Santa Cruz de Mompox
Santa Cruz de Mompox, magħruf sempliċement ukoll bħala Mompox jew Mompós, huwa raħal u muniċipalità fit-Tramuntana tal-Kolombja, fid-Dipartiment ta' Bolívar. Ir-raħal inizjalment kiber bis-saħħa tal-prossimità tiegħu għax-xmara Magdalena u ppreserva l-biċċa l-kbira tal-karattru kolonjali tiegħu. Kellu wkoll rwol importanti fl-indipendenza tal-Amerka minn Spanja. Illum il-ġurnata, Mompox jiddependi fuq it-turiżmu, is-sajd, u xi kummerċ iġġenerat permezz tat-trobbija lokali tal-bhejjem tal-ifrat. Il-muniċipalità għandha popolazzjoni ta' 46,408 ruħ u tinsab biswit il-muniċipalitajiet ta' Pinillos u ta' San Fernando. Iċ-ċentru storiku ta' Mompox tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995, bis-saħħa tal-arkitettura kolonjali ppreservata u t-taħlita ta' stili arkitettoniċi.[1]
Santa Cruz de Mompox | |||
---|---|---|---|
Kolombja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Kolombja | ||
Department of Colombia | Dipartiment ta' Bolívar | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 9°14′22″N 74°25′30″W / 9.2394°N 74.425°WKoordinati: 9°14′22″N 74°25′30″W / 9.2394°N 74.425°W | ||
Superfiċjenti | 645 kilometru kwadru | ||
Għoli | 10 m | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 45,417 abitanti | ||
Informazzjoni oħra | |||
Fondazzjoni | 1537 (Gregorian) | ||
santacruzdemompos-bolivar.gov.co |
Mampo (jew Mompoj) kien il-kap (cacique) indiġenu lokali tal-kultura ta' Malibu, meta waslu l-konkwistaturi Spanjoli, u Mompox tfisser "l-art tal-mexxej Mampo". Ir-raħal ġie stabbilit fit-3 ta' Mejju 1537 minn Alonso de Heredia, ħu Pedro de Heredia, bħala port sikur max-xmara Magdalena.[2] Santa Cruz de Mompox sar raħal pjuttost prosperuż bħala port għat-trasport tal-merkanzija tul ix-xmara lejn in-naħa ta' ġewwa tal-pajjiż. Hemmhekk ġiet stabbilita zekka rjali u r-raħal kien magħruf għall-arġentiera (tad-deheb). Fis-6 ta' Awwissu 1810, kien l-ewwel raħal fil-Kolombja li ddikjara l-indipendenza tiegħu minn Spanja taħt il-motto, "Kun ħieles jew mut" (Ser libres o morir). Il-bandiera ta' Mompox, li hija ħamra b'salib abjad fin-nofs, tmur lura għall-1810.[3]
Jekk lil Caracas nafha ħajti, allura lil Mompox nafu l-glorja tiegħi. - Simon Bolivar.
Simon Bolivar wasal għall-ewwel darba f'Mompox fl-1812. Huwa rrekluta 400 raġel biex jingħaqdu mal-armata tiegħu u jiġġieldu fil-Kampanja Militari Ammirevoli tiegħu. Iż-żmien storiku tiegħu f'Mompox jitfakkar permezz ta' monument imsejjaħ Piedra de Bolivar.
Il-popolarità ta' Mompox bħala port tul ix-xmara Magdalena bdiet tmajna fil-bidu tas-seklu 20 minħabba li bdew jakkumulaw is-sedimenti. Matul dak iż-żmien, minflok ingħatat preferenza għall-passaġġ mill-fergħa tax-xmara li tgħaddi minn Magangué.
L-adattament tal-film tal-1987 ta' Chronicle of a Death Foretold (Ġrajja ta' Mewta Mbassra) ta' Gabriel García Márquez inġibed parzjalment f'Mompox.
L-UNESCO niżżlet iċ-ċentru storiku ta' Mompox fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tagħha fl-1995. Il-gvern Kolombjan semma lil Mompox bħala Pueblo Patrimonio (raħal ta' wirt) fl-2010. Din il-muniċipalità kienet fost 11-il muniċipalità biss fil-pajjiż li ntgħażlu biex ikunu parti mir-Red Turística de Pueblos Patrimonio (Network Turistiku tal-Irħula ta' Wirt) oriġinali.[4]
Binjiet u arkitettura
immodifikaSanta Cruz de Mompox huwa magħruf għall-preservazzjoni tal-karatteristiċi arkitettoniċi kolonjali tiegħu, kif joħorġu fid-dieher permezz tat-taħlita ta' stili Spanjoli u indiġeni. Illum il-ġurnata, il-biċċa l-kbira tal-binjiet kolonjali għadhom jintużaw għall-iskopijiet oriġinali tagħhom. Huwa partikolarment notevoli x-xogħol tal-ħadid ferrobattut li jżejjen il-bibien, il-poġġamani u l-grilji tat-twieqi tul it-toroq tar-raħal, l-iktar f'Calle de la Albarrada, f'Calle Real del Medio u f'Calle de Atrás. Fost il-knejjes notevoli hemm il-Knisja ta' Santa Bárbara (li nbniet fl-1613), il-Knisja ta' San Agustín (li nbniet fl-1606), il-Knisja ta' San Juan de Dios, u l-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni. Hemm ukoll mużew tal-arti kolonjali li jospita kapulavuri kolonjali reliġjużi tad-deheb.
- L-Isptar ta' San Juan de Dios ġie stabbilit fl-1550. Fl-1663 La Orden de todos los Hermanos Hospitalarios (l-Ordni tal-Kavallieri Ospedalieri) ħa f'idejh il-ġestjoni tiegħu. Kien jiddependi fuq id-donazzjonijiet tal-familji setgħana fir-reġjun u fuq it-taxxa rjali imposta fuq it-trasport tul ix-xmara Magdalena għaż-żamma u għat-tħaddim tiegħu. L-Isptar ta' San Juan de Dios jitqies bħala l-eqdem sptar fl-Amerka li għadu jiffunzjona fil-binja oriġinali tiegħu.
- Il-Muniċipju kien fih il-ħabs kolonjali u s-sala tar-riċevimenti tas-sindku. Fis-6 ta' Awwissu 1810 fil-Muniċipju ġie ffirmat l-Att dwar l-Indipendenza minn Spanja, u minn ġo fih instemgħet l-għajta "Ser Libres o Morir" ("Kun Ħieles jew Mut").
- Il-Palazz Muniċipali, magħruf ukoll bħala l-Kjostru ta' San Carlos, inbena fl-1660. Dan il-kjostru kien jospita l-ewwel skola sekondarja tar-raħal sat-tkeċċija tal-Ġiżwiti. Ma baqax kjostru wara l-1767. Fl-1809 ġiet stabbilita l-Iskola Universitarja ta' San Pietru l-Appostlu minn Pedro Martínez de Pinillos.
- Il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni oriġinarjament inbniet bil-brikks tat-tajn minn Pedro de Heredia fl-1541. Għaxar snin wara tkabbret u minflok il-brikks tat-tajn intuża l-ġebel, u s-saqaf tal-ħuxlief ġie sostitwit bil-madum. Minħabba d-daqs kbir tagħha, spiss kienet titqies bħala l-katidral ta' Mompox. Matul is-snin, il-binja oriġinali ġiet irrestawrata diversi drabi, u l-aħħar restawr tlesta fl-1795. Fl-1839 il-Gvernatur tal-Provinċja ordna t-twaqqigħ tagħha u minflok inbniet il-knisja attwali.
- Il-Knisja ta' Santa Bárbara hija waħda mill-iżjed knejjes magħrufa u importanti fir-raħal. Il-knisja tlestiet fl-1613 u għandha kampnar Barokk b'gallarija. Hija mżejna bil-forom tas-siġar tal-palm, tal-fjuri u tal-iljuni. Il-koppla tal-kampnar hija Barokka wkoll, u t-tliet artali tal-knisja huma miksijin bid-deheb.
- Is-suq tal-bdiewa ta' Mompox inbena fil-bidu tas-seklu 20 bħala mod kif jiġu organizzati l-bejjiegħa tal-frott, tal-ħxejjex, tal-laħam, tal-ħut u ta' tipi oħra ta' merkanzija, li sa dak iż-żmien kien jaqbdu jbigħu mit-toroq. Il-binja viżivament tostakola l-pajsaġġ bejn il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni u x-xmara Magdalena. Għaldaqstant, il-binja tirrappreżenta modifika tad-disinn oriġinali tal-pjazza tar-raħal.[5]
- Iċ-ċimiterju tar-raħal inbena fl-1829, filwaqt li l-kappella u l-artal inbnew fl-1846. Qabel dak iż-żmien, kienet xi ħaġa komuni fiż-żminijiet kolonjali li l-mejtin jindifnu fi spazji seklużi ġol-knisja, u dan wassal għal ilmenti mill-popolazzjoni.[6]
- Il-Knisja ta' San Franġisk oriġinarjament inbniet fl-1564 u l-kunvent ġie stabbilit mill-Patri Francisco Gonzaga.
- Id-Dar tal-Appostli li tinsab f'Calle Real del Medio kienet villa ta' familja lokali involuta fit-trasport tal-merkanzija u llum il-ġurnata t-turisti jżuruha biex jaraw ix-xbihat tat-tnax-il appostlu u ta' Ġesù fl-Aħħar Ċena.
Turiżmu
immodifikaIr-raħal ta' Mompox ilu destinazzjoni turistika popolari minħabba l-istorja, l-arkitettura kolonjali u l-festivals tiegħu. Kull sena, ir-raħal jospita l-Festival tal-Jazz ta' Mompox kif ukoll festivals tal-films.
It-turiżmu jkun fl-aqwa tiegħu wkoll matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, li jibdew f'Ħadd il-Palm b'purċissjoni bil-fjuri u bix-xemgħat f'ġieħ il-mejtin, segwita minn diversi ċerimonji oħra assoċjati ma' diversi avvenimenti reliġjużi.[7] B'hekk, ir-raħal ta' Mompox huwa destinazzjoni popolari għat-turiżmu reliġjuż fil-Kolombja.
Ikel
immodifikaRaġuni oħra biex wieħed iżur ir-raħal ta' Mompox hija għall-gastronomija tiegħu, b'firxa ta' ikliet ibbażati fuq il-kassava, il-qamħirrum, il-ħut, l-achiote u l-bżar aħmar jaħraq. Ikla lokali hija l-casabito, ikla popolari tat-triq li tikkonsisti minn froġa mħejjija bil-kassava nejja, bil-ġobon, bil-ġewż tal-Indì mitħun, biz-zokkor, u f'xi każijiet bl-aniżetta. Ikla rinomata oħra hija l-queso de capa: tip ta' ġobon b'tradizzjoni u b'produzzjoni artiġjanali ta' iktar minn 100 sena, b'konsistenza elastika u servut f'saffi.[8]
Il-meraq mill-corozo huwa pjuttost komuni f'dan ir-reġjun u jintuża wkoll għall-produzzjoni tal-inbid.
Filugranu
immodifikaMatul is-seklu 16, f'Mompox ġew stabbiliti xi xirkiet tal-artiġjani, fosthom tal-ħaddiem bit-tafal, tal-ħaddieda, tal-arġentiera (tad-deheb) u tal-arġentiera. Fl-istess żmien, il-port kien ċentru importanti għad-deheb estratt f'Antijokja, u kienu jitħallew ukoll bosta biċċiet tad-deheb għall-kummerċjalizzazzjoni lokali.
Dawn iż-żewġ fatturi wasslu għat-tifrix tas-sengħa tal-produzzjoni tal-filugranu.[9]
It-teknika indiġena tal-ikkastjar, li hija l-qofol tas-sengħa tal-arġentiera (tad-deheb) lokali, ingħaqdet mat-tekniki anċestrali li twasslu mill-iskjavi Afrikani, u b'hekk beda jiġi prodott il-filugranu ta' Mompox. Din il-forma ta' arti hija ddefinita mill-unjoni ta' biċċiet differenti tal-metall li mbagħad jinħadmu biex jinħolqu tipi differenti ta' ornamenti bl-ispirali bħala l-iżjed għamliet predominanti.
Minħabba ż-żieda attwali tal-prezzijiet tad-deheb fis-swieq lokali u internazzjonali, l-artiġjani żviluppaw tekniki biex jissostitwixxu d-deheb bil-fidda.[10]
Trasport
immodifika- Bl-ajru: id-Distrett ta' Mompox huwa moqdi mill-Ajruport ta' San Bernardo de Mompóx.
- Bl-art: minn Carmen de Bolívar, wieħed jista' jaqbad karozza tal-linja fit-Transversal de los Contenedores (illum magħrufa bħala Ruta del Sol III) li tgħaddi minn La Gloria, fil-muniċipalità ta' Magdalena, minn Santa Ana u minn Talaiga Nuevo qabel ma' tasal fiċ-ċentru urban tar-raħal ta' Mompox.
Il-Pont tar-Rikonċiljazzjoni, struttura enormi estiża għal madwar 12-il kilometru (7.4 mili) fuq ix-xmara Magdalena, ġie inawgurat fit-30 ta' Marzu 2020. Is-segment bejn Yati u Bodega jikkollega l-awtostrada tal-Punent u ta' Magdalena Medio, li t-tnejn li huma jagħmlu parti mir-Ruta del Sol. Dan is-segment inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bejn in-naħa ta' ġewwa tal-pajjiż u l-kosta tal-Karibew tal-Kolombja b'madwar 3 sigħat, u jaffettwa l-ekonomija ta' Mompox u ta' La Mojana.
L-istruttura tinkludi l-pontijiet ta' Santa Lucia u ta' Roncador, l-awtostrada ta' Isla Grande, triq li tikkollega l-pontijiet ta' Roncador u ta' Bodega, u l-kollegament bejn Yatí u Santa Fe.[11]
- Bl-ilma: il-passaġġ prinċipali fuq l-ilma biex wieħed jasal fid-Distrett ta' Mompóx huwa l-fergħa ta' Mompóx tax-xmara Magdalena. Mompox għandu terminal tax-xmara kkollegat mal-port antik tax-xmara li jilqa' l-bastimenti minn Magangué, El Banco, Santa Ana u Barrancabermeja.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIċ-Ċentru Storiku ta' Santa Cruz de Mompox ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Nies notevoli
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ a b ċ "Historic Centre of Santa Cruz de Mompox - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-12.
- ^ "Fundaciones de ciudades y poblaciones". www.banrepcultural.org. Miġbur 2024-12-12.
- ^ Jacobs, Michael (2016-02-05). "Mompox, Colombia: a town from the pages of Gabriel Garcia Marquez" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-12.
- ^ "GUÍA: Red Turística de Pueblos Patrimonio de Colombia" (PDF).
- ^ Téllez, Germán. (1995). La arquitectura colonial de Santa Cruz de Mompox (1. ed.). Bogotá: El Ancora Editores. ISBN 958-36-0020-2. OCLC 34943417.
- ^ Santa Cruz de Mompox, Colombia. Téllez, Germán., Instituto Colombiano de Cultura. Bogotá, il-Kolombja: Ediciones PROA. 1994. ISBN 958-9054-32-3. OCLC 38032621.
- ^ Procolombia. "Descubre los secretos de Mompox y enamórate de Colombia". colombia.co (bl-Ispanjol). Miġbur 2024-12-12.
- ^ "Turismo". www.santacruzdemompos-bolivar.gov.co. Miġbur 2024-12-12.
- ^ Botero, María Mercedes. (2007). La ruta del oro : una economía primaria exportadora : Antioquia, 1850-1890 (1. ed.). Medellín: Fondo Editorial Universidad EAFIT. ISBN 978-958-8281-81-0. OCLC 191078673.
- ^ Falchetti, Ana Maria. Lo humano y lo divino : metalurgia y cosmogonía en la América antigua. Universidad de los Andes (Bogotá, Colombia). Facultad de Ciencias Sociales, Instituto Colombiano de Antropología e Historia (Primera ed.). Bogotá, D.C., il-Kolombja. ISBN 978-958-8852-54-6. OCLC 1048899719.
- ^ Webmaster. "Fondo de Adaptación, entrega al INVÍAS la Interconexión Vial "Yatí – La Bodega" en Bolívar para ser puesta en operación". www.invias.gov.co (bl-Ispanjol). Miġbur 2024-12-12.