Sinagoga Antika (Erfurt)
Is-Sinagoga Antika (bil-Ġermaniż: Alte Synagoge) f'Erfurt, il-Ġermanja, hija waħda mill-iżjed sinagogi Medjevali ppreservati sew fl-Ewropa, u l-iżjed partijiet antiki tagħha jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 11. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet tal-binja jmorru lura għall-ħabta tal-1250-1320. Minħabba l-fatt li s-saqaf tagħha għadu sħiħ, huwa maħsub li hija l-eqdem binja ta' sinagoga intatta fl-Ewropa u fid-dinja.
Mill-2009 bdiet tintuża bħala mużew tal-istorja Lhudija lokali. Il-mużew jospita t-Teżor ta' Erfurt, li huwa magħmul minn għadd kbir ta' muniti Medjevali, oġġetti tal-arġentiera (tad-deheb) u ġojjellerija, li nstab fl-1998. Fih ukoll repliki tal-Manuskritti ta' Erfurt bl-Ebrajk, li huma kollezzjoni importanti ta' testi reliġjużi tas-sekli 12-14 tal-komunità Lhudija Medjevali ta' Erfurt.[1]
Il-proġett tas-Sinagogi Storiċi tal-Ewropa, li twettaq miċ-Ċentru għall-Arti Lhudija fl-Università Lhudija ta' Ġerusalemm, wassal biex is-Sinagoga Antika ta' Erfurt tingħata klassifikazzjoni tal-ogħla livell ta' importanza: 4 (Internazzjonali) – "Il-binja hija ta' importanza arkitettonika, urbana jew storika straordinarja. Għandha karatteristiċi uniċi u/jew hija partikolarment influwenti internazzjonalment bħala mudell arkitettoniku".[2][3]
Fl-2023, is-Sinagoga Antika ta' Erfurt tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' siti Lhud Medjevali oħra f'Erfurt.[4]
Storja u preservazzjoni
immodifikaL-eqdem partijiet tal-binja ġew datati permezz tad-dendrokronoloġija li jmorru lura għall-1094. Fis-seklu 12 kien hemm it-tieni fażi ta' kostruzzjoni, li minnha ġiet ippreservata parti mill-ħajt tal-Punent, b'tieqa tal-ġebel ramli b'arkata doppja.
Għall-ħabta tal-1270 inbniet sinagoga ikbar li kienet tinkorpora partijiet mill-binja preċedenti. Il-faċċata tal-Punent, b'ħames twieqi ppuntati u tieqa b'rużun kbir, tmur lura għal dak iż-żmien. Fil-bidu tas-seklu 14, ġiet estiża u żdied sular ieħor.
Wara l-Massakru ta' Erfurt tal-1349, fejn il-popolazzjoni Lhudija nqatlet jew tkeċċiet mill-belt, is-sinagoga ġarrbet xi ħsarat. Il-belt ta' Erfurt ħadet is-sjieda tal-binja u iktar 'il quddiem bigħet il-binja lil merkant lokali. Il-binja ġiet ikkonvertita f'maħżen u taħtha nbniet kantina bil-volti. L-alterazzjonijiet li saru bidlu b'mod konsiderevoli l-binja minn ġewwa. Il-binja baqgħet tintuża għall-ħżin tal-oġġetti għal 500 sena.
Mis-seklu 19, il-binja ntużat b'diversi modi u f'perjodi differenti kellha sala taż-żfin, ristorant u saħansitra żewġ korsiji tal-bowling. Dawn il-bidliet, flimkien mal-bidliet fil-binjiet tal-madwar, wasslu biex is-Sinagoga Antika, li tinsab fuq in-naħa ta' wara ta' sqaq dejjaq, kważi ntesiet għalkollox. L-istorja tagħha ma kinitx rikonoxxuta, u b'hekk dan għen biex tibqa' protetta matul il-perjodu Nażista.
L-interess fil-binja feġġ lejn l-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 19. L-istoriku arkitettoniku Elmar Altwasser beda jwettaq ir-riċerka dwarha fl-1992. Il-Kunsill tal-Belt ta' Erfurt xtara l-proprjetà fl-1998 u wettaq riċerka estensiva u kkonservaha.
Fl-2007 l-arkeologi skoprew banju ritwali Lhudi jew mikveh ippreservat tajjeb ħafna, li jmur lura għall-ħabta tal-1250, mhux wisq 'il bogħod mis-Sinagoga Antika, qrib il-Pont tal-Merkanti (bil-Ġermaniż: Krämerbrücke) ta' Erfurt.[5] Il-mikveh sar aċċessibbli għall-viżitaturi permezz ta' żjarat iggwidati minn Settembru 2011.[6]
Fl-2015, is-Sinagoga Antika, il-Mikveh u d-"Dar tal-Ġebel", binja lajka tal-ħabta tal-1250 fiċ-ċentru storiku Medjevali ta' Erfurt b'sjieda Lhudija,[7] ġew innominati flimkien bħala sit indikattiv u fl-2023 saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]
Mużew
immodifikaIs-Sinagoga Antika nfetħet bħala mużew fis-27 ta' Ottubru 2009.
Il-mużew jospita b'mod permanenti t-Teżor ta' Erfurt, ġabra ta' 3,141 munita tal-fidda, li jiżnu 24 kilogramma (53 libbra), u iktar minn 700 oġġett tal-arġentiera (tad-deheb) u ġojjellerija li huwa maħsub li kienu tal-Lhud, li ħbewhom għall-ħabta tal-Massakru ta' Erfurt fl-1349. Il-kollezzjoni, li tiżen kważi 30 kilogramma (66 libbra) b'kollox, instabet fl-1998 fil-ħajt ta' dar f'Michaelisstraße 43, f'kwartier Lhudi Medjevali, qrib is-Sinagoga Antika. It-teżor ġie espost għall-wiri f'Berlin, f'Pariġi, f'Londra, fi New York u f'Tel Aviv.[8]
Il-mużew fih ukoll repliki tal-Manuskritti ta' Erfurt bl-Ebrajk, li huma kollezzjoni ta' testi reliġjużi sinifikanti li jmorru lura għas-sekli 12-14. Spiċċaw għand il-Kunsill tal-Belt ta' Erfurt wara l-Massakru ta' Erfurt, u fl-aħħar tas-seklu 17 spiċċaw fil-librerija tal-Ministeru Evanġeliku Luteran, fl-eks monasteru Wistinjan ta' Erfurt. Il-Ministeru bigħ il-kollezzjoni lil-Librerija Rjali f'Berlin, li llum il-ġurnata hija l-Librerija Statali ta' Berlin, fl-1880, fejn issa jinżammu d-dokumenti oriġinali.
Tosefta ta' Erfurt
immodifikaWieħed mill-Manuskritti ta' Erfurt huwa t-Tosefta, li huwa parti minn kompilazzjoni ta' dritt bil-fomm, jew Torah orali, attribwit lil studjużi Lhud imsejħa tannaim, li fil-biċċa l-kbira għexu fil-Palestina mill-ħabta tas-sena 0 sal-ħabta tal-200 W.K.[9] Mhux l-istudjużi kollha jaqblu, iżda b'mod ġenerali huwa maħsub li t-test jipprovdi interpretazzjoni ta' sezzjonijiet mhux ċari tal-Mishnah, il-ktieb primarju tat-teorija tad-dritt Lhudi fil-Ġudaiżmu.[10][11]
It-Tosefta qajla kienu jiġu kkopjati, u t-Tosefta ta' Erfurt tas-seklu 12 huwa l-eqdem mit-tliet manuskritti magħrufa tat-Tosefta. It-tnejn l-oħra huma t-Tosefta ta' Vjenna tal-aħħar tas-seklu 13, miżmum mil-Librerija Nazzjonali Awstrijaka, u t-Tosefta ta' Londra tas-seklu 15, miżmum mil-Librerija Brittanika.[12]
Moses Samuel Zuckermandl (magħruf ukoll bħala Zuckermandel) kien l-ewwel wieħed li saħaq dwar l-importanza tat-Tosefta ta' Erfurt fl-istudju ewlieni tiegħu dwaru, li ġie ppubblikat bil-Ġermaniż fl-1876.[13]
Sinagogi oħra f'Erfurt
immodifikaIs-Sinagoga ż-Żgħira (bil-Ġermaniż: Kleine Synagoge) ta' Erfurt inbniet fl-1840 u baqgħet tintuża sal-1884. Ġiet irrestawrata fl-1998 u issa tintuża bħala post fejn isiru l-avvenimenti. Il-binja għandha faċċata u intern influwenzati mill-Klassiċiżmu.[14]
Fl-1884, il-komunità Lhudija bniet is-Sinagoga l-Kbira (bil-Ġermaniż: Große Synagoge), binja mill-isbaħ tar-Rinaxximent tal-istil tal-Għarab Iberiċi. Din inqerdet mill-irvelli Nażisti tal-Kristallnacht fil-lejla bejn id-9 u l-10 ta' Novembru 1938.[15]
Fl-1947, is-sit tas-Sinagoga l-Kbira, li kien ġie kkonfiskat min-Nażisti, ġie rritornat lill-komunità Lhudija mill-Kunsill tal-Belt ta' Erfurt. Is-Sinagoga l-Ġdida (bil-Ġermaniż: Neue Synagoge), li nbniet fis-sit tas-sinagoga ta' qabel, infetħet fil-31 ta' Awwissu 1952. Il-binja l-ġdida ġiet iffinanzjata mill-gvern u kienet l-unika sinagoga ġdida għalkollox li nbniet fil-pajjiż.[16]
Is-Sinagoga l-Ġdida għadha tintuża għall-qima sal-lum mill-komunità Lhudija ta' Erfurt. Il-binja ngħatat in-nar minn grupp ta' Neo-Nażisti f'April 2000.[17]
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Wirt Lhudi Medjevali ta' Erfurt ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Referenzi
immodifika- ^ "History of the Old Synagogue". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2014-05-01. Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Erfurt Treasure". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2017-08-09. Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Erfurt Hebrew Manuscripts". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2014-05-01. Miġbur 2023-10-04.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Jewish-Medieval Heritage of Erfurt". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-04.
- ^ "A Rare Find – DW – 04/12/2007". dw.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Medieval Mikveh". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2017-05-30. Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Stone House". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2016-05-06. Miġbur 2023-10-04.
- ^ Kostbar und weltberühmt: Der echte Schatz in Amtsblatt der Landeshauptstadt Erfurt, 2018.
- ^ "Tosefta | Oral Law, Mishnah, Halakha | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Erfurt Collection". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2014-05-01. Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Mishnah and Tosefta" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-04.
- ^ Stephen G. Wald (2007) Tosefta in Encyclopaedia Judaica (Vol. 20) Detroit: Macmillan Reference US. pp. 70-72.
- ^ Zuckermandel, M. S. (1876) Die Erfurter Handschrift der Tossefta: Beschrieben und geprüft von Dr. M. S. Zuckermandel, Berlin: Louis Gerschel Verlagsbuchhandlung.
- ^ "Small Synagogue". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2018-04-12. Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Great Synagogue". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2016-10-27. Miġbur 2023-10-04.
- ^ "New Synagogue". Jüdisches Leben (bl-Ingliż). 2017-04-28. Miġbur 2023-10-04.
- ^ By (2000-04-25). "NEO-NAZI CHARGED IN FIRE IN GERMAN SYNAGOGUE" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-04.