanjoli tfaċċat f'Taos Pueblo wara l-wasla ta' Fray Francisco de Zamora fl-1598, li stabbilixxa missjoni skont l-ordnijiet mill-Gvernatur Spanjol, Don Juan de Oñate.

Struttura prinċipali

immodifika
 
Taos Pueblo — in-naħa tat-Tramuntana tal-kumpless għall-ħabta tal-2005.

In-naħa tat-Tramuntana tal-pueblo jingħad li fiha wħud fost l-iżjed binjiet li jitteħdulhom ritratti u li jsiru pitturi tagħhom fl-Amerka ta' Fuq. Il-binjiet tal-pueblo jinkludu l-ikbar struttura eżistenti ta' pueblo b'diversi sulari, magħmula minn ħitan tat-tajn u tal-ħuxlief sikwit bi ħxuna ta' diversi piedi. L-iskop primarju kien id-difiża. Saħansitra sal-1900, l-aċċess għall-kmamar fis-sulari t'isfel kien permezz ta' slielem fuq in-naħa ta' barra tal-bejt, imbagħad 'l isfel permezz ta' sellum fuq ġewwa. F'każ ta' attakk, is-slielem ta' barra setgħu jitneħħew faċilment.[14]

Id-djar f'dan il-kumpless normalment kienu jikkonsistu minn żewġ kmamar; waħda minnhom għall-għajxien ġenerali u għall-irqad, u t-tieni għat-tisjir, għall-ikel u għall-ħżin. Kull dar hija awtonoma; ma hemmx passaġġi bejn id-djar. L-Indjani ta' Taos ma tantx kienu jużaw l-għamara fl-imgħoddi, iżda llum il-ġurnata għandhom imwejjed, siġġijiet u sodod. Fil-pueblo, l-elettriku, l-ilma tal-vit u s-sistemi interni tas-sanitazzjoni huma pprojbiti.

Komunità spiritwali

immodifika

Prattiki reliġjużi

immodifika
 
Pajsaġġ qrib il-pueblo bis-siġar nattiv tal-qoton (Populus deltoides) (Ansel Adams — 1941).

Fil-puebla hemm żewġ prattiki spiritwali rrappreżentati: it-tradizzjoni spiritwali u reliġjuża indiġena oriġinali u l-Kattoliċiżmu Ruman. Il-maġġoranza tal-indiġeni Taos għadhom jipprattikaw ir-reliġjon antika iżda vitali tagħhom. Il-biċċa l-kbira (90 %) tal-membri tal-komunità ta' Taos Pueblo huma mgħammda bħala Kattoliċi Rumani. San Ġlormu jew San Geronimo, huwa l-qaddis patrun tal-pueblo.[15]

Tradizzjonijiet li jinvolvu l-art

immodifika

Mill-kolonizzazzjoni Spanjola, il-poplu Taos nattiv irreżista l-bidla kulturali u l-influwenza tal-ideat Ewropej. Bosta etnografi josservaw livell għoli ta' "interkonnettività u dipendenza reċiproka" bejn Taos Pueblo u l-art tal-madwar, minn fejn il-poplu kiseb bosta mit-tradizzjonijiet kulturali tiegħu. B'hekk teżisti rivalità storika bejn in-nies fuq in-naħa tan-Nofsinhar tax-xmara (in-nies tas-sajf) u dawk tan-naħa tat-Tramuntana (in-nies tax-xitwa). It-tiġrijiet, li għandhom tifsira reliġjuża sinifikanti fit-tribù, huma mezz komuni biex dawn iż-żewġ gruppi jesprimu r-rivalità tagħhom, u hemm tradizzjoni antika fit-tribujiet li x'aktarx tmur lura għaż-żmien ta' qabel il-Piramidi Eġizzjani.[16] Barra minn hekk, il-poplu ta' Taos Pueblo jattribwixxi valur kbir lil-Lag Blu fir-rigward tas-"sostenibbiltà agrikola u tal-kultura ħajja" tiegħu.[1]

Tradizzjonijiet marbuta mal-mewt

immodifika

Skont Wood, il-poplu ta' Taos Pueblo qatt ma jirrifjuta li jilqa' xi stranġiera minħabba li jgħożż il-kortesija u l-ospitalità. Madankollu, f'Jum l-Erwieħ Kollha, il-poplu ta' Taos Pueblo jqatta' jum mal-familja tiegħu u jagħlaq l-aċċess għall-villaġġ lil kwalunkwe persuna mhux Indjana. Il-poplu ta' Taos Pueblo jħares lejn il-mewt b'sens ta' "stojċiżmu", u jista' jżur iċ-ċimiterji f'Jum l-Erwieħ Kollha jew dakinhar tad-dfin ta' xi ħadd biss.

Fin-nisġa kulturali tal-poplu ta' Taos Pueblo, id-data etnografika tissuġġerixxi li n-nisa jitqiesu bħala subordinati għall-irġiel. L-istruttura soċjali ta' Taos Pueblo hija dettata minn sħubijiet kiva, u n-nisa ma jitħallewx jieħdu sehem fir-ritwali li jsiru f'dawn l-ispazji sagri peress li "mhumiex imħarrġa" biex jagħmlu dan. Minkejja l-esklużjoni tan-nisa minn xi attivitajiet spiritwali, in-nisa fis-soċjetà ta' Taos Pueblo "kienu jeżerċitaw livell konsiderevoli ta' influwenza ekonomika, politika u interpersonali".[17] Pereżempju, in-nisa waħedhom jista' jkollhom l-unitajiet domestiċi tagħhom stess, u n-nisa miżżewġin jikkontrollaw il-finanzi tagħhom stess peress li tradizzjonalment jaħdmu bħala koki jew ħassiela. Barra minn hekk, in-nisa għandhom setgħa informali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jużaw il-ħiliet tagħhom biex jinfluwenzaw lill-irġiel ta' madwarhom.

Konservazzjoni

immodifika
 
Taos Pueblo fl-1936 bil-fran tat-tafal.

Fl-2011, il-Programm ta' Preservazzjoni ta' Taos Pueblo ngħata għotja ta' $800,000 mingħand id-Dipartiment tal-Qasam tad-Djar u l-Iżvilupp Urban tal-Istati Uniti.[18] Il-fond għandu l-għan li jagħti impjieg lil iktar ħaddiema, speċjalment lil dawk li huma mħarrġa fit-tekniki tal-kostruzzjoni tradizzjonali, għax-xogħol tal-konservazzjoni, kif ukoll lil impjegati artiġjanali li jgħinu lis-sidien tad-djar tal-pueblo bil-manutenzjoni tad-djar tradizzjonali tat-tajn u tal-ħuxlief. Is-superviżuri jgħallmu lill-apprendisti dwar il-metodi tal-kostruzzjoni tradizzjonali filwaqt li jwettqu r-rikostruzzjoni tal-maġġoranza tad-djar bi 11-il unità li kienu kważi se jċedu għalkollox.

L-ewwel fażi tal-konservazzjoni ta' Taos Pueblo kienet il-kostruzzjoni ta' ċentru tat-taħriġ, ir-restawr ta' 120–150 dar, it-taħriġ tan-nies lokali fil-komunità, il-ħolqien ta' valutazzjoni dettaljata tal-istruttura tal-kumpless, u l-istabbiliment ta' ċentru kulturali u ta' arkivji tribali. It-tieni fażi ġiet iffinanzjata mill-Fond Dinji tal-Monumenti. Taos Pueblo huwa elenkat fuq il-lista ta' siti taħt osservazzjoni tal-Fond minħabba n-natura fil-periklu tiegħu, kemm kulturalment kif ukoll strutturalment. Sa tmiem l-isforzi ta' konservazzjoni, huwa mistenni li wieħed u għoxrin dar tat-tajn u tal-ħuxlief se jkun ġew irrestawrati. Il-fond preċedenti kopra wkoll il-kost tal-iskennjar tal-istrutturi bil-laser.

Il-karatteristiċi ewlenin tal-konservazzjoni ta' Taos Pueblo għandhom l-għan li jħeġġu approċċ ibbażat fuq il-komunità. Jinkludu t-taħriġ tan-nies lokali biex jiġġestixxu l-proprjetà tagħhom stess, kif ukoll l-istabbiliment ta' sħubijiet ma' entitajiet tal-gvern u mhux tal-gvern. Il-proġett għandu l-għan li jippreserva l-mod tradizzjonali tal-ħajja fil-komunità u li jsostni t-tradizzjonijiet kulturali.

F'Awwissu 2020, id-Dipartiment tal-Qasam tad-Djar u l-Iżvilupp Urban tal-Istati Uniti ħabbar għotja ta' $899,754 mogħtija lill-Awtorità tal-Qasam tad-Djar ta' Taos Pueblo biex tirriabilita ħames unitajiet domestiċi sabiex jittaffa r-riskju tat-trażmissjoni tal-COVID-19. L-għotja ntużat ukoll għall-forniment tal-assistenza utilitarja, tal-ikel u tal-kiri.[19]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e "Taos Pueblo". whc.unesco.org.
  2. ^ "ABOUT | Taos Pueblo". web.archive.org. 2023-09-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-09-03. Miġbur 2024-07-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Taos Blue Lake – United States" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-04.
  4. ^ "Pueblo de Taos -- World Heritage Site -- National Geographic". web.archive.org. 2010-11-21. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-11-21. Miġbur 2024-07-04.
  5. ^ Sturtevant, William C. (1978). Handbook of North American Indians, Volume 9: Southwest. Government Printing Office. p. 267. ISBN 9780160045776.
  6. ^ Jones, William. (1960). "Origin of the place name Taos", Anthropological Linguistics, 2 (3), 2–4; Trager, George L. (1960). "The name of Taos, New Mexico", Anthropological Linguistics, 2 (3), 5–6.
  7. ^ "National Park Service - Explorers and Settlers (Taos Pueblo)". www.nps.gov. Miġbur 2024-07-04.
  8. ^ Nomad, New Mexico (2018-12-14). "New Mexico History : The Pueblo Revolt of 1680" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-04.
  9. ^ "San Geronimo de Taos - Spanish Missions/Misiones Españolas (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-04.
  10. ^ Julyan, B: New Mexico's Wilderness Areas: The Complete Guide, p. 73. Big Earth Publishing, 1999.
  11. ^ "Public Law 104-333" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-10-31. Miġbur 2024-07-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ Bodine, John J. (1973). "Blue Lake: A Struggle for Indian Rights". American Indian Law Review. 1 (1): 23–32.
  13. ^ Keegan, Marcia (2010). Taos Pueblo and Its Sacred Blue Lake: Reflections on the Fortieth Anniversary from Members of Taos Pueblo. Clear Light Pub. ISBN 9781574160994.
  14. ^ Rodríguez, Sylvia (April 10, 2009). The Matachines Dance: A Ritual Dance of the Indian Pueblos and Mexicano/Hispano Communities. Sunstone Press. p. 17. ISBN 9780865346345.
  15. ^ Scott, Sascha T. (2008). Paintings of Pueblo Indians and the Politics of Preservation in the American Southwest. p. 25. ISBN 9780549890423.
  16. ^ Wood, Nancy C. (1989). Taos pueblo (1st ed.). New York: Knopf. ISBN 0394560329.
  17. ^ Katz, Pearl (1982). "Initiation Rites and the Status of Women at Taos Pueblo". Anthropos. 77 (5/6): 889–891. ISSN 0257-9774.
  18. ^ "Taos Pueblo". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-04.
  19. ^ Press, Associated (2020-08-12). "$3.2M in housing grants go to NM pueblos". Albuquerque Journal (bl-Ingliż). Miġbur 2024-07-04.