Shahr-e Sukhteh

sit arkeoloġiku fil-Provinċja ta' Sistan u ta' Baluchistan, l-Iran

Shahr-e Sukhteh (bil-Persjan: شهر سوخته; spelluta wkoll bħala Shahr-e Sūkhté jew Shahr-i Sōkhta; tfisser "Belt Maħruqa") hija sit arkeoloġiku ta' insedjament urban imdaqqas ta' Żmien il-Bronż, għall-ħabta tat-3550-2300 Q.K.,[1] li huwa assoċjat mal-kultura ta' Helmand. Jinsab fil-Provinċja ta' Sistan u ta' Baluchistan, fix-Xlokk tal-Iran, max-xatt tax-xmara Helmand, qrib it-triq bejn Zahedan u Zabol. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Ġunju 2014.[2][3]

Shahr-e Sukhteh.

Ir-raġunijiet marbuta mal-istabbiliment u mal-waqgħa mhux mistennija tal-belt għadhom misteru. L-artefatti li nstabu mill-belt juru distakk partikolari miċ-ċivilizzazzjonijiet fil-qrib ta' dak iż-żmien u ġie spekulat li Shahr-e Sukhteh fl-aħħar mill-aħħar jaf tipprovdi evidenza konkreta ta' ċivilizzazzjoni fil-Lvant tal-Persja preistorika li kienet indipendenti u mhix marbuta mal-Mesopotamja tal-qedem.

Arkeoloġija

immodifika
 
Tavli Proto-Elamiti minn Shahr-e Sukhteh.

Is-sit arkeoloġiku ġie skopert u investigat minn Aurel Stein fil-bidu tas-seklu 20.[4][5]

Mill-1967, is-sit ġie skavat minn tim tal-Istitut Taljan għall-Afrika u għal-Lvant (IsIAO) immexxi minn Maurizio Tosi. Dak ix-xogħol baqa' għaddej sal-1978.[6][7][8] Wara distakk, ix-xogħol fis-sit tkompla minn tim mill-Organizzazzjoni Iranjana għall-Wirt Kulturali u t-Turiżmu mmexxi minn S.M.S. Sajjadi.[9][10] Minn żmien għal żmien jiġu rrapportati skoperti ġodda.[11]

Il-biċċa l-kbira tal-materjal skopert imur lura għall-perjodu għall-ħabta tal-2700-2350 Q.K. L-iskoperti jindikaw li l-belt kienet ċentru tar-rotot kummerċjali li kienu jikkollegaw il-Mesopotamja u l-Iran maċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Indus.

Kien maħsub li s-sit ikopri erja ta' 151 ettaru (370 akru) iżda issa d-daqs ġie stabbilit għal 200 ettaru (490 akru).[12] L-erja mibnija massima kienet ta' madwar 120 ettaru. Shahr-e Sukhteh kienet waħda mill-ikbar bliet fid-dinja fil-bidu tal-era urbana. Tinsab qrib it-tarf tal-Lvant ta' dak li issa huwa d-Deżert ta' Lut, wieħed mill-iżjed postijiet sħan fid-Dinja. Il-klima kienet ferm iktar akkoljenti fi żmien il-qedem, meta l-Lag ta' Hamun, li qribu kienet tinsab il-belt, kien ferm ikbar, u kien hemm ħafna mraġ fl-inħawi. Barra minn hekk, Dahan-e Gholaman (550 Q.K.-330 Q.K.), ċentru Akemenid u sit arkeoloġiku ewlieni, jinsab 50 kilometru biss lejn il-Grigal.[13]

Fil-parti tal-Lbiċ ta' Shahr-e Sukhteh hemm ċimiterju enormi ta' 25 ettaru (62 akru). Fih bejn 25,000 u 40,000 qabar tal-qedem.[14][15]

 
Id-daħla tal-Belt Maħruqa.

L-insedjament tfaċċa għall-ħabta tat-3550 Q.K.[16] Skont lekċer ta' Massimo Vidale fl-2021, il-belt kellha erba' stadji ta' ċivilizzazzjoni u nħarqet tliet darbiet qabel ma ġiet abbandunata għalkollox. Dan l-abbandun qabel kien maħsub li seħħ għall-ħabta tal-1800 Q.K. mill-missjoni arkeoloġika Taljana ta' hemmhekk, iżda riċerka bbażata fuq kampjuni kalibrati tar-radjokarbonju fis-sit fil-qrib ta' Tappeh Graziani, minn ta' missjoni ta' arkeologi Taljani u Iranjani mmexxija minn Barbara Helwing u Hassan Fazeli Nashli, uriet li s-sit ġie abbandunat għall-ħabta tal-2350 Q.K.[17] Dan l-abbandun issa jitqies li seħħ għall-ħabta tal-2300 Q.K., u sekwenza kronoloġika u stratigrafika ġdida fl-iskavi li saru wara f'Shahr-e Sukhteh (2018-2019), ippubblikata fl-2022, ibbażata fuq iż-żoni 26, 33, 35 u 36 turi dan li ġej:[18]

Perjodu Dati Daqs tal-insedjament Fażi
IA 3550–3350 Q.K. 10-9
IB 3350–3100 Q.K. bejn 10.5 ettari u 15.5-il ettaru[19] 8
IC 3100–3000 Q.K. 7
IIA 3000–2850 Q.K. 6A-B
IIB 2850–2620 Q.K. 80 ettaru[20] 5A-B
IIC 2620–2600 Q.K. 4
IIIA 2600–2450 Q.K. 80 ettaru 3
IIIB 2450–2400 Q.K. 2
IV 2400–2300 Q.K. 1
GAP 2300–2100 Q.K.
V 2100–2000 Q.K. 0

Perjodu I

immodifika
 
Vażun taċ-ċeramika ta' Żmien il-Bronż, għall-ħabta tal-2600-2400 Q.K.

Matul il-Perjodu I, (għall-ħabta tat-3550–3000 Q.K.), Shahr-e Sukhteh diġà kellu rabtiet sfiqa mas-siti fin-Nofsinhar tat-Turkmenistan, mar-reġjun ta' Kandahar tal-Afganistan, kif ukoll mal-Wied ta' Quetta u mal-Wied ta' Bampur fl-Iran. Barra minn hekk, hemm rabtiet mal-bliet Proto-Elamiti ta' Ḵuzestān u ta' Fārs.

Il-bċejjeċ tal-fuħħar ta' dan il-perjodu, fil-Fażijiet 10, 9 u 8, tipikament fihom kuluri b'żebgħa ċara għall-korp tal-oġġetti u tiżjin rikk simili ħafna għal dak li nstab fuq il-bċejjeċ taċ-ċeramika ta' Mundigak III u tal-Lvant ta' Baluchistan (b'mod partikolari tal-Wied ta' Quetta), u karatteristiċi dekorattivi simili għall-bċejjeċ taċ-ċeramika ta' Namazga III. F'dan il-perjodu wkoll, tfaċċaw oġġetti llostrati bi strixxi griżi, l-istess bħal f'Tepe Yahya IVC (għall-ħabta tat-3400–3000 Q.K.), u f'Tepe Yahya IVB6, kif ukoll frammenti ta' bċejjeċ polikromatiċi tal-fuħħar ta' Nal.

Għall-ħabta tat-3000 Q.K., il-produtturi tal-bċejjeċ tal-fuħħar f'Shahr-e Sukhteh irriproduċew stili tal-bċejjeċ taċ-ċeramika mit-Turkmenistan, li jinsab 750 kilometru lejn it-Tramuntana, u bċejjeċ oħra taċ-ċeramika ġew importati miż-żona Pakistana ta' Kech-Makran u miż-żona Iranjana ta' Balochistan, madwar 400-500 kilometru lejn in-Nofsinhar, flimkien ma' bċejjeċ taċ-ċeramika mir-reġjun ta' Mundigak (Kandahar) fl-Afganistan, madwar 400 kilometru lejn il-Lvant.

Fl-aħħar tal-Fażi 7, għall-ħabta tat-3000 Q.K., il-biċċa l-kbira tal-belt inqerdet minn nar; b'mod partikolari ż-Żona Residenzjali tal-Lvant u l-Kwartieri Ċentrali li kellhom "kmamar bil-ġibs maħruq, mimlijin irmied u fdalijiet maħruqa tax-xorok tas-saqaf".

Perjodu II

immodifika
 
Ġarra polikromatika ta' Żmien il-Bronż, għall-ħabta tal-2600-2400 Q.K.

Matul il-Perjodu II (għall-ħabta tat-3000–2600 Q.K.), Shahr-e Sukhteh kienet f'kuntatt ukoll maċ-ċentri pre-Harappani tal-Wied tal-Indus, u l-kuntatti mal-Wied ta' Bampur komplew. Matul il-Fażi 6 ta' dan il-perjodu, l-insedjament ġie rikostruwit, għalkemm xi djar li kienu nqerdu ma reġgħux inbnew. Skavi reċenti li saru minn Enrico Ascalone, fiż-Żona 33 ta' Shahr-e Sukhteh, juru li l-hekk imsejħa "Dar tal-Arkitett" u l-Binja tal-Lvant imorru lura għal saff tar-radjokarbonju tat-3000 sal-2850 Q.K.

Il-fdalijiet tal-binja msejħa "Dar tal-Qrati" ġew datati bir-radjokarbonju mill-arkeologu Ascalone u jmorru lura għall-2850-2620 Q.K., u s-saff 2 suċċessiv ġie kkunsidrat minnu li kien "okkupazzjoni abużiva" fiż-Żona 33, b'datazzjoni bir-radjokarbonju għall-2620-2600 Q.K. Madankollu, skont l-arkeologu Sajjadi, is-sit kollu ta' Shahr-e Sukhteh f'dan il-perjodu kien fih kważi 80 ettaru (200 akru). X'aktarx li l-kuntatti ma' Mundigak kienu attivi f'dan il-perjodu u mill-minjieri ta' Badakshan, il-lapiz lazuli kien jasal f'Shahr-e Sukhteh qabel ma jgħaddi minn Mundigak, u r-relazzjonijiet taż-żewġ insedjamenti wasslu biex l-istudjużi jitkellmu dwar Ċivilizzazzjoni (jew Kultura) ta' Helmand.

Dan il-perjodu, fil-Fażijiet 6 u 5, kien jirrappreżenta żmien ta' żvilupp sinifikanti kemm fid-daqs tal-belt kif ukoll fit-teknoloġija tal-produzzjoni taċ-ċeramika, peress li materja fina ifjen u tekniki avvanzati tal-ħami li ntużaw f'dan il-perjodu rriżultaw f'ċeramika b'kompożizzjoni iktar densa u fi bċejjeċ tal-fuħħar simili għal dawk li nstabu f'Bampur III-IV, għalkemm il-biċċa l-kbira taċ-ċeramika li ġiet prodotta u/jew importata matul dan il-perjodu kienu oġġetti griżi llostrati b'tiżjin kannella u iswed. Fil-Fażi 4 kien hemm bidla fil-belt u nbnew binjiet kbar b'ħitan enormi madwarhom, il-bċejjeċ tal-fuħħar ma baqgħux jiġu mżejna bit-tpittir u saru standardizzati, u d-difniet kienu juru d-differenzi soċjoekonomiċi fost il-popolazzjoni, għalkemm l-oġġetti li qabel kienu jiġu importanti mill-Mesopotamja u mill-Punent tal-Iran għebu fl-aħħar ta' din il-fażi.

Perjodu III

immodifika
 
Chakra ta' Sudarshan ta' 5,000 sena ilu li ġiet skoperta f'Shahr-e Sukhteh.

Fil-Fażijiet 3 u 2 tal-Perjodu III (għall-ħabta tal-2600–2400 Q.K.), baqgħu jinbnew binjiet kbar b'ħitan enormi madwarhom, il-bċejjeċ tal-fuħħar tilfu t-tiżjin impitter tal-Perjodu II u saru standardizzati, u d-difniet baqgħu juru d-differenzi soċjoekonomiċi fost il-popolazzjoni. Il-kuntatti u l-kummerċ ma' Mundigak, ma' Bampur u mal-bliet taċ-ċivilizzazzjoni tal-Indus komplew. Il-"Binja 33" li tagħmel parti wkoll miż-Żona 33 ta' Shahr-e Sukhteh (li tinsab bejn il-Kwartieri Ċentrali u ż-Żona Monumentali) ġiet datata bir-radjokarbonju mit-tim ta' Enrico Ascalone li tmur lura għall-2600-2450 Q.K.

Min-naħa l-oħra, l-arkeologi Jarrige, Didier u Quivron kienu tal-fehma li l-Perjodi I, II u III f'Shahr-e Sukhteh għandhom rabtiet arkeoloġiċi mal-Perjodi III u IV f'Mundigak.

Il-produzzjoni tal-bċejjeċ tal-fuħħar matul il-Perjodu III fil-Fażi 3 kellha għamliet u motivi li kienu differenti ħafna minn dawk fiċ-ċeramika tal-perjodi ta' qabel, u fil-bidu ta' dan il-perjodu, il-motivi dekorattivi sempliċi li nstabu oriġinarjament fuq iċ-ċeramika saru iktar elaborati u l-bċejjeċ tal-fuħħar b'pejst griż ġew imżejna b'tiżjin iswed, simili għal dawk ta' Bampur IV u ta' Tepe Yahya IV. Barra minn hekk, fi tmiem dan il-perjodu tfaċċaw ukoll skutelli żgħar u rqaq mhux imżejna.

Fiċ-ċimiterju nstabu bosta bċejjeċ taċ-ċeramika polikromatiċi, li x'aktarx kienu jintużaw f'ritwali reliġjużi, u bċejjeċ tal-fuħħar simili nstabu f'Nal f'Baluchistan, il-Pakistan. Abbażi ta' dan il-fatt xi studjużi kkonkludew li ċ-ċeramika polikromatika f'Shahr-e Sukhteh kienet importata, iżda oħrajn bħal Mugavero (2008) issuġġerew li dawn il-bċejjeċ tal-fuħħar kienu lokali, peress li l-produzzjoni ta' dan it-tip tinstab ukoll f'siti qrib Shahr-e Sokhteh, fosthom Tepe Dash u Tepe Rud-e Biyaban, madwar 3 kilometri u 30 kilometru fin-Nofsinhar ta' Shahr-e Sukhteh rispettivament.

Perjodu IV

immodifika
 
Iż-żona residenzjali tal-Lvant ta' Shahr-e Sukhteh.

Il-Perjodu IV (għall-ħabta tal-2400-2300 Q.K.) kien magħruf permezz tal-iskavi fil-"Palazz Maħruq" jew fil-"Binja Maħruqa", u l-arkeologi jqisu li matul dan il-perjodu Shahr-e Sukhteh kellha kuntatti mal-Wied ta' Bampur u mal-inħawi ta' Kandahar kważi b'mod esklużiv, kif attestat fil-bċejjeċ tipiċi tal-fuħħar ta' Bampur V u VI. Fl-1972 ġew skoperti studjos tal-ipproċessar fil-kwartieri tal-Punent tal-belt b'konċentrazzjonijiet kbar ta' żnied, lapis lazuli u turkważ u dawn is-siti jitqiesu bħala uniċi fir-reġjun. Min-naħa l-oħra, Enrico Ascalone, fl-iskavi reċenti tiegħu, skopra fażi ta' abbandun fiż-Żona 33 ta' Shahr-e Sukhteh, datata bir-radjokarbonju li tmur lura għall-ħabta tal-2450-2350 Q.K. Madankollu, din il-fażi tqieset reċentement mill-arkeologu Massimo Vidale bħala l-aħħar perjodu ta' okkupazzjoni urbana żviluppata ferm għall-insedjament kollu ta' Shahr-e Sukhteh.

L-arkeologi Iranjani S.M.S. Sajjadi u Hossein Moradi, matul l-istaġun tal-iskavi 2014-2015, sabu sistema ta' semikolonni f'passaġġ twil bejn żewġ binjiet fiż-Żona 26 tal-Perjodu IV ta' Shahr-e Sukhteh, u Massimo Vidale jqisha bħala parti minn kumpless ta' "palazz sħiħ" b'semikolonni simili ħafna għal dawk f'Mehrgarh li kienu nstabu snin qabel mill-missjoni Franċiża u li ġew datati li jmorru lura għall-ħabta tal-2500 Q.K..

Perjodu V

immodifika
 
Iċ-ċimiterju ta' Shahr-e Sukhteh.

Min-naħa l-oħra, Ascalone, fil-lekċer tiegħu jammetti f'grafika kronoloġika, li wara perjodu ta' abbandun bejn l-2350 u l-2200 Q.K., il-"Binja Maħruqa" f'Shahr-e Sukhteh ġiet abitata fil-Perjodu V (għall-ħabta tal-2100-2000 Q.K.), abbażi ta' datazzjonijiet kalibrati bir-radjokarbonju ppreżentati mill-arkeologu Raffaele Biscione fl-1979, iżda din jaf kienet soprivivenza unika ta' okkupazzjoni urbana preċedenti, peress li Massimo Vidale jikkummenta li s-"sistema urbana" ma kinitx taqbeż l-2350 Q.K. M. Tosi u R. Biscione li skavaw din il-"Binja Maħruqa" bosta snin ilu jqisu li kienet "inqerdet f'nar kbir" għall-ħabta tal-2000 Q.K.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Il-plakka tal-UNESCO ta' Shahr-e Sukhteh.

Is-sit arkeoloġiku ta' Shahr-e Sukhteh ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Setturi tal-belt

immodifika

Iż-żona ta' Shahr-e Sukhteh hija maqsuma f'ħames setturi ewlenin, kif imsemmi mill-arkeologu S.M.S. Sajjadi:

1. Iż-Żona Residenzjali tal-Lvant, li tinsab fl-ogħla punt tas-sit. Instabu xi bċejjeċ tal-fuħħar tal-Perjodu I fl-iskavi fi ħdan din iż-żona lejn it-Tramuntana tal-"Binja Maħruqa".

2. Iż-Żona Ċentrali l-Kbira jew il-Kwartieri Ċentrali, isseparata miż-żoni tal-Punent, tan-Nofsinhar u tal-Lvant permezz ta' depressjonijiet fondi. Fi ħdan dawn il-Kwartieri Ċentrali hemm post magħruf bħala d-"Dar tal-Ġarer", fejn fost bċejjeċ oħra tal-fuħħar instabet ġarra ta' Kot Dijian.

3. Il-Kwartieri tal-Artiġjani, fin-naħa tal-Majjistral tas-sit.

4. Iż-Żona Monumentali, li tinsab fil-Lvant tal-Kwartieri tal-Artiġjani b'diversi għoljiet għoljin li jirrappreżentaw binjiet arkitettoniċi differenti. Xi fran tal-bċejjeċ tal-fuħħar instabu fin-naħa tal-Majjistral tas-sit qrib u madwar iż-Żona Monumentali, iżda l-biċċa l-kbira tar-reċipjenti ġew prodotti 'l barra mill-belt.

5. Iż-Żona taċ-Ċimiterju, magħrufa wkoll bħala ċ-Ċimiterju ta' Shahr-e Sukhteh, li tokkupa n-naħa tal-Lbiċ tas-sit b'erja ta' kważi 25 ettaru (62 akru). Huwa stmat li hemm madwar 25,000 u 40,000 qabar, u l-biċċa l-kbira minnhom imorru lura għall-Perjodi I u II, għalkemm xi oqbra oħra jmorru lura għaż-żewġ perjodi ta' wara.

 
Riproduzzjoni tad-disinni fuq kalċi tal-fuħħar li nstab f'Shahr-e Sukhteh (għall-ħabta tat-3178 Q.K.) li issa jinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Iran.
 
Animazzjoni maħluqa bid-disinni ta' fuq kalċi tal-fuħħar (għall-ħabta tat-3178 Q.K.) li nstab f'Shahr-e Sukhteh.
  • Kalċi tal-fuħħar li nstab fis-sit u li jmur lura għall-ħabta tat-3178 Q.K. juri dik li xi arkeologi jqisu li hija l-iżjed animazzjoni bikrija li tmur lura għall-Perjodu I, l-iżjed perjodu bikri fl-iżvilupp u fit-tkattir tal-kultura ta' Shahr-e Sukhteh.
  • L-iżjed ballun tal-għajn artifiċjali bikri ġie skopert fil-qabar ta' mara fis-sit mill-arkeologi f'Diċembru 2006. Għandu għamla emisferika u dijametru ta' ftit iktar minn 2.5 ċentimetri (pulzier). Jikkonsisti minn materjal ħafif ħafna, x'aktarx pejst bituminuż. Il-wiċċ tal-għajn artifiċjali huwa miski b'saff irqiq tad-deheb, inċiż b'ċirku ċentrali (li jirrappreżenta l-ħabba tal-għajn) u b'linji tad-deheb b'għamla qishom raġġi tax-xemx. Il-mara midfuna li nstabet flimkien mal-għajn artifiċjali kienet twila 1.82 metru (6 piedi), ferm itwal min-nisa tipiċi ta' żmienha. Fuq iż-żewġ naħat tal-għajn artifiċjali hemm toqob żgħar, li minnhom kien ikun hemm ħajta tad-deheb li kienet tgħin biex l-għajn tibqa' f'postha meta kienet tintlibes. Peress li riċerka mikroskopika wriet li kien hemm impronti ċari tal-ħajta tad-deheb fil-ħofra tal-għajn, x'aktarx li l-ballun tal-għajn kien jintlibes mill-mara matul ħajjitha kollha. L-iskeletru tal-mara ġie datat li jmur lura għal bejn l-2900 u l-2800 Q.K..
  • L-eqdem logħba magħrufa bid-dammi u 60 pedina tal-logħob, kif ukoll żrieragħ tal-karwija, flimkien ma' bosta sejbiet metallurġiċi, huma fost is-sejbiet li ġew żvelati mill-iskavi arkeoloġiċi minn dan is-sit.
  • Kranju uman li nstab fis-sit jindika l-prattika tal-kirurġija fil-moħħ.
  • Tazza unika tal-irħam instabet fis-sit fid-29 ta' Diċembru 2014.
  • Biċċa ġilda ta' Żmien il-Bronż imżejna bit-tpinġijiet ġiet skoperta fis-sit f'Jannar 2015.

Sejba tas-saħħa pubblika

immodifika

Studji paleoparassitoloġiċi jissuġġerixxu li l-abitanti tal-qedem li kienu jgħixu fiż-żoni skavati ġew infettati minn nematodi tal-ġeneru Physaloptera, inċidenza ta' parassit rari.

Rabta ma' kulturi bikrin oħra

immodifika

Iċ-ċivilizzazzjoni ta' Shahr-e Sukhteh iffjorixxiet bejn it-3200 u l-2350 Q.K., u jaf inzertat mal-ewwel fażi taċ-ċivilizzazzjoni l-kbira tal-Wied tal-Indus. Il-Perjodi III u IV ta' Shahr-e Sukhteh, u l-aħħar parti tal-Perjodu IV ta' Mundigak huma kontemporanji tal-perjodu aħħari ta' Harappan 3A u parti mill-perjodu aħħari ta' Harappan 3B.

Il-kulturi ta' Helmand u ta' Jiroft huma relatati mill-qrib ma' xulxin ukoll. Il-kultura ta' Helmand tal-Punent tal-Afganistan kienet kultura ta' Żmien il-Bronż tat-tielet millenju Q.K. L-istudjużi jikkollegawha mas-siti ta' Shahr-e Sukhteh, Mundigak u Bampur. Il-kultura ta' Jiroft iffjorixxiet fil-Lvant tal-Iran, u l-kultura ta' Helmand fil-Punent tal-Afganistan, fl-istess żmien. Fil-fatt, jaf jirrappreżentaw l-istess żona kulturali.

Shahdad huwa sit estensiv ieħor li qed jiġi skavat u huwa relatat. Xi 900 sit ta' Żmien il-Bronż ġew iddokumentati fil-Baċir ta' Sistan, iż-żona tad-deżert bejn l-Afganistan u l-Pakistan.

Min-naħa l-oħra, il-kultura ta' Mehrgarh iffjorixxiet ferm qabel.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Ascalone, E., and P. F. Fabbri, (2022). "Demographic considerations regarding the settlement and necropolis of Shahr i Sokhta", in: E. Ascalone and S.M.S. Sajjadi (eds.), Excavations and Researches at Shahr-i Sokhta 2 (= ERSS 2), Pishin Pajouh, Tehran, pp. 524, 525.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Shahr-i Sokhta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-02.
  3. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Twenty six new properties added to World Heritage List at Doha meeting". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-02.
  4. ^ Aurel Stein, Innermost Asia. Detailed Report of explorations in Central Asia, Kansu and Eastern Iran, Clarendon Press, 1928.
  5. ^ Aurel Stein, An Archaeological Journey in Western Iran, The Geographical Journal, vol. 92, no. 4, pp. 313–342, 1938.
  6. ^ Maurizio Tosi, Excavations at Shahr-i Sokhta. Preliminary Report on the Second Campaign, September–December 1968, East and West, vol. 19/3–4, pp. 283–386, 1969.
  7. ^ Maurizio Tosi, Excavations at Shahr-i Sokhta, a Chalcolithic Settlement in the Iranian Sistan. Preliminary Report on the First Campaign, East and West, vol. 18, pp. 9–66, 1968.
  8. ^ P. Amiet u M. Tosi, "Phase 10 at Shahr-i Sokhta: Excavations in Square XDV and the Late 4th Millennium B.C. Assemblage of Sistan", East and West, vol. 28, pp. 9–31, 1978.
  9. ^ S. M. S. Sajjadi et al., Excavations at Shahr-i Sokhta. First Preliminary Report on the Excavations of the Graveyard, 1997–2000, Iran, vol. 41, pp. 21–97, 2003.
  10. ^ S.M.S. Sajjadi & Michèle Casanova, Sistan and Baluchistan Project: Short Reports on the Tenth Campaign of Excavations at Shahr-I Sokhta, Iran, vol. 46, iss. 1, pp. 307–334, 2008.
  11. ^ "CHN | News". web.archive.org. 2012-03-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-13. Miġbur 2024-01-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ Ascalone, E., and P. F. Fabbri, (2022). "Demographic considerations regarding the settlement and necropolis of Shahr i Sokhta", in: E. Ascalone and S.M.S. Sajjadi (eds.), Excavations and Researches at Shahr-i Sokhta 2 (= ERSS 2), Pishin Pajouh, Tehran, p. 539.
  13. ^ UNESCO, (2017). Management Plan of Shahr-i Sokhta: World Heritage Site, World Heritage Convention 2017, Tehran, p. 17, Table 4.
  14. ^ Sajjadi, S.M.S., et al. (2003). "Excavations at Shahr-i Sokhta: First Preliminary Report on the Excavations of the Graveyard,1997-2000", Iran, Vol. 41 (2003), pp. 21-97.
  15. ^ Sandro Salvatori u Massimo Vidale, Shahr-I Sokhta 1975–1978: Central Quarters Excavations: Preliminary Report, Istituto italiano per l'Africa e l'Oriente, 1997, ISBN 978-88-6323-145-8.
  16. ^ Ascalone, E., and P. F. Fabbri, (2022). "Demographic considerations regarding the settlement and necropolis of Shahr i Sokhta", in: E. Ascalone and S.M.S. Sajjadi (eds.), Excavations and Researches at Shahr-i Sokhta 2 (= ERSS 2), Pishin Pajouh, Tehran, p. 525.
  17. ^ Vidale, Massimo, (2021). "A Warehouse in 3rd Millennium B.C. Sistan and Its Accounting Technology".
  18. ^ Ascalone, Enrico, (2022). "Preliminary Report on the 2018–2019 Excavations in Area 33 at Shahr-i Sokhta", in: Enrico Ascalone and Seyyed Mansur Seyyed Sajjadi (eds.), Excavations and Researches at Shahr-i Sokhta 3, Tehran, pp. 143–232.
  19. ^ Mutin, Benjamin, and Leah Minc, (2019). "The formative phase of the Helmand Civilization, Iran and Afghanistan: New data from compositional analysis of ceramics from Shahr-i Sokhta, Iran", in Journal of Archaeological Science: Reports Volume 23, February 2019, pp. 882.
  20. ^ Sajjadi, S.M.S., et al. (2003). "Excavations at Shahr-i Sokhta: First Preliminary Report on the Excavations of the Graveyard,1997-2000", Iran, Vol. 41 (2003), p. 21.