Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian
Is-Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian (biċ-Ċiniż: 周口店北京人遗址; trażlitterata wkoll bħala Choukoutien) hija sistema ta' għerien fid-distrett suburban ta' Fangshan, f'Beijing, iċ-Ċina. Fis-sit saru bosta skoperti arkeoloġiċi, pereżempju nstab wieħed mill-ewwel eżemplari ta' Homo erectus (Homo erectus pekinensis), imlaqqam ir-"Raġel ta' Peking", u ġabra fina ta' għadam tal-jena ġganteska ta' wiċċha qasir Pachycrocuta brevirostris.
Minħabba interpretazzjonijiet differenti tal-evidenza, id-dati proposti ta' meta r-Raġel ta' Peking kien jgħix fis-sit ivarjaw ferm, inkluż: 700,000–200,000 sena ilu, 670,000–470,000 sena ilu, jew mhux qabel 530,000 sena ilu.[1][2][3]
Is-Sit tar-Raġel ta' Peking ġie skopert għall-ewwel darba minn Johan Gunnar Andersson fl-1921, u ġie skavat għall-ewwel darba minn Otto Zdansky fl-1921 u fl-1923, fejn instabu żewġ snien umani. Iktar 'il quddiem dawn ġew identifikati minn Davidson Black bħala li jappartjenu lil speċi li qabel ma kinitx magħrufa, u wara saru skavi estensivi. Fi xquq fil-ġebla tal-ġir b'depożiti ta' nofs il-Plejstoċen instabu l-fdalijiet ta' madwar 45 individwu, kif ukoll fdalijiet ta' annimali, u laqx tal-ġebel u għodod tat-tqattigħ.
L-eqdem fdalijiet ta' annimali jmorru lura għal saħansitra 690,000 sena ilu, b'għodod li jmorru lura sa 670,000 sena ilu,[4] filwaqt li skont awtorità oħra l-għodod li nstabu ma sarux qabel 530,000 sena ilu. Matul il-Paleolitiku ta' Fuq, is-sit ġie okkupat mill-ġdid, u l-fdalijiet ta' Homo sapiens u tal-għodod tal-ġebel u tal-għadam tagħhom ġew irkuprati wkoll mill-Għar ta' Fuq.
Il-krater ta' Choukoutien fuq l-asterojde 243 Ida ngħata isem il-pożizzjoni trażlitterata tas-sit. L-għerien jinsabu fir-raħal ta' Zhoukoudian, fid-distrett ta' Fangshan, fil-Lbiċ ta' Beijing ċentrali.
Storja tal-iskavi
immodifikaSkoperta
immodifikaHawnhekk hawn raġel primittiv, issa kull ma fadlilna hu li nsibuh! — Johan Gunnar Andersson, malli skopra s-Sit tar-Raġel ta' Peking.
Il-ġeologu Żvediż Johan Gunnar Andersson beda l-ewwel esplorazzjonijiet tiegħu fir-reġjun fl-1918 f'żona magħrufa lokalment bħala l-"Għolja tal-Għadam tat-Tiġieġ" li kienu ħasbu li l-abbundanza ta' fossili ta' għadam tar-rodituri kienu effettivament tat-tiġieġ. Madankollu, damu sal-1921 biex hu u l-paleontologu Amerikan Walter W. Granger jaslu fis-sit magħruf bħala l-"Għolja tal-Għadam tad-Draguni" fost il-bennejja ta' barriera lokali. Malli nnota xi kwarz abjad li ma kienx tal-inħawi, minnufih induna li dan seta' kien post tajjeb biex ifittex il-fdalijiet tal-bnedmin primittivi.
L-iskavi twettqu mill-assistent ta' Andersson, il-paleontologu Awstrijaku Otto Zdansky fl-1921 u fl-1923, fejn qala' ħafna materjal li ntbagħat lura lejn l-Università ta' Uppsala fl-Iżvezja għal analiżi ulterjuri. Fl-1926, Anderson ħabbar l-iskoperta ta' żewġ darsiet umani fost dan il-materjal, u s-sena ta' wara Zdansky ippubblika din is-sejba, u b'kawtela identifika s-snien bħala ?Homo sp.
Il-fossili tal-hekk imsejjaħ lupu ta' Zhoukidian, Canis variabilis, instabu fis-sistema ta' għerien u fis-sit arkeoloġiku ta' Zhoukoudian fl-1934, u ngħataw isem minn min skoprihom, Pei Wenzhong:
Għalkemm ma tistax tinsilet linja netta bejn l-Canis deskritt hawn fuq u C. lupus, id-differenzi kbar fid-daqs u fil-fattizzi tal-kranju, jidhru li huma biżżejjed biex tinħoloq, mill-inqas, varjetà ġdida, Canis lupus variabilis, għal-lupu żgħir ta' Zhoukoudian tal-Lokalità 1.
Proġett ta' Zhoukoudian
immodifikaIl-paleoantropologu Kanadiż Davidson Black, li kien qed jaħdem għall-Kulleġġ Mediku tal-Unjoni ta' Peking dak iż-żmien, kien eċitat bis-sejba ta' Andersson u ta' Zdansky, u applika għand il-Fondazzjoni Rockefeller għal finanzjament biex iwettaq skavi sistematiċi fis-sit. Il-finanzjament ingħata, u l-Proġett ta' Zhoukoudian beda bl-iskavi fl-1927 taħt is-superviżjoni tal-arkeologu Ċiniż Li Jie.
Dik il-ħarifa nstabet sinna mill-paleontologu Żvediż Anders Birger Bohlin, li Black ippropona li kienet ta' speċi ġdida msejħa Sinanthropus pekinensis. Is-sena ta' wara, l-iskavi ta' Black żvelaw iktar fossili tal-ispeċi l-ġdida tiegħu, inkluż snien, parti sostanzjali ta' xedaq mhux ta' adult, u xedaq sħiħ ta' adult bi tliet sinniet. Dawn is-sejbiet ippermettew lil Black jiżgura għotja addizzjonali ta' $80,000 mingħand il-Fondazzjoni, li huwa uża biex jistabbilixxi laboratorju tar-riċerka.
Laboratorju tar-Riċerka Ċenożojka
immodifikaIl-Laboratorju tar-Riċerka Ċenożojka tal-Istħarriġ Ġeoloġiku taċ-Ċina ġie stabbilit fil-Kulleġġ Mediku tal-Unjoni ta' Peking fl-1928 bl-assistenza tal-ġeologi Ċiniżi Ding Wenjiang u Weng Wenhao, għar-riċerka u għall-analiżi tal-fossili li jinstabu. Black baqa' jaħdem fil-laboratorju bħala direttur onorarju, filwaqt li l-iskavi baqgħu għaddejjin fis-sit taħt il-paleontologu Yang Zhongjian u l-antropologi Pei Wenzhong u Jia Lanpo.
Il-kundizzjonijiet fis-sit kienu primittivi, u x-xjenzati kellhom jaslu sal-iskavi rekbin fuq il-ħmir u joqogħdu f-karavanseraj tul it-triq. Meta l-ewwel skutella ta' kranju nstabet fis-sit fl-1929, dan sar minn Pei, li kien qed jaħdem f'xaqq ta' 40 metru f'temp kiesaħ silġ, b'martell f'id waħda u xemgħa fl-oħra. It-tieni skutella ta' kranju ġiet skoperta qrib l-ewwel waħda fl-1930, u sal-1932 ġew stazzjonati kważi 100 ħaddiem fis-sit kuljum.
Minkejja l-kundizzjonijiet fis-sit, baqgħu jżuruh riċerkaturi eminenti. Il-paleontologu Franċiż Pierre Teilhard de Chardin kien viżitatur regolari tas-sit mill-1926. L-arkeologu Franċiż Henri Breuil żar is-sit fl-1931 u kkonferma l-preżenza ta' għodod tal-ġebel. F'dik l-istess sena, l-evidenza tal-użu tan-nar fl-għar ġiet aċċettata.
Il-ħawtiel Black miet fl-uffiċċju tiegħu fl-1934, b'waħda mill-iskutelli ta' kranju li nstabet fis-sit fuq l-iskrivanija tiegħu. L-antropologu Lhudi Ġermaniż Franz Weidenreich ħadlu postu bħala d-direttur onorarju tal-laboratorju, u l-iskavi baqgħu għaddejjin, u nstabu tliet skutelli ta' kranji oħra fl-1936.
B'kollox, fl-iskavi nstabu 200 fossila umana minn iktar minn 40 individwu, inkluż 5 skutelli ta' kranji kważi sħaħ, qabel ma waqfu ħesrem fl-1937 minħabba l-invażjoni Ġappuniża taċ-Ċina. Fost ir-rapporti dwar l-atroċitajiet Ġappuniżi, hemm it-tortura u l-qtil tal-ħaddiema fis-sit, fejn tlieta nqatlu b'daqqiet ta' bajjunetti, u ieħor ġie mġiegħel jiġbed rickshaw sakemm miet bil-ġuħ.
Fl-1941, il-biċċa l-kbira tas-sejbiet intilfu waqt li suppost kienu qed jiġu ttrasportati lejn post sikur u qatt ma reġgħu nstabu. B'xorti tajba, Weidenreich kien għamel kopji tal-fossili biex jippreserva l-karatteristiċ fiżiċi tagħhom.
Skavi ta' wara l-gwerra
immodifikaIx-xogħlijiet tal-iskavi reġgħu bdew fl-1949, fejn instabu fossili ġodda tar-Raġel ta' Peking, inkluż 5 sinniet u frammenti ta' għadam tal-koxxa u tal-pexxun. Is-sena ta' wara, ġiet skoperta t-tielet darsa fil-materjal li kien intbagħat lura lejn Uppsala minn Zdansky fl-1921 u fl-1923.
Is-Sit tar-Raġel ta' Peking ġie ddeżinjat bħala "Sezzjoni tat-tip ta' depożiti fl-għerien tal-Plejstoċen Nofsani fit-Tramuntana taċ-Ċina" mill-Kungress Annwali tal-Kumitat Nazzjonali tal-Istratigrafija taċ-Ċina fl-1959, u nstab framment ta' mandibola.
Fl-iskavi mmexxija minn Pei fl-1966 instabu darsa u żewġ frammenti ta' kranju; wara ġie skopert li jaqblu mal-frammenti li kienu nstabu mill-iskavi preċedenti fl-1934 u fl-1936, u l-uniku eżempju eżistenti ta' skutella ta' kranju kważi sħiħa ġiet magħquda bħala ħaġa waħda.
Fl-iskavi fil-Lokalità 4 f'Zhoukoudian, li saru fl-1972–1973, instabet sinna ta' qabel id-dras ta' Homo sapiens.
Tekniki moderni tad-datazzjoni xjentifika jikkonfermaw li s-sit kien okkupat bejn 230,000 u 500,000 sena ilu.
Siti tal-iskavi
immodifikaSit tar-Raġel ta' Peking
immodifikaIl-Lokalità 1, magħrufa wkoll bħala s-Sit tar-Raġel ta' Peking, kienet l-ewwel waħda li ġiet skoperta fl-1921, taħt id-direzzjoni ta' bennejja lokali. Oriġinarjament is-sit kien għar naturali tal-ġebla tal-ġir, iżda s-saqaf tiegħu kien ilu li ċeda, u b'hekk infirex saff sħiħ ta' breccia u radam fuq id-depożiti. Skavi bikrin fl-1921 u fl-1923 żvelaw evidenza ta' abitazzjoni umana bejn 200,000 sa 500,000 sena ilu. L-għar ġie skavat mill-1927-1937, u nstabu 200 fossila umana (minn 40 individwu) identifikati bħala tal-Homo erectus, iktar minn 10,000 biċċa litika, diversi saffi ta' rmied li jindikaw l-użu tan-nar fost il-bnedmin primittivi, kif ukoll fossili ta' annimali minn 200 speċi separata. Il-biċċa l-kbira ta' dan il-materjal intilef fl-1941 matul l-okkupazzjoni Ġappuniża u qatt ma reġa' nstab. L-iskavi reġgħu bdew fl-1949 u baqgħu jinstabu fossili u artefatti, tant li dan is-sit huwa wieħed mill-iżjed sorsi ta' materjal mill-Plejstoċen Nofsani.
Total ta' 13-il saff ġew skavati fis-sit sa fond ta' kważi 40 metru.
Saff | Ħxuna | Konsistenza | Sejbiet |
---|---|---|---|
1-2 | 4 m | Breccia u travertin | Fossili u materjal litiku |
3 | 3 m | Breccia ħarxa u blokok tal-ġebla tal-ġir iffurmati biċ-ċediment tas-saqaf tal-għar | Kranju tar-Raġel ta' Peking (1966), fossili u materjal litiku |
4 | 6 m | Irmied u blokok tal-ġebla tal-ġir | Żona Kulturali ta' Fuq li kien fiha għadam maħruq, ġebel, fossili u materjal litiku |
5 | 1 m | Radam | Fossili u materjal litiku |
6 | 5 m | Breccia, blokok tal-ġebla tal-ġir u ħmieġ tal-jeni | Fossili u materjal litiku |
7 | 2 m | Ramel | Fossili u materjal litiku |
8-9 | 6 m | Breccia u rmied | Żona Kulturali t'Isfel li kien fiha l-biċċa l-kbira tal-fossili li ġew irkuprati tar-Raġel ta' Peking |
10 | 2 m | Laterit u rmied | Fossili u materjal litiku |
11 | 2 m | Breccia | L-ewwel kranju tar-Raġel ta' Peking (1929), fossili u materjal litiku |
12 | 2 m | Ramel aħmar | Fossili |
13 | 2 m | Silt & Hyena dung | Fossili u materjal litiku |
Permezz ta' skavi f'foss ta' prova ntwera li s-saffi ta' taħt dawn ta' hawn fuq ma kienx fihom fossili jew materjal litiku u qatt ma ġew skavati.
Xaqliba tal-LvantimmodifikaParti mis-Sit tar-Raġel ta' Peking, din ix-xaqliba ġiet skavata fl-1930–1958 u mill-ġdid fl-1978–1979 f'missjoni ta' riċerka multidixxiplinari. L-iskavi waslu sa fond ta' 7 metri qalb is-Saffi 3–6, u nstabu għodod tal-ġebel, għadam maħruq, irmied, u fossili ta' speċijiet ta' għasafar, rettili u mammiferi. |
Sala tal-ĦamiemimmodifikaIs-Sala tal-Ħamiem ingħatat isimha minħabba l-bosta ħamiem li kienu jżuruha, u ġiet ikkollegata mas-Sit tar-Raġel ta' Peking minn għadd ta' ħaddiema fl-1928. Fl-iskavi li saru mill-1930 sal-1931 instab ħafna għadam tar-Raġel ta' Peking (inkluż mandibola, klavikola u għadam parjetali), sinjali tal-użu tan-nar (inkluż stikka tal-injam tal-aħmar maħruqa), u għodod tal-ġebel tal-kwarz u tal-ġebel ramli aħdar. |
Għar ta' Fuq
immodifikaFil-parti ta' fuq tal-Għolja tal-Għadam tad-Draguni, fl-1930 ġie skopert l-Għar ta' Fuq, u ġie skavat fl-1933–1934, u matul dak iż-żmien is-saqaf u l-fetħa orjentata lejn it-Tramuntana tneħħew. Fl-iskavi nstabet evidenza ta' abitazzjoni umana fl-għar li tmur lura għal bejn 10,000 u 20,000 sena ilu. L-għar kien maqsum f'kwartieri tal-għajxien fin-naħa ta' fuq, u art funebri fin-naħa t'isfel, filwaqt li fetħa żgħira fin-naħa t'isfel kienet tintuża bħala nassa naturali għall-annimali. Fl-iskavi nstabu tliet kranji umani u fdalijiet oħra mill-inqas minn tmien individwi identifikati bħala Homo sapiens tal-perjodu Arkajku, għodod u ornamenti magħmulin mill-ġebel u mill-għadam, u ħafna għadam tal-annimali, inkluż skeletri sħaħ ta' mammiferi kbar li nqabdu fin-nassa tan-naħa t'isfel tal-għar. Barra minn hekk, trab abjad mifrux madwar il-fdalijiet fin-naħa t'isfel tal-għar indika li l-abitanti kienu jipprattikaw riti funebri.
Lokalitajiet oħra
immodifikaIktar minn 20 lokalità bil-fossili ġew skavati f'Zhoukoudian sa issa.
Lokalità 2immodifikaDan ix-xaqq mit-Tramuntana għan-Nofsinhar huwa mimli b'ħamrija ħamranija, u jmur lura għall-Plejstoċen Nofsani. L-iskavi li saru fl-1921 flimkien ma' dawk tas-Sit tar-Raġel ta' Peking żvelaw fossili ta' mammiferi, inkluż ta' ħamster, ta' rinoċeront u ta' jena Ċiniża. Lokalità 3immodifikaDan ix-xaqq mil-Lvant għall-Punent ġie skopert fl-1927, huwa mimli bil-breccia, u jmur lura għall-aħħar tal-Plejstoċen Nofsani. L-iskavi fl-1933 żvelaw fossili ta' mammiferi, inkluż ta' porkuspin, ta' kelb raccoon u ta' baġer. Lokalità 4immodifikaDan ix-xaqq mit-Tramuntana għan-Nofsinhar ġie skopert fl-1927, huwa mimli b'tafal ramli safrani, u jmur lura għall-aħħar tal-Plejstoċen Nofsani. Fl-iskavi tal-1937–1938 instab materjal litiku, għadam u żrieragħ maħruqin (li jindikaw l-użu tan-nar mill-bnedmin primittivi), u fossili ta' xakalli u ta' ċriev. Skavi oħra fl-1973 żvelaw sinna umana ta' qabel id-dras u l-fdalijiet fossilizzati ta' 40 speċi ta' mammiferi, inkluż ta' makakk, ta' ħanżir, ta' ors u ta' żiemel. Depożitu ta' FuqimmodifikaDan id-depożitu, li jinsab 60 metru 'l fuq mill-baċir tax-xmara, huwa mimli b'saffi tar-ramel u taż-żrar, u jmur lura għall-aħħar tal-Plioċen Bikri. Skavi mill-1937 sal-1938 żvelaw fossili ta' mammiferi inkluż ta' żibett u ta' far tal-bambù. Għar ĠdidimmodifikaDan l-għar ġie skopert fl-1967 u huwa kkollegat mal-Lokalità 4 fin-Nofsinhar tiegħu. Id-depożiti ffurmati permezz tas-sedimentazzjoni idrostatika f'kundizzjonijiet ta' ilma staġnat ma kien fihom l-ebda fossila jew artefatt relatat mal-bniedem. |
Lokalità 12immodifikaDan il-foss b'għamla ta' kolonna ġie skopert fl-1933, meta kienu qed isiru l-iskavi fil-Lokalità 3. Dan il-foss huwa mimli b'radam ħamrani, u jmur lura għall-aħħar tal-Plejstoċen Bikri. L-iskavi żvelaw il-fossili ta' 22 speċi ta' mammiferi, inkluż ta' tigra tan-nejbiet twal u ta' primat estint. Lokalità 13immodifikaDan ix-xaqq f'tumbata tal-ġebla tal-ġir xi kilometru fin-Nofsinhar tas-Sit tar-Raġel ta' Peking imur lura għall-bidu tal-Plejstoċen Nofsani u huwa l-iżjed sit bikri bi fdalijiet kulturali li ġie skavat sa issa f'Zhoukoudian. L-iskavi tat-tafal ramli fuq qiegħ irqiq madwar 50 metru 'l fuq mill-baċir tax-xmara żvelaw artefatti tal-ġebel, irmied u għadam maħruq, kif ukoll 36 speċi ta' għadam fossilizzati ta' mammiferi, inkluż ta' ċerva ġganteska tax-xedaq kbir u ta' tigra tan-nejbiet kbar. Lokalità 14immodifikaDan l-għar dejjaq tal-ġebla tal-ġir, 1.5 kilometru (0.93 mili) fin-Nofsinhar tas-Sit tar-Raġel ta' Peking imur lura għall-boidu tal-Plijoċen, u fih instabu wħud mill-eqdem fossili ta' Zhoukoudian, li jmorru lura 5 miljun sena. Mill-iskavi li saru fl-1933, fl-1951 u fl-1953 tal-ġebel ramli fuq saff irqiq madwar 70 metru 'l fuq mill-baċir tax-xmara nstabu iktar minn 600 fossila ta' ħut kważi sħaħ ta' erba' speċijiet differenti, tnejn minnhom estinti. Lokalità 15immodifikaDan is-sit relattivament mhux daqstant tal-qedem ġie skopert fl-1932 u jmur lura għal madwar 100,000 sa 200,000 sena ilu. Mill-iskavi li saru fl-1934–1935 ġew żvelati tliet saffi; saff ta' fuq ta' loess u ta' radam tal-ġebla tal-ġir; saff nofsani bl-irmied, bil-materjal litiku, bl-għadam maħruq u biż-żrieragħ tal-frott artab; u saff t'isfel tat-tafal aħmar, bil-materjal litiku u bil-fossili tal-għasafar u tal-mammiferi, inkluż ta' rinoċeront sufi, ta' ċerva ġganteska u ta' għażżiela. Dan is-sit għadu qed jiġi skavat bir-reqqa. |
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ "Zhoukoudian Peking Man Site". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-20.
- ^ Climatic cycles investigated by sediment analysis in Peking Man’s Cave, Zhoukoudian, China., Zhou, C., Lui, Z., Wang, Y.; Journal of Archaeological Science 27, 2000, pp. 101-109.
- ^ Encyclopedia of Prehistory: Volume 3: East Asia and Oceania, Chuan Kun Ho; Human Relations Area Files, Inc., 2001, p. 352.
- ^ “Middle Pleistocene climate and habitat change at Zhoukoudian, China, from the carbon and oxygen isotopic record from herbivore tooth enamel”, Gaboardia, Deng and Wang, Quaternary Research 63, 2005, p. 331.