Pawlu Boffa

(Rindirizzat minn Paul Boffa)

Pawlu Boffa (twieled fit-30 ta' Ġunju 1890 – miet fis-6 ta' Lulju 1962) kien politiku Malti li serva bħala s-sitt Prim Ministru ta' Malta, l-ewwel Prim Ministru ta' wara l-gwerra, u l-ewwel Prim Ministru Laburista.

Pawlu Boffa
Prim Ministru ta' Malta

4 Novembru 1947 - 26 Settembru 1950 - Enrico Mizzi
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Birgu, 30 Ġunju 1890
Nazzjonalità Malta
Mewt Raħal Ġdid, 6 Lulju 1962
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
Premjijiet

Imwieled il-Birgu, bin Carmelo u Carmela née Serracino. Studja fl-iskola Primarja tal-Birgu, fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta' Malta fejn iggradwa bħala tabib fl-età ta' 23 sena. Fis-16 ta' Jannar 1921, iżżewweġ lil Genoveffa Ceci u kellhom erbat itfal - Hilda, Melina, Joseph u Vivi. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Boffa serva fir-Royal Army Medical Corps, fejn wettaq servizz mediku fuq vapuri li kienu jiġu Malta bil-feruti tal-gwerra.

Fil-Partit Laburista

immodifika

Il-karriera politika ta' Sir Paul Boffa bdiet fl-1923 meta ngħaqad mal-Partit Laburista u fl-1924 ġie elett għall-ewwel darba bħala Membru fl-Assemblea Leġislattiva għall-Ħames Distrett.

Is-sena 1926 rat żvilupp importanti fl-istorja tal-Partit Laburista. Fis-snin ta' qabel, il-Partit Laburista kien ipprova jtejjeb il-qagħda soċjali tal-ħaddiema Maltin billi ta l-appoġġ tiegħu lill-Unione Politica Maltese, partit lemini. Saħansitra kien daħal f'koalizzjoni miegħu iżda kien mgħoddi biż-żmien u, għalhekk, ittieħdet deċiżjoni li jsir ftehim ma' Gerald Strickland u sħabu. Permezz tal-“Compact” mal-Partit Kostituzzjonali, il-Partit Laburista ftiehem li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-partit politiku mmexxi minn Gerald Strickland bil-patt li meta dan tal-aħħar ikun fil-gvern jgħaddi leġiżlazzjoni li ttejjeb il-qagħda soċjali tal-ħaddiema Maltin.

Fl-1928, it-Tabib Boffa nħatar Mexxej tal-Malta Labour Party. Bejn l-1927 u l-1932 il-Partit Laburista u l-Partit Kostituzzjonali ngħaqdu u kien iffurmat il-Gvern tal-Compact. Kien bis-saħħa tal-“Compact” li l-element progressiv fi ħdan il-Partit Laburista seta' jaħdem biex isiru liġijiet ta' fejda kbira fil-pajjiż. Biżżejjed li wieħed isemmi l-Workmen's Compensation Act li saret mill-Gvern tal-“Compact” fl-1929.

Is-Snin Tletin

immodifika

Boffa kien elett fil-Parlament ukoll fl-1927 u fl-1932. Is-snin tletin kienu ibsin ħafna għall-Partit Laburista. Imdaħħal bla bżonn fil-kwistjoni politiko-reliġjuża tal-1928-32 minħabba l-appoġġ tiegħu lil Gerald Strickland u 'l-Partit Kostituzzjonali, permezz tal-“Compact”, il-Partit Laburista ħallas prezz għoli għax tilef ħafna voti riżultat tal-kwistjoni mal-Knisja.

Kien grazzi għat-tmexxija tat-Tabib Pawlu Boffa u li meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija l-Partit Laburista kien għadu ħaj. Is-snin tletin kienu snin tassew iebsa għal kull min kien Laburist. Kienet waslet it-telfa kbira elettorali ta' Ġunju 1932, li kienet riżultat tal-kwistjoni politiko-reliġjuża. Boffa kien wieħed minn dawk fi ħdan il-Partit Laburista li kien jemmen li l-Partit ma kellux għalfejn jitlob maħfra lill-Isqfijiet Maltin. Iżda mhux l-istess għamel il-Mexxej tal-Partit Kostituzzjonali, Gerald Strickland, li għamel apoloġija lill-Isqof u hemm min jaħseb li aktar swietlu ta' deni milli ta' ġid fl-elezzjoni ġenerali tal-1932 għax b'hekk ammetta pubblikament li kellu tort fil-kwistjoni kollha.

Wara, kien hemm il-każ tas-Sedizzjoni tal-1933 meta ttellgħu Laburisti l-Qorti u tawhom anke l-kundanna għaliex qalu li sabulhom materjal hekk imsejjaħ “sedizzjuż” fil-pussess tagħhom, u t-telfa tal-Kostituzzjoni tal-1921 fl-istess sena (1933).

Fl-1936 Boffa nħatar Membru tal-Kunsill Eżekuttiv u fl-1939 ġie elett bħala Membru tal-Kunsill tal-Gvern. Ġie elett ukoll għat-Tieni Sessjoni tal-Kunsill tal-Gvern, li saret f'Novembru, 1945. Boffa kellu sehem importanti ħafna fil-laqgħat tal-Assemblea Nazzjonali, li x-xogħol tagħha kellu jkun it-tfassil ta' kostituzzjoni ġdida. Boffa kien wieħed mill-kelliema prinċipali tal-Labour Front, jiġifieri l-General Workers' Union u l-Partit Laburista. Il-kelliema prinċipali l-oħra kienu Ġużè Ellul Mercer, Reggie Miller, Mosè Gatt, Indri Cilia, Leli Tabone, Nestu Laiviera u Turu Colombo. Bis-saħħa ta' nies bħal Boffa u sħabu saru kisbiet kbar għall-poplu Malti. Biżżejjed wieħed isemmi li Malta ngħatat lura s-Self-Government fil-5 ta' Settembru, 1947; issa sew l-irġiel kif ukoll in-nisa li jagħlqu 21 sena setgħu jivvutaw u kull elettur seta' jkollu vot wieħed biss għall-elezzjoni tal-Assemblea Leġislattiva.

It-Tieni Gwerra Dinjija kien se jkollha effett kbir fuq il-politika Maltija. Dan għax il-Partit Laburista kien mess il-qiegħ meta bdiet iżda kien f'pożizzjoni li jaħseb serjament biex jibda jmexxi l-pajjiż meta ntemmet. Għalhekk, nistgħu ngħidu li t-Tieni Gwerra Dinjija għamlitha possibbli li f'Malta jkun hawn l-ewwel Gvern Laburista fl-1947.

L-Ewwel Prim Ministru Laburista

immodifika

Meta waslet l-elezzjoni ġenerali ta' Ottubru, 1947, il-Partit Laburista kien f'pożizzjoni ferm aħjar mill-partiti politiċi l-oħra biex jirbaħ il-poter. In-Nazzjonalisti kienu għadhom ma ħadux ruħ wara l-mewt ta' Sir Ugo P. Mifsud u d-deportazzjoni ta' Nerik Mizzi matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Partit Kostituzzjonali ħa daqqa ta' ħarta kbira bil-mewt ta' Gerald Strickland fl-1940 u spiċċa fix-xejn. Il-partiti politiċi l-oħra li kkontestaw l-elezzjoni ġenerali tal-1947 kienu dgħajfa meta mqabbla mal-Partit Laburista li kien bena reputazzjoni tajba ta' xogħol siewi u kisbiet għall-poplu Malti.

Il-Mexxej Laburista Pawlu Boffa kien rispettat ħafna minn kulħadd. Fl-1947 il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni u t-Tabib Boffa sar l-ewwel Prim Ministru Laburista u baqa' f'din il-kariga sa Settembru 1950. Fl-1998, Dom Mintoff fil-Parlament qal hekk:

 Fl-1947 ma kienx hemm iktar skużi; il-partiti kollha ħarġu għan-nofs u din kienet l-ewwel elezzjoni fejn seta' jivvota kulħadd, anke n-nisa... Fil-fatt f'dik l-elezzjoni - hawn ta' min wieħed jirrimarka li dak iż-żmien kien hemm 40 Membru f'dan il-Parlament - il-Partit Laburista tella' 24 Membru filwaqt li l-Oppożizzjoni kienet tellgħet 16-il Membru u għalhekk tistgħu timmaġinaw x'maġġoranza kellu l-Partit Laburista dak iż-żmien fil-Parlament; u bħal dik il-maġġoranza qatt ma kellna iktar. Jekk xi ħadd irid joqgħod jara ta' min kien il-credit, jien nista' ngħid li dakinhar il-leader kien Pawlu Boffa u ma kienx ħaddieħor. Veru li jien kont id-deputy leader tiegħu u veru li kien hemm miegħi Dr. Colombo, li kien għenni dak iż-żmien... Anke dakinhar fil-partit kien hemm il-left wing u kien hemm ir-right wing u filwaqt li Boffa kien fuq ir-right wing, kemm jien, kemm Dr. Colombo kif ukoll it-Tabib Schembri Adami - bħalissa nsejt x'kien jismu - konna fuq il-left wing. 

Fost il-merti ta' Boffa hemm il-ġlieda tiegħu favur l-Ilsien Malti. Fl-1998, Dom Mintoff fil-Parlament qal hekk:

 Il-Partit tal-Ħaddiema, li għandu rekords mill-iktar sbieħ, speċjalment Boffa ... Jekk hawn ħaġa li Boffa jistħoqqlu li jkollu statwa għaliha hija l-mod kif iddefenda l-ilsien Malti mill-bidu, biex ma noqogħdux insemmu Aquilinijiet. Aquilina veru kien bravu; ddefenda l-ilsien Malti u għamel living minnu imma Boffa ddefenda l-ilsien Malti, medd għonqu u ħadem u ma ħa xejn minn dan kollu ħlief xebgħa mingħand il-gradwati sħabu tal-Universita'. Jien qed insemmi dawn l-affarijiet biex nuri kemm sofra dan il-bniedem. 

Jitneħħa minn mexxej tal-Partit

immodifika

Minħabba f'inkwiet fil-Partit Laburista, Pawlu Boffa tneħħa minn mexxej tal-Partit fl-1949, mill-Konferenza Ġenerali, iżda huwa għażel li xorta waħda jibqa' Prim Ministru. Iż-żmien bejn Ġunju, 1950, meta waqa' l-Gvern immexxi mit-Tabib Boffa, u Frar, 1955, meta l-Partit Laburista kien elett fil-Gvern, kien żmien ta' instabilita' politika kbira f'Malta.

Wara l-“iSplit” tal-1949, Boffa fforma l-Malta Workers' Party biex b'hekk ħoloq firda fi ħdan ix-Xellug f'Malta. Dan kien ta' vantaġġ kbir għall-Partit Nazzjonalista li, mkisser kif kien wara t-telfa kbira tal-1947, b'din il-mossa ta' Boffa ngħata ċ-ċans li jerġa' jirkupra l-pożizzjoni politika li kien tilef għal bosta snin. Fil-fatt, fl-elezzjoni ġenerali tal-1950, minkejja l-fatt li bejniethom il-Partit Laburista u l-Malta Workers Party ġabu aktar voti u aktar siġġijiet mill-Partit Nazzjonalista, kien dan tal-aħħar li eventwalment ifforma Gvern ta' minoranza għaliex baqa' ma ntlaħaqx ftehim bejn iż-żewġ partiti politiċi tal-ħaddiema.

Il-Gvern Nazzjonalista ħa daqqa ta' ħarta bil-mewt ta' Nerik Mizzi fl-20 ta' Diċembru, 1950 u floku laħaq Prim Ministru, Ġorġ Borg Olivier. Dan, però, kien imexxi Gvern dgħajjef ta' minoranza li kellu ħajja qasira tant li f'Mejju, 1951 saret elezzjoni ġenerali oħra.

Hawn il-Partit Laburista ġab siġġu anqas min-Nazzjonalisti iżda kieku ngħata l-appoġġ mill-Malta Workers' Party ta' Boffa, seta' jiggverna. B'sorpriża ta' kulħadd, però, it-Tabib Boffa u l-Partit immexxi minnu ddeċidew li jidħlu fi Gvern ta' Koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Borg Olivier. Boffa ngħata l-kariga ta' Ministru tas-Saħħa u Servizzi Soċjali. Il-Malta Workers' Party kien diġa' beda jmajna sewwa fl-appoġġ tiegħu mill-elettorat u din il-mossa, li ħafna ħaddiema rawha bħala tradiment tal-interessi tagħhom, kienet il-bidu tat-tmiem tal-karriera politika ta' Boffa u tal-Malta Workers' Party.

Il-Gvern ta' Koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Workers' Party ma damx wisq u f'Diċembru, 1953 kellha ssir elezzjoni ġenerali oħra. Din id-darba l-Partit Laburista ġab siġġu aktar mill-Partit Nazzjonalista, dsatax għal tmintax, iżda l-Malta Workers' Party, bit-tliet siġġijiet biss li kien kiseb fl-Assemblea Leġiżlattiva, qaleb il-bilanċ favur in-Nazzjonalisti billi reġa' fforma Gvern ta' Koalizzjoni magħhom.

Kellu jkun il-Ministru John J. Cole li jwaqqa' l-Gvern ta' Koalizzjoni u, għalhekk, saret elezzjoni ġenerali oħra fi Frar, 1955 li ntrebħet mill-Partit Laburista mmexxi mill-Perit Duminku Mintoff. Il-Malta Workers' Party tat-Tabib Pawlu Boffa kien spiċċa fix-xejn qabel din l-Elezzjoni Ġenerali.

Fl-1998, Dom Mintoff fil-Parlament qal hekk:

 Dakinhar il-ġlieda mal-Gvern Ingliż dwar il-Marshall Aid konna ġġelidnieha weħidna. Issa meta qed ngħid "weħidna" qed nirriferi għal min kien baqa' fil-Labour Party u għal min kien fl-eżekuttiv tal-Labour Party u wara ħafna xhur iddeċieda li dawk huma l-veru soċjalisti. Biex niftehmu, il-konferenza ġenerali ħadet din id-deċiżjoni wara ħafna xhur u mhux mil-lum għal għada, malajr malajr, għax hemm il-makna taħdem. Il-konferenza ġenerali ddeċidiet u qalet lil Boffa: Jiddispjaċina imma m'għandniex iktar fiduċja fik. U din kienet tfisser xi ħaġa. Ara ma taħsbux li din ma kienet tfisser xejn! U kellu credentials Boffa. U kif kellu credentials għall-partit!... Ir-raġuni li għaliha l-partit ta' Boffa spiċċa mill-istorja ta' Malta kienet waħda, li dan ma baqax Laburista iktar. Bl-eċċezzjoni ta' Colombo, kollha reġgħu resqu lejn il-Partit Laburista b'xi mod, inkluż Boffa, għax Boffa ma baqax jiġġieled iktar lill-Partit Laburista fl-aħħar ta' ħajtu. Meta nħares lura lejn l-istorja jien illum forsi nħoss li għamilt xi dnub dakinhar; forsi qed ngħid għax ma nafx. Meta hu kien ried li joqgħod figurehead, imqar għal tliet xhur jew għal erba' xhur biex jidher u jiġi identifikat li baqa' mal-partit, jien bżajt - u din se ngħidha ċar u tond issa - li l-partit se jerġa' jinqasam, u ma ridtx li l-partit jerġa' jinqasam. 

Sir Paul Boffa rtira mill-ħajja politika fit-13 ta' Jannar, 1955. F'Ġunju 1941 għall-kontribut qalbieni b'risq ħutu l-Maltin ir-Re Ġorg IV ħatar lit-Tabib Boffa bħala Uffiċjal tal-Imperu Brittaniku (O.B.E.) u f'Jannar 1956 kien onorat mir-Reġina Eliżabetta II bit-titlu ta' Knight Bachelor, bit-titolu Sir.

Huwa miet fid-dar tiegħu f'Ħal-Tarxien, fis-6 ta' Lulju, 1962, fl-età ta' 72 sena.

Ħoloq Esterni

immodifika
Predeċessur
Michael Dundon
Mexxej tal-Partit Laburista
1947–1950

Suċċessur
Dom Mintoff

Predeċessur
Ugo Pasquale Mifsud
Prim Ministru
1947–1950

Suċċessur
Enrico Mizzi