Skellig Michael
Skellig Michael (bl-Irlandiż: Sceilg Mhichíl [ˌʃcɛlʲɟ ˈvʲɪhiːlʲ]), magħrufa wkoll bħala Skellig il-Kbira (bl-Irlandiż: Sceilig Mhór [ˈʃcɛlʲɪɟ woːɾˠ]; bl-Ingliż: Great Skellig), hija gżira b'żewġ qċaċet tal-blat li tinsab 11.6-il kilometru fil-Punent tal-Peniżola ta' Iveragh fil-Kontea ta' Kerry, l-Irlanda. Il-gżira ngħatat isem l-Arkanġlu Mikiel, filwaqt li "Skellig" oriġinat mill-kelma Irlandiża sceilig, li tfisser farka tal-blat. Il-ġżira ta' maġenbha, Skellig iż-Żgħira (bl-Ingliż: Little Skellig; bl-Irlandiż: Sceilig Bheag), hija iżgħar minnha u mhux aċċessibbli (it-tlugħ l-art mhux permess). Iż-żewġ gżejjer tfaċċaw f'wiċċ il-baħar madwar 374-360 miljun sena ilu matul perjodu ta' formazzjoni tal-muntanji, flimkien mal-katina muntanjuża ta' MacGillycuddy's Reeks. Iktar 'il quddiem, ġew separati mill-art kontinentali minħabba ż-żieda fil-livelli tal-ilma.
Skellig Michael tikkonsisti minn madwar 22 ettaru ta' blat[1], u l-ogħla punt tal-gżira, magħrufa bħala Spit, huwa 218-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-gżira hija kkaratterizzata miż-żewġ qċaċet tagħha tal-istess daqs u l-wied tagħhom magħruf bħala s-Sarġ ta' Kristu (bl-Ingliż: Christ's Saddle), li jwasslu biex il-pajsaġġ tal-gżira jitqies bħala wieqaf u mhux ospitabbli. Il-gżira hija magħrufa l-iktar għall-monasteru Irlandiż tagħha, li ġie stabbilit bejn is-sekli 6 u 8, u għall-varjetà ta' speċijiet li jgħixu fuq il-gżira, fosthom suli, purċinelli tal-baħar, kolonja ta' mwies il-baħar u popolazzjoni ta' bejn wieħed u ieħor ħamsin foka griża.[2] Il-gżira hija ta' interess speċjali għall-arkeologi, peress li l-insedjament monastiku jinsab f'kundizzjoni tassew tajba, xi ħaġa li ma tantx hi komuni wisq. Il-gżira tospita l-fdalijiet ta' torri, ringiela ħaġar megalitiku u ħaġra b'salib imnaqqax magħrufa bħala l-Mara Tnewwaħ. Il-monasteru jinsab f'elevazzjoni ta' bejn 170 u 180 metru, is-Sarġ ta' Kristu jinsab f'elevazzjoni ta' 129 metru, u ż-żona ta' fejn kienu jiġu olzati l-bnadar f'elevazzjoni ta' 37 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.[3]
Wieħed jista' jasal sal-monasteru billi jitla' minn għadd ta' tarġiet dojoq u weqfin tal-blat minn tliet punti differenti ta' żbarkar. L-eremitaġġ fuq il-quċċata tan-Nofsinhar fih mogħdija perikoluża biex tasal għalih u s-soltu jkun magħluq għall-pubbliku. Minħabba l-vjaġġ bil-baħar mill-art kontinentali li sikwit ikun wieħed difficli, u minħabba n-natura esposta tal-punti ta' żbarkar, il-gżira hija aċċessibbli biss matul ix-xhur tas-sajf. Skellig Michael ġiet imniżżla fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[4]
Etimoloġija
immodifikaIl-kelma "Skellig" toriġina mill-kelma sceillec bl-Irlandiż antik, li tfisser "żona żgħira jew wieqfa tal-blat". Il-kelma mhux soltu li tintuża fl-ismijiet tal-postijiet Irlandiżi, u tintuża hekk fi ftit każijiet oħra biss, fosthom Bunskellig, fil-Kontea ta' Cork, u l-Knisja ta' Temple-na-Skellig f'Glendalough, fil-Kontea ta' Wicklow. Jaf għandha oriġini Norveġiża Antika, mill-kelma skellingar ("dawk li jidwu"). Isem Irlandiż alternattiv bikri iżda li qajla jintuża għall-gżira huwa Glascarraig ("il-blata ħadra").[5]
Irr lost his life upon the western main;
Skellig's high cliffs the hero's bones contain.
In the same wreck Arranan too was lost,
Nor did his corpse e'er touch Ierne's coast.[6]
Hawn fuq nistgħu naqraw l-ewwel referenza magħrufa għall-Gżejjer Skellig li tidher fl-annali Irlandiżi; ġrajja ta' nawfraġju li seħħ għall-ħabta tal-1400 Q.K., li jingħad li kien ġie kkawżat mit-Tuatha Dé Danann, razza sovranaturali fil-mitoloġija Irlandiża. Skont il-leġġenda, Irr, iben Míl Espáine (li xi kultant ġie kkreditat bil-kolonizzazzjoni tal-Irlanda), kien qed jivvjaġġa mill-Peniżola Iberika, iżda għereq u ġie midfun fil-gżira. Daire Domhain ("ir-Re tad-Dinja") jingħad li kien qagħad fuq il-gżira għall-ħabta tal-200 W.K. qabel ma attakka l-armata ta' Fionn mac Cumhaill f'Ventry fil-qrib.[7] Test mis-seklu 8 jew 9 jirrakkonta li Duagh, ir-Re tal-Punent ta' Munster, ħarab lejn "Scellecc" wara ġlieda fit-tul mar-Rejiet ta' Cashel għall-ħabta tas-seklu 5, għalkemm l-avveniment ma ġiex stabbilit fuq livell storiku.[8] Fost it-tismijiet bikrin oħrajn hemm il-proża narrattiva tal-Lebor Gabála Érenn u tal-Cath Finntrágha, kif ukoll il-Martyrology of Tallaght tal-Medju Evu.[9]
Ġeografija
immodifikaSkellig Michael hija gżira tal-blat wieqaf b'għamla piramidali ta' madwar 18-il ettaru fil-kosta Atlantika lil hinn mill-Peniżola ta' Iveragh tal-Kontea ta' Kerry.[10] Tinsab 11.7-il km fil-Punent Majjistru ta' Bolus Head, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Bajja ta' San Finjan. Gżira oħra iżgħar minnha, Skellig iż-Żgħira, hija mil eqreb tal-art kontinentali, u ferm iktar inospitabbli, minħabba l-uċuħ weqfin tal-irdumijiet. Il-gżejra ta' Lemon Rock tinsab 3.6 km iktar lejn l-art kontinentali. Il-Gżira tal-Purċinelli tal-Baħar (bl-Ingliż: Puffin Island) fil-qrib fiha kolonja kbira ta' għasafar tal-baħar. Il-Gżejjer Skellig, flimkien ma' wħud mill-Gżejjer Blasket, jikkostitwixxu l-iktar parti fil-Punent kemm tal-Irlanda kif ukoll tal-Ewropa bl-esklużjoni tal-Iżlanda.
Fil-gżira jispikkaw żewġ qċaċet: il-quċċata tal-Grigal fejn inbena l-monasteru (185 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar), u l-quċċata tal-Lbiċ fejn hemm l-eremitaġġ (218-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar). Bejn dawn iż-żewġ qċaċet hemm is-Sarġ ta' Kristu.[11]
Ġeoloġija
immodifikaIl-gżejjer huma magħmulin minn blat ramli aħmar u lavanja kkumpressata, u ġew iffurmati bejn 360 u 374 miljun sena ilu, bħala parti mill-ktajjen muntanjużi tal-MacGillycuddy's Reeks u tal-Muntanji Caha li tfaċċaw fuq wiċċ il-baħar. Dan seħħ matul il-perjodu ta' Devon meta l-Irlanda kienet parti minn massa tal-art kontinentali akbar u kienet tinsab fin-Nofsinhar tal-ekwatur. It-topografija tal-qċaċet u tal-widien tar-reġjun hija kkaratterizzata minn irdumijiet u għoljiet weqfin li ġew iffurmati matul il-perjodu Hercynian tat-taqlib u tal-formazzjoni tal-muntanji xi 300 miljun sena ilu. Meta l-livell tal-Oċean Atlantiku għola, ħoloq qaliet marittimi fondi bħall-Bajja ta' Bantry u ħalla l-Gżejjer Skellig maqtugħin mill-art kontinentali. Il-blat huwa kkumpressat ferm u fih bosta xquq u ġonturi. Bħala riżultat tal-erożjoni tul qasma kbira fl-art mit-Tramuntana għan-Nofsinhar li fiha bażi tal-blat ferm iktar dgħajjef miż-żoni tal-madwar, biċċa kbira tal-blat inkisret, u din irriżultat fis-Sarġ ta' Kristu bejn iż-żewġ qċaċet ta' Skellig Michael. Il-blat tal-gżira għadda minn ħafna erożjoni minħabba l-esponiment għar-riħ u għall-ilma.[12]
Il-blata tal-Mara Newwieħa tinsab fiċ-ċentru tal-gżira, fit-telgħa qabel l-irdum tas-Sarġ ta' Kristu[13], 120 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, fuq 1.2 ettaru ta' bur tal-ħaxix. Din hija l-unika parti ċatta u għammiela tal-gżira, u b'hekk fiha traċċi ta' tkabbir Medjevali tal-għelejjel. Il-mogħdija mis-Sarġ sal-quċċata hija magħrufa bħala l-Mogħdija ta' Kristu, tismija li tirrifletti l-periklu għal kull min jixxabbat hemmhekk.[14] Karatteristiċi notevoli f'din il-biċċa art jinkludu l-quċċata magħrufa bħala Għajn il-Labbra (bl-Ingliż: Needle's Eye peak), "ċumnija" tal-ġebel li titla' sa 150 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar[15], u sensiela ta' 14-il salib tal-ġebel b'ismijiet bħal "Rock of the Women's piercing caoine", li jkomplu jirriflettu l-periklu għal min jixxabbat sa hemm fuq. Iktar 'il fuq hemm iż-żona tal-Ġebla ta' Pain, inkluż il-parti magħrufa bħala "Spit", framment twil u dejjaq tal-blat li wieħed jasal għalih permezz ta' tarġiet wesgħin 60 ċentimetru. Il-fdalijiet tal-knisja Medjevali jinsabu iktar 'l isfel u wieħed jasal għalihom qabel ma jasal fejn il-monasteru iktar antik.[16]
Bajjiet
immodifikaIt-tliet bajjiet prinċipali tal-gżira huma l-Qala tal-Għami (bl-Ingliż: Blind Man's Cove) fil-Lvant, il-Qala tas-Salib (bl-Ingliż: Cross Cove) fin-Nofsinhar u l-Qala Blu (bl-Ingliż: Blue Cove) fit-Tramuntana.[17] Kull bajja tista' tintuża bħala punt ta' aċċess mill-baħar. It-tliet bajjiet għandhom tarġiet imnaqqxin fil-blat mill-punt tal-iżbark sa 'l fuq mil-livell tal-baħar.[18] Il-bajja prinċipali li tintuża għall-iżbark hija dik fil-Lvant[19] u hija esposta għall-imbatt tal-baħar u għall-mewġ għoli; b'hekk l-approċċ jaf ikun diffiċli fix-xhur mhux tas-sajf. Il-moll tal-bajja huwa ppożizzjonat taħt irdum għoli u wieqaf, fejn jgħixu bosta għasafar. Inbena fl-1826 minn żona magħrufa bħala Flagstaff u jagħti għal tarġiet li jwasslu sa fanal li ma għadux jintuża iktar. It-tarġiet jinqasmu f'żewġ mogħdijiet separati, u l-iktar waħda bikrija u prattikament abbandunata twassal direttament sal-monasteru.
Il-Qala Blu hija l-iktar punt li diffiċli tiżbarka fih u bħala medja wieħed jista' jiżbarka hemm xi 20 jum fis-sena. Hu u jinnota n-nuqqas ta' aċċessibbiltà tal-gżira, il-kittieb Des Lavelle josserva li "l-fatt li l-patrijiet fl-antik ħadu ħsieb il-kostruzzjoni diffiċli tat-tarġiet li jwasslu sa din il-qala huwa argument tajjeb li l-kundizzjonijiet tat-temp dak iż-żmien kienu ferm aħjar milli huma issa".[18]
Demografija
immodifika
|
|
| ||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Sors: CNA17[20] |
Ekoloġija
immodifikaSkellig Michael hija magħmula minn irdumijiet esposti telgħin mill-baħar u tliet bajjiet. L-art fuq ġewwa tagħha hija fil-biċċa l-kbira ħamrija rqiqa fuq art wieqfa fl-għoli, bi rqajja' ta' veġetazzjoni li madankollu huma esposti għar-raxx tal-baħar. Minkejja dan, il-gżira għandha ekoloġija ferm iktar diversifikata minn dik tal-art kontinentali; bħala gżira, tipprovdi kenn lil varjetajiet kbar ta' flora u ta' fawna, li ħafna minnhom huma uniċi fl-Irlanda.[21] Fiha firxa wiesgħa ta' għasafar tal-baħar, li issa huma protetti mill-istatus tal-gżira bħala riżerva naturali b'sjieda tal-istat.[22] Il-Gżejjer Skellig ġew kklassifikati bħala Żona ta' Protezzjoni Speċjali fl-1986 meta ġew rikonoxxuti għall-varjetà u għall-popolazzjoni kbira mhux tas-soltu ta' għasafar.[23]
Il-gżira tospita bejtiet kbar tal-bisien (Falco peregrinus). Għasafar oħra ta' interess jinkludu l-fulmars (Procellariidae), il-garniji tal-Atlantiku (Puffinus puffinus), il-kangi (Hydrobates pelagicus), is-suli, il-gawwi tal-Ingilterra, l-imwies geddumhom irqiq (Uria aalge) u l-purċinelli tal-baħar (Fratercula arctica).[24] Sa ftit snin ilu kienet tgħix merħla mogħoż fuq il-gżira, u ssostni popolazzjoni ta' fniek u ġrieden tal-imramma, li ġew introdotti relattivament reċentement x'aktarx fis-seklu 19 mill-ħaddiema tal-fanal. Il-foki griżi spiss jitlajjaw mas-sikkiet madwar il-gżira.[25]
Storja
immodifikaMonastika
immodifikaSkellig Michael kienet prattikament diżabitata sat-twaqqif tal-monasteru Wistinjan. Bosta mill-gżejjer tal-kosta tal-Punent tal-Irlanda fihom monasteri Kristjani bikrin, li tkattru fid-dawl tal-iżolament tagħhom u l-abbundanza ta' blat għall-kostruzzjoni. Hemm konċentrazzjoni kbira ta' monasteri tul il-kosta tal-Kontea ta' Kerry, b'total ta' disa' fuq il-gżejjer lil hinn mill-Peniżoli ta' Iveragh u ta' Dingle.[26]
L-Annali ta' Inisfallen (bl-Ingliż: Annals of Inisfallen) jirrakkontaw attakk tal-Vikingi fit-823. L-Annali jirrakkontaw li "Skellig ġiet attakata mill-pagani u Eitgal [is-superjur tal-patrijiet] inħataf minnhom u miet bil-ġuħ".[27]
Is-sit kien ġie ddedikat lil San Mikiel mill-inqas mill-1044 (meta ġiet iddokumentata l-mewt ta' "Aedh ta' Scelic-Mhichí").[28] Madankollu, din id-dedika jaf seħħet saħansitra fid-950, peress li għall-ħabta ta' dak iż-żmien ġiet miżjuda knisja ġdida mal-monasteru (li tipikament kienet xi ħaġa li kienet issir biex tiġi ċċelebrata konsagrazzjoni) u ssejħet il-Knisja ta' San Mikiel. Il-gżira jaf kienet ġiet iddedikata lil San Mikiel, il-qattiel leġġendarju tas-sriep, abbażi ta' konnessjoni ma' San Patrizju. Sors Ġermaniż tas-seklu 13 isostni li Skellig kienet l-aħħar post fejn seħħet il-battalja bejn San Patrizju u s-sriep velenużi tal-gżira.[29]
Il-gżira kienet destinazzjoni regolari għall-pellegrini sal-bidu tas-seklu 16.[30]
Taraġ u mogħdijiet
immodifikaKull wieħed mill-postijiet tal-iżbarkar iwassal għal serje twila ta' taraġ (magħrufa bħala t-taraġ tal-Lvant, tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana) li nbnew mill-ewwel ġenerazzjonijiet ta' patrijiet li għexu fil-gżira. Xi darba jaf kienu jiffurmaw parti minn network akbar; instabu traċċi ta' taraġ ieħor, possibbilment iktar bikrin.[31][32] L-evidenza arkeoloġika turi li sezzjonijiet tal-bażalt ta' kull serje ta' taraġ ġew maqtugħin fil-blat, sakemm inkixfet il-ġebla niexfa ta' taħt li kienet iktar stabbli f'altitudni fejn il-mewġ tal-baħar ma setax jikkawża iktar erożjoni. Iktar 'il quddiem it-taraġ t'isfel nett ġew sostitwiti b'mogħdijiet tal-ġebla niexfa.
It-taraġ tat-Tramuntana jibda mill-Qala Blu u jikkonsisti minn żewġ mogħdijiet twal u weqfin bit-taraġ magħrufa bħala t-taraġ ta' fuq u t'isfel. Il-mogħdija ta' fuq inbniet bil-ġebla niexfa iżda hemm partijiet minnha li jinsabu f'kundizzjoni ħażina ħafna; minħabba li nbniet fuq wiċċ wieqaf ħafna tal-gżira, tiġi affettwata ħafna mill-erożjoni u mill-impatt tat-twaqqigħ tal-ġebel mill-irdumijiet ta' fuqha. Il-parti t'isfel maqtugħa fil-blat ittieklet ħafna mill-baħar, u ftit mill-art ta' madwarhom ċediet; il-partijiet fejn it-taraġ intilef minħabba ċ-ċediment tal-art ġew sostitwiti b'rampi. Fis-snin 20 tas-seklu 19 ġie miżjud parapett fl-iktar parti t'isfel tat-taraġ, u t-taraġ twessa' matul il-kostruzzjoni tal-fanal.[33]
It-taraġ tan-Nofsinhar huwa l-iktar taraġ li jintuża s-soltu llum il-ġurnata u jingħaqad mat-taraġ tat-Tramuntana fis-Sarġ ta' Kristu, sal-monasteru. Iż-żewġ settijiet ta' taraġ fihom diversi karatteristiċi arkeoloġiċi, inkluż tisħiħ bil-ħitan u post għat-talb. Jinsabu f'kundizzjoni tajba u x'aktarx ġew imsewwija mill-bennejja tal-fanal. L-iktar punt dgħajjef tagħhom, eżatt fuq is-Sarġ ta' Kristu, ikollu jiġi msewwi minn żmien għal żmien minħabba l-użu kontinwu mill-viżitaturi moderni u għalhekk issirlu manutenzjoni kontinwa. It-taraġ tal-iżbarkar jaf inbnew mill-bennejja tal-fanal; 14-il tarġa apparti l-punt prinċipali tal-iżbarkar huma prattikament inaċċessibbli, peress li jieqfu ħesrem fiż-żewġ naħat u la jwasslu sal-baħar u lanqas sal-ogħla livelli.[33]
Il-bażi tat-taraġ tal-Lvant 'il fuq mill-Qala tal-Għami ġiet sploduta bid-dinamit fl-1820 matul il-kostruzzjoni tal-moll u tat-triq li twassal għall-fanal u issa mhux aċċessibbli mill-punt tal-iżbarkar. It-taraġ ta' fuq dan il-livell, li jinsab fuq wiċċ wieqaf ħafna ta' rdum, kien soġġett għal konservazzjoni, l-iktar reċentement fl-2002/2003 meta ammonti kbar ta' veġetazzjoni tneħħew, u llum jinsab f'kundizzjoni tajba.[33]
Monasteru
immodifikaIl-monasteru nbena f'art imtarrġa xi 180 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Fih żewġ oratorji, ċimiterju, ħaġriet b'għamla ta' salib, sitt ċelel tat-tip clochán qishom giren (waħda minnhom ċediet) u knisja Medjevali. Iċ-ċelel u l-oratorji nbnew kollha b'kostruzzjoni mingħajr tkaħħil, u l-knisja, li nbniet iktar 'il quddiem, inbniet bit-tkaħħil.[34]
Is-sena meta ġie stabbilit il-monasteru mhijiex magħrufa. Bħal ħafna fdalijiet Kristjani bikrin f'Kerry, xi drabi jiġi attribwit lil San Finnian, għalkemm l-istoriċi jiddubitaw li dan kien il-każ.[35] L-ewwel referenza definita għal attività monastika fuq il-gżira hija l-mewta dokumentata ta' "Suibhini ta' Skelig" mis-seklu 8; madankollu, Fionán jingħad li stabbilixxa l-monasteru fis-seklu 6.[36]
L-Annali tal-Erba' Mgħallma (bl-Ingliż: Annals of the Four Masters) jirrakkontaw l-avvenimenti li seħħew fil-Gżejjer Skellig bejn is-sekli 9 u 11. Dawn il-ġrajjiet jissuġġerixxu li Eitgall ta' Skellig, is-superjur tal-patrijiet tal-monasteru, inħataf mill-Vikingi fit-823 u miet bil-ġuħ ftit wara. Il-Vikingi reġgħu attakkaw fit-838, u serqu mill-knejjes fir-raħal ta' Kenmare, u mill-gżejjer ta' Skellig u ta' Innisfallen. L-abbazija Wistinjana f'Ballinskelligs ġiet stabbilita fid-950, fl-istess sena li fiha miet Blathmhac ta' Sceilig. Finalment, l-Annali jsemmu l-mewt ta' Aedh ta' Sceilig Michael fl-1040.[37]
L-ikbar "girna", magħrufa bħala ċ-ċella A, għandha superfiċe ta' 14.5-il metru bi 3.8 metri, u hija għolja ħames metri. Bħaċ-ċelel l-oħra, il-ħitan tagħha fuq ġewwa huma dritti qabel ma jidjiequ biex jiffurmaw is-saqaf b'għamla ta' koppla. Fuq ġewwa wkoll hemm ġebliet li joħorġu 'l barra, xi 2.5 metri 'l fuq biex jirfdu s-saqaf, u f'xi każijiet jaf kienu jirfdu kompartiment ieħor ta' għajxien mas-saqaf. Il-ġebliet li joħorġu 'l barra fuq in-naħa esterna taċ-ċelel x'aktarx kienu jintużaw biex tintrabat magħhom l-għata tat-tiben imnixxef. Xi ċelel fihom spazji 'l ġewwa li jaf kienu jintużaw bħala armadji.[38] L-oratorju prinċipali għandu għamla ta' dgħajsa, u għandu superfiċe ta' 3.6 metri b'4.3 metri. Għandu artal u tieqa żgħira mal-ħajt tal-Lvant tiegħu. L-oratorju ż-żgħir għandu terrazza tiegħu stess, b'distanza relattiva mill-kumpless prinċipali. Għandu superfiċe ta' 2.4 metri b'1.8 metru u huwa għoli 2.4 metri; għandu bieb baxxa (0.9 metri b'0.5 metri) u tieqa pjuttost kbira ta' metru fil-ħajt tal-Grigal tiegħu.
Il-Knisja ta' San Mikiel tmur lura għas-seklu 10 jew għall-bidu tas-seklu 11. Oriġinarjament inbniet l-iktar bi tkaħħil tal-ġebla tal-ġir flimkien ma' blat ramli importat mill-Gżira ta' Valentia. Illum il-ġurnata ġġarrfet kważi kollha ħlief it-tieqa tal-Lvant tagħha. Iċ-ċentru tal-knisja fih lapida moderna tal-1871 għall-membri tal-familja ta' wieħed mill-ħaddiema tal-fanal.
Nofs iċ-Ċimiterju tal-Patrijiet iġġarraf u issa huwa ferm iżgħar minn meta kien jintuża b'mod attiv. Fih slaleb tal-ġebel b'diversi tiżjin imnaqqax fihom fuq in-naħa tal-Punent tiegħu. Żewġ slaleb fihom ħafna dettall u jingħad li huma elementi bikrin tas-sit; b'kollox hemm iktar minn mitt salib tal-ġebel li nstabu fuq il-gżira. Hemm diversi ħaġriet ortostatiċi fit-Tramuntana u fil-Punent taċ-ċimiterju.[39] Hemm ukoll żewġ leachta mingħajr tkaħħil. L-ikbar wieħed jinsab bejn il-Knisja ta' San Mikiel u l-oratorju prinċipali, u jingħad li huwa iktar antik minnhom it-tnejn, u xi darba kellu salib wieqaf kbir fin-naħa tal-Punent tiegħu, li issa nkiser. L-ieħor jinsab mal-ħajt ta' appoġġ tal-monasteru fin-Nofsinhar tal-oratorju.[40] Taħthom it-tnejn instabu fdalijiet umani.[41]
Huwa stmat li mhux iktar minn tnax-il patri u s-superjur tal-patrijiet għexu f'daqqa fil-monasteru.[42] Il-monasteru kien okkupat b'mod kontinwu sal-aħħar tas-seklu 12 jew sal-bidu tas-seklu 13 u baqa' sit ta' pellegrinaġġ sal-era moderna. Il-patrijiet tal-gżira ma kinux jieklu l-istess li kienu jieklu l-abitanti fuq l-art kontinentali. Peress li kellhom inqas art li setgħet tinħadem biex jiżirgħu l-għelejjel, il-ġonna bil-ħxejjex kienu parti importanti tal-ħajja monastika. Minħabba l-bżonn, il-ħut u l-laħam u l-bajd tal-għasafar li jbejtu fuq il-gżejjer kienu sors primarju ta' ikel.[43] Fost it-teoriji għalfejn is-sit ġie abbandunat hemm li l-klima madwar Skellig Michael kesħet, iż-żieda tal-maltempati, l-attakki tal-Vikingi[44], u l-bidliet fl-istruttura tal-Knisja Irlandiża. Probabbilment kombinament ta' dawn il-fatturi wassal biex il-komunità ta' patrijiet tabbanduna l-gżira u tmur tgħix fl-abbazija f'Ballinskelligs. Dan iċ-ċaqliq ġiet iddokumentat mill-ekkleżjastiku u l-istoriku Kambro-Normann Giraldus Cambrensis fl-aħħar tas-seklu 12 meta kiteb li l-patrijiet kienu marru jgħixu f'sit ġdid fuq l-art kontinentali.[45]
Eremitaġġ
immodifikaL-eremitaġġ jinsab fin-naħa opposta tal-gżira meta mqabbel mal-monasteru, taħt il-quċċata tan-Nofsinhar, u huwa ferm iktar diffiċli u perikoluż biex wieħed jasal għalih. Illum il-ġurnata, l-aċċess għall-quċċata tan-Nofsinhar huwa ristrett u huwa permess biss b'arranġament minn qabel.[46] Wieħed jasal għalih mis-Sarġ ta' Kristu permezz ta' serje dejqa u wieqfa ta' taraġ maqtugħin fil-blat li huma esposti għal riħ qawwi minn kull naħa, xi kultant b'qawwa kważi ta' uragan. Il-mogħdija tgħaddi minn Għajn il-Labbra, ċumnija tal-blat li ffurmat minn xaqq vertikali dejjaq fil-quċċata.[47] Minkejja li l-oriġini u l-istorja tal-eremitaġġ mhumiex studjati daqs tal-monasteru, jingħad li l-eremitaġġ oriġina fis-seklu 9 u fih diversi kompartimenti u pjattaformi fuq tliet terrazzi prinċipali maqtugħin fil-blat.[48] Dawn it-tliet terrazzi huma magħrufa bħala l-Oratorju, il-Ġnien u t-Terrazza ta' Barra.
It-terrazza tal-oratorju, xi mitejn metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u xi ħmistax-il metru taħt il-quċċata[49], hija l-ikbar u l-iktar waħda f'kundizzjoni tajba. L-oratorju prinċipali għadu kważi intatt u fih l-artal oriġinali, bank, ċisterna tal-ilma u x'aktarx il-fdalijiet ta' santwarju. Ix-xogħol fil-ġebel huwa tipiku tal-Perjodu Kristjan Bikri tal-Irlanda. X'aktarx li l-eremitaġġ inbena wara l-monasteru; minħabba d-diffikultà tal-kostruzzjoni tiegħu, li kienet tinvolvi ċ-ċaqliq ta' ġebliet kbar mill-uċuħ weqfin tal-irdumijiet, u għalhekk il-bennejja kien ikollhom bżonn jużaw il-monasteru bħala bażi. L-effett tal-erożjoni tal-ġlata fil-qasma maġġuri tal-gżira pprovda lill-bennejja b'ammonti kbar ta' materjali għall-kostruzzjoni.[50]
Fuq ġewwa, il-binja prinċipali hija twila 2.3 metri u wiesgħa 1.2 metru. Il-ħajt mad-dawra tal-eremitaġġ huwa magħmul l-iktar minn ġebliet żgħar. Għalkemm issa ma tantx jinsab f'kundizzjoni tajba u ħafna minnu huwa mwaqqa', xi darba kien għoli bejn metru u metru u nofs. Illum il-ġurnata, l-eremitaġġ fuq ġewwa huwa mimli radam u tiġrif mill-istruttura stess u mill-frammenti ta' salib tal-ġebel li kien għoli seba' piedi. Il-leacht fuq barra x'aktarx kienet tintuża bħala santwarju jew artal; żgħira wisq biex setgħet tkun sit funebri.[51]
It-terrazza ta' barra tinsab fuq tliet biċċiet imtarrġin ħerġin 'il barra ftit 'il bogħod mill-kumpless prinċipali u l-aċċess huwa diffiċli. Mad-dawra tagħha hemm ħajt twil xi 17-il metru tul il-perimetru wieqaf u espost tagħha.[52] Hu u jitħasseb għalfejn kien inbena dan il-post daqstant inaċċessibbli u mbiegħed, l-istoriku Walter Horn kiteb li "l-għan ta' axxetiku ma kinitx il-kumdità" u fakkar li l-Omelija ta' Cambrai tiddikjara li: "B'hekk inċaħħdu lilna nfusna jekk ma naqgħux għax-xewqat tagħna u nindmu għal dnubietna. B'hekk inkunu qed nerfgħu s-salib tagħna, jekk niċċaħħdu u ngħixu l-martirju u t-tbatija biex nagħtu ġieħ lil Kristu".[53]
Postmonastika
immodifikaSkellig Michael baqa' fil-pussess tal-Kanoni Kattoliċi Regolari sax-xoljiment tal-Abbazija ta' Ballinskelligs fl-1578, b'riżultat tar-riformazzjoni li saret minn Eliżabetta I. Is-sjieda tal-gżejjer għaddiet għand il-familja Butler (għall-kirja ta' "żewġ isqra u kwantità ta' rix tal-purċinelli tal-baħar fis-sena")[54], u baqgħet għandhom sal-bidu tas-snin 20 tas-seklu 19 meta l-Korporazzjoni għall-Preservazzjoni u għat-Titjib tal-Port ta' Dublin (il-predeċessur tal-Korp tal-Kummissarji tal-Fanali Irlandiżi) xtrat il-gżira għal £500[55] mingħand John Butler ta' Waterville f'ordni ta' xiri obbligatorju. Il-korporazzjoni bniet żewġ fanali fuq in-naħa Atlantika tal-gżira, kif ukoll kwartieri tal-għajxien assoċjati, li tlestew sal-1826.[56]
Fl-1871, Lord Dunraven, fin-Noti dwar l-Arkitettura Irlandiża (bl-Ingliż: Notes on Irish Architecture) tiegħu, għamel l-ewwel stħarriġ arkeoloġiku komprensiv tal-gżira. Hu u jiddeskrivi l-monasteru, huwa kiteb li "ix-xenarju huwa wieħed tant solenni u ta' dieqa li ħadd ma missu jidħol hemmhekk għajr il-pellegrini u dawk li jridu jagħmlu xi penitenza. Is-sens ta' solitudni, is-smewwiet vasti u l-moviment monotonu u sublimi tal-baħar joħonqu l-ispirtu, sakemm dak l-ispirtu ma jkunx f'armonija".[57] Ma tantx kien ħanin mal-proġett tal-fanali u ddeskrieva l-alterazzjonijiet li sarulhom mill-"ħaddiema tal-fanali li ... fl-1838, bnew ħitan moderni oġġezzjonabbli". L-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi sar kustodju tal-fdalijiet tal-monasteru fl-1880, qabel ma xtara l-gżira (bl-eċċezzjoni tal-fanali u l-istrutturi assoċjati) mingħand il-Kummissarji tal-Fanali Irlandiżi.[58]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaSkellig Michael ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Il-Kunsill Internazzjonali għall-Monumenti u s-Siti (ICOMOS) sostna li "l-ebda sit ieħor ma juri l-estremi tal-monastiċiżmu Kristjan li kkaratterizza ħafna mit-Tramuntana tal-Afrika, mil-Lvant Nofsani u mill-Ewropa".[58]
Kultura
immodifikaIl-gżira ta' Skellig Michael intużat f'diversi films u dokumentarji. Il-gżira ntużat għall-ġbid tal-film Star Wars: The Force Awakens (2015) u Star Wars: The Last Jedi (2017). Xi filmati mill-ajru tal-gżira ntużaw ukoll f'Star Wars: The Rise of Skywalker (2019).[59][60] Il-gżira ntużat ukoll għall-ġbid tal-aħħar xena f'Heart of Glass (1976), u f'Byzantium (2012).[61]
Fl-ewwel episodju tad-dokumentarju tal-BBC tal-1969, Civilisation: A Personal View by Kenneth Clark, l-istoriku tal-arti Kenneth Clark iddeskriva l-binjiet u l-mogħdijiet tal-gżira bħala "kisba straordinarju ta' kuraġġ u ta' tenaċità". Huwa osserva li "meta wieħed iħares lura lejn iċ-ċivilizzazzjonijiet l-kbar ta' Franza tas-seklu 12 jew ta' Ruma tas-seklu 17, diffiċli li wieħed jemmen, li għal żmien pjuttost twil—kważi mitt sena—il-Kristjaneżmu tal-Punent irnexxielu jibqa' ħaj billi ggranfa ma' postijiet bħal Skellig Michael, quċċata tal-blat xi tmintax-il mil lil hinn mill-kosta Irlandiża, b'għoli ta' 210 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar".[62]
Aċċess u turiżmu
immodifikaSkellig Michael fih tliet punti tal-iżbarkar li kienu jintużaw mill-patrijiet skont kif jinzertaw il-kundizzjonijiet tat-temp. Illum il-ġurnata l-gżira tilqa' medja ta' 11,000 viżitatur fis-sena. Sabiex jipproteġi s-sit, l-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi jillimita l-għadd ta' viżitaturi għal 180 kuljum. Il-klima lokali u n-natura esposta tal-gżira jagħmlu l-vjaġġ bejn l-art kontinentali u l-gżira pjuttost diffiċli. Ladarba wieħed jiżbarka, l-art ta' Skellig Michael hija wieqfa, mhux kennija u perikoluża. Wieħed jixxabbat u jitla' sal-quċċata permezz ta' 600 tarġa Medjevali tal-ġebel.
In-natura remota u inaċċessibbli tal-gżira minn dejjem naffret il-maġġoranza tal-viżitaturi, u b'hekk il-gżira hija ppreservata tassew tajjeb. It-turiżmu beda fl-aħħar tas-seklu 19 meta dgħajsa tal-qdif setgħet tinkera għal 25 xelin. Saret destinazzjoni turistika popolari biss fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20 meta bdew isiru iktar frekwenti l-laneċ mikrija tal-passiġġieri; fl-1973 kien hemm ħamsa disponibbli għal prezz ta' £3 ir-ras. Sal-1990, id-domanda tant kienet kibret li l-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi beda jorganizza għaxar dgħajjes li jitilqu minn erba' portijiet individwali.[63]
Kull sena mill-inqas erba' liċenzji tad-dgħajjes jingħataw lill-operaturi turistiċi li jwettqu vjaġġi lejn Skellig Michael matul l-istaġun tas-sajf (minn Mejju sa Ottubru), jekk it-temp ikun jippermetti. Anke meta l-kundizzjonijiet tal-baħar qrib l-art kontinentali jkunu kalmi, il-baħar madwar il-gżira jaf ikun imqalleb. Iż-żona madwar il-gżira hija spiss maħkuma mill-imbatt tal-baħar li jiġi minn depressjonijiet distanti fl-Atlantiku. Il-mewġ iħabbat fuq il-gżira minn kull naħa, b'mewġ li jlaħħaq sa għoli ta' 10 metri fuq il-moll u ta' 45 metru tul in-naħa fejn hemm il-fanal. Meta dan il-mewġ għoli jħabbat fuq il-blat, spiss jikxfu u jaqilgħu bosta alka, sponoż u anemones fuq wiċċ il-blat, li jkomplu jxekklu iktar it-tqarrib lejn il-gżira u l-iżbarkar.
Żjara tipika fuq Skellig Michael tipikament iddum madwar sitt sigħat. L-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi jenfasizza li l-vjaġġ fih diversi diffikultajiet b'rabta mas-sikurezza. Fil-fatt, għal raġunijiet ta' sikurezza, l-iktar minħabba li t-tarġiet huma weqfin, tal-blat, antiki u mingħajr poġġamani, iż-żjarat ma jsirux meta t-temp ikun b'wisq xita jew riħ. Matul is-sajf, hemm postijiet madwar il-blat, l-iktar fil-Qala Blu, fejn jistgħu jmorru l-bugħaddasa.[64]
Referenzi
immodifika- ^ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 3.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. pp. 31-32.
- ^ O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 3.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sceilg Mhichíl". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-06.
- ^ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p.18.
- ^ S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 164.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 3.
- ^ "World Heritage Ireland". www.worldheritageireland.ie. Miġbur 2021-11-06.
- ^ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 17.
- ^ De Paor, Liam (1955). "A Survey of Sceilg Mhichíl". The Journal of the Royal Society of Antiquaries of Ireland. 85 (2): 174–187. p. 174.
- ^ S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 164.
- ^ "Skellig Michael World Heritage Site Management Plan : 2008–2018" (PDF).
- ^ O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 28.
- ^ S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 166-167.
- ^ "Labbacallee Wedge Tomb" (bl-Ingliż). 2012-07-24. Miġbur 2021-11-12.
- ^ O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 8.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 17.
- ^ a b Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 41.
- ^ Lovegrove, Roger (13 September 2012). Islands Beyond the Horizon: The Life of Twenty of the World's Most Remote Places. Oxford: OUP. ISBN 978-0-19-960649-8. p. 156.
- ^ "CNA17: Population by Off Shore Island, Sex and Year". data.cso.ie. Miġbur 2021-11-06.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 58.
- ^ "Kerry | National Parks & Wildlife Service". www.npws.ie. Miġbur 2021-11-12.
- ^ A Global Representative System of Marine Protected Areas: Antarctic, Arctic, Mediterranean, Northwest Atlantic, Northeast Atlantic, and Baltic (bl-Ingliż). Great Barrier Reef Marine Park Authority. 1995. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "Conservation objectives for Skelligs SPA" (PDF).
- ^ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 16.
- ^ White Marshall, Jenny; Walsh, Claire (1998). "Illaunloughan, Co. Kerry: An Island Hermitage". In Monk, Michael A.; Sheehan, John (eds.). Early Medieval Munster: Archaeology, History and Society. Cork: Cork University Press. pp. 102–111. ISBN 978-1-85918-107-2. p. 102.
- ^ "Skellig Michael". Sacred Sites: World Pilgrimage Guide (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
- ^ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 25.
- ^ Lockhart, Ross (2 July 2018). Beyond Snakes and Shamrocks: St. Patrick’s Missional Leadership Lessons for Today. Wipf and Stock Publishers. p. 184. ISBN 9781532634970. p. 184.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 13.
- ^ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 5.
- ^ Siggins, Lorna. "Hidden staircase discovered on Skellig". The Irish Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
- ^ a b ċ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 31.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 42.
- ^ De Paor, Liam (1955). "A Survey of Sceilg Mhichíl". The Journal of the Royal Society of Antiquaries of Ireland. 85 (2): 174–187. p. 80.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 18.
- ^ S. M. (1913). "The Skelligs". Kerry Archaeological Magazine. 2 (11). p. 166.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. pp. 42-43.
- ^ "World Heritage Ireland". www.worldheritageireland.ie. Miġbur 2021-11-12.
- ^ O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 105.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 45.
- ^ "Skellig – Diocese of Kerry" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 36.
- ^ De Paor, Liam (1955). "A Survey of Sceilg Mhichíl". The Journal of the Royal Society of Antiquaries of Ireland. 85 (2): 174–187. p. 165.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 19.
- ^ "Access to South Peak" (PDF).
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 29.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 71.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 39.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 72.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 32.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 54.
- ^ Horn, Walter William; White Marshall, Jenny; Rourke, Grellan D. (1990). The Forgotten Hermitage of Skellig Michael. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-06410-2. p. 65.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 38.
- ^ O'Shea, Tim (1981). The Skelligs. Dublin: The Skelligs. p. 6.
- ^ Bourke, Edward; Hayden, Alan; Lynch, Ann; O'Sullivan, Michael (2011). Skellig Michael, Co. Kerry: The Monastery and South Peak: Archaeological Stratigraphic Report: Excavations 1986–2010. Dublin: Department of Culture, Heritage and the Gaeltacht. p. 24.
- ^ "Monastery on the Great Skellig - Irish Pictures (1888)". www.libraryireland.com. Miġbur 2021-11-12.
- ^ a b "Convention Concerning the World Cultural and Natural Heritage, p. 68" (PDF).
- ^ "The Ultimate Ireland Star Wars Locations Guide" (bl-Ingliż). 2020-01-08. Miġbur 2021-11-12.
- ^ Siggins, Lorna. "Concern over 'incidents' during 'Star Wars' filming on Skellig Michael". The Irish Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
- ^ Aubrey, James (July 2017). "Celtic Vampires: Neil Jordan's Film Byzantium as Irish Neomyth". Journal of Literature and Art Studies. 7: 909–915.
- ^ "BBC - Digital Northern Ireland, Skellig Michael". BBC (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-12.
- ^ Lavelle, Des (1976). Skellig: Island Outpost of Europe. Dublin: O'Brien Press. ISBN 978-0-905140-26-1. p. 32.
- ^ Skellig Michael (bl-Ingliż). 2021-11-01. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna)