Sit ta' Wirt Industrijali ta' Rjukan-Notodden
Is-Sit ta' Wirt Industrijali ta' Rjukan-Notodden huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-kontea ta' Vestfold u Telemark, in-Norveġja, li nħoloq biex jiġi protett il-pajsaġġ industrijali madwar il-Lag ta' Heddalsvatnet u l-Wied ta' Vestfjorddalen. Il-pajsaġġ huwa ċċentrat fuq l-impjant li nbena mill-kumpanija Norsk Hydro għall-produzzjoni tal-fertilizzanti tan-nitrat tal-kalċju min-nitroġenu atmosferiku permezz tal-proċess ta' Birkeland-Eyde. Il-kumpless jinkludi wkoll l-impjanti tal-enerġija idroelettrika, il-linji ferrovjarji, il-linja tat-trażmissjoni, il-fabbriki, l-akkomodazzjoni tal-ħaddiema u l-istituzzjonijiet soċjali fl-irħula ta' Notodden u Rjukan.
Dan is-sit, flimkien mas-Sit ta' Wirt Industrijali ta' Odda-Tyssedal, tqiegħed fost il-lista ta' siti indikattivi tan-Norveġja fid-19 ta' Ġunju 2009. Fil-5 ta' Lulju 2015, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Ambitu
immodifikaIs-sit ta' wirt industrijali ta' Rjukan-Notodden huwa estiż mil-Lag ta' Møsvatn sa Notodden, u jinkludi 97 struttura diskreta li jitqiesu li huma sinifikanti kulturalment.[2] Eżempji notevoli ta' dawn l-istrutturi huma l-Linja Ferrovjarja ta' Rjukan u l-Linja Ferrovjarja ta' Tinnoset, żewġ linji ferrovjarji bil-kollegamenti rispettivi tagħhom. L-irħula bil-fabbriki mibnija minn Tinfos u Norsk Hydro jinkludu wkoll id-djar u binjiet oħra.[3]
Storja
immodifikaProċess ta' Birkeland-Eyde
immodifikaFil-bidu tas-seklu 20, in-Norveġja rnexxielha tisfrutta d-disponibbiltà ġeografika ta' enerġija idroelettrika bl-irħis biex tibda l-iżvilupp industrijali. Ir-reġjun ta' Telemark b'popolazzjoni żgħira u sparpaljata għamel tranżizzjoni minn żona primarjament agrikola għal ċentru industrijali li kien jeħtieġ żvilupp industrijali qawwi. Sabiex tappoġġa t-tkabbir agrikolu, in-Norveġja kellha bżonn kwantitajiet kbar ta' fertilizzanti. Is-soluzzjoni komuni kienet in-nitrat tas-sodju, li kien jiġi estratt fil-minjieri.
Il-komponent industrijali prinċipali tas-sit ta' Rjukan-Notodden huma l-faċilitajiet li nħolqu għall-produzzjoni tal-fertilizzanti permezz tal-iffissar tan-nitroġenu. Il-proċess ta' Birkeland-Eyde, imsemmi għax-xjenzat Kristian Birkeland (1867-1917) u għall-industrijalista Sam Eyde (1866-1940), kien jippermetti l-produzzjoni fuq skala industrijali tan-nitrat maħsub għall-fertilazzanti. Kien juża forn bl-ark elettriku biex jinħoloq l-ossidu nitriku permezz tas-sħana. Inizjalment il-proċess ġie ttestjat fl-Università Rjali ta' Federiku, li issa jisimha l-Università ta' Oslo.
Żvilupp tal-proċess
immodifikaMeta l-kapaċità tal-produzzjon tal-enerġija tal-Università Rjali ta' Federiku ma kinitx suffiċjenti, l-esperimenti minflok kienu jsiru f'imħażen f'Kristiania, lil hinn mis-sit. F'Ottubru 1903, l-esperimenti reġgħu saru fl-Impjant tal-Ittestjar ta' Ankerløkken f'Maridalen, fejn setgħu jiġu ġġenerati mill-Impjant tal-Enerġija Idroelettrika ta' Hammeren. Ir-rilokazzjoni finali tal-fażi sperimentali kienet lejn Vassmoen, ħdejn Arendal, fejn ġew żviluppati l-ewwel fran bl-ark b'kapaċità industrijali. Wara t-tlestija tiegħu, il-proċess ġie ppreżentat minn Otto Nikolaus Witt fl-Università Teknika ta' Berlin, il-Ġermanja, fit-18 ta' Novembru 1905. Fil-5 ta' Diċembru 1905, Kristian Birkeland ta lekċer dwar il-proċess fl-Akkademja Norveġiża tal-Arti u x-Xjenza, filwaqt li Sam Eyde ta lekċer fis-Soċjetà Polteknika Norveġiża.
Trasferiment lejn Notodden
immodifikaWara li ħolqu proċess adegwat, Birkeland u Eyde stabbilew in-Norsk Hydro-Elektrisk Kvælstofaktieselskab (litteralment il-"Kumpanija Idroelettrika Konġunta Norveġiża tan-Nitroġenu) biex jiġi kkummerċjalizzat. Dan il-proġett ġie ffinanzjat parzjalment mill-familja Wallenberg, li kienet familja Żvediża influwenti. Norsk Hydro daħlet fi ftehim ukoll mal-Banque de Paris et des Pays-Bas S.A. fl-1905.
Sakemm Norsk Hydro żgurat il-finanzjament, uħud mill-fran bl-ark ta' Birkeland diġà kienu preżenti fil-faċilità ta' Notodden, imħaddmin permezz tal-Impjant tal-Enerġija Idroelettrika ta' Tinfos I. Dan l-impjant inkera mill-kumpanija Tinfos AS. Ir-riċerkaturi ttrasferew il-forn bl-ark f'Vassmoen lejn is-sit ta' Notodden sabiex jittestjaw l-effett tal-enerġija elettrika fuq ir-rendiment tal-fertilizzanti. Wara li ddeterminat liema tip ta' forn kien l-aqwa wieħed għall-produzzjoni tal-massa, il-kumpanija preċedenti ta' Eyde, Elkem, ħadet il-kontroll tal-fabbrika f'idejha.
Svælgfos I u II
immodifikaBejn l-1906 u l-1907, saru tħejjijiet biex il-produzzjoni titkabbar, u għaldaqstant kienet meħtieġa iktar enerġija. Sa dak iż-żmien, Norsk Hydro kienet kapaċi tibni l-impjant tal-enerġija tagħha stess fejn il-Kaskata ta' Svelgfossen, magħruf bħala Svælgfos I. Il-fluss tal-ilma eċċessiv disponibbli ppermetta l-kostruzzjoni ta' impjant ta' riżerva, magħruf bħala Svælgfos II. Svælgfos I kien it-tieni l-ikbar impjant tal-enerġija idroelettrika fid-dinja dak iż-żmien, wara l-Impjant tal-Enerġija ta' Edward Dean Adams fil-Kaskati ta' Niagara. Fl-ewwel snin tal-impjant, l-għeluq tal-impjant kien xi ħaġa komuni minħabba ħruq fil-ġeneraturi. B'hekk, l-inġiniera elettriċi bl-esperjenza rigward il-ġeneraturi f'Pariġi, f'Amburgu, u fil-Messiku ġew ikkonsultati. Dawn l-individwi kienu wħud mill-uniċi fid-dinja li kellhom esperjenza rigward impjanti tal-enerġija ta' daqs komparabbli. Ġie ddeterminat li l-problemi esperjenzati mill-impjanti ta' Svælgfos seħħew minħabba li l-materjali tal-iżolament kienu qed jinħarqu f'temperaturi għoljin minħabba problema ta' manifattura. Impjant li jilqa' għas-sajjetti nbena biex jagħmel tajjeb għal din il-problema. Svælgfos I u II, flimkien mal-Impjant tal-Enerġija ta' Lienfoss, iktar 'il quddiem ġew magħqudin flimkien f'impjant tal-enerġija uniku li għadu operattiv.[4]
Vemork
immodifikaL-Impjant tal-Enerġija Idroelettrika ta' Vemork ġie ddisinjat minn Olaf Nordhagen, li kien influwenzat mill-arkitettura Norveġiża tradizzjonali. Meta tlesta fl-1911, kien l-ikbar impjant tal-enerġija idroelettrika fid-dinja. L-Impjant ta' Vemork huwa famuż l-iktar għall-prossimità tiegħu mal-avvenimenti tal-Operazzjoni Gunnerside, fejn impjant tal-idroġenu fil-qrib, magħruf bħala Vannstoffen (litteralment "Idroġenu") sarlu sabotaġġ (minħabba l-produzzjoni tal-ilma tqil tiegħu li kien jintuża fl-isperimentazzjoni atomika) minn grupp ta' partiġjani Norveġiżi li inizjalment kien ħarbu min-Norveġja meta kienet okkupata min-Nażisti. Illum il-ġurnata, il-binja tal-Impjant tal-Enerġija ta' Vemork jospita l-Mużew tal-Ħaddiema Industrijali Norveġiżi, fejn il-ġeneraturi idroelettriċi għadhom viżibbli.
Rwol fl-iżvilupp dinji tal-fertilizzanti
immodifikaFl-1909, Fritz Haber skopra proċess ġdid għall-produzzjoni ta' fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu. B'kooperazzjoni mal-kumpanija Ġermaniża tas-sustanzi kimiċi BASF, Carl Bosch kellu l-kompitu li jimplimenta dan il-proċess fuq skala kummerċjali.[5] Fl-1913, Norsk Hydro kellha l-fakultà li tilliċenzja l-proċess ta' Haber-Bosch, iżda ddeċidiet li ma tagħmilx dan. Norsk Hydro ġiet ikkuntattjata mill-ġdid fl-1920 sabiex jintuża l-proċess ta' Haber-Bosch; din id-darba mill-gvern Franċiż, li kien kisibha bħala parti minn saldu wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Minflok, Norsk Hydro ppruvat tiżviluppa alternattiva vijabbli għall-metodu ta' Haber-Bosch li kellu juża pressjoni iktar baxxa għall-produzzjoni tal-ammonijaka. Dan it-tentattiv ma rnexxiex, u l-proġett twarrab fl-1924. Norsk Hydro eventwalment bdiet tuża l-proċess ta' Haber-Bosch fl-1927, b'kollaborazzjoni ma' IG Farben. L-impjanti reġgħu bdew jużaw il-Proċess ta' Odda fis-snin 30 tas-seklu 20.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIs-Sit ta' Wirt Industrijali ta' Rjukan-Notodden ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Ara wkoll
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Rjukan-Notodden Industrial Heritage Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-24.
- ^ "Rjukan-Notodden Industriarv - Norges Verdensarv". www.norgesverdensarv.no. Miġbur 2023-08-24.
- ^ "Notodden kommune". Notodden kommune (bin-Norveġiż). Miġbur 2023-08-24.
- ^ "Svelgfoss - Skagerak Kraft". www.skagerakkraft.no (bl-Ingliż). 2019-05-03. Miġbur 2023-08-24.
- ^ "Fertilizer History: The Haber-Bosch Process". www.tfi.org (bl-Ingliż). 2014-11-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-01. Miġbur 2023-08-24.