Reggie Miller
Reggie Miller (Tas-Sliema, 1 ta’ Novembru 1898 - Londra, Ingilterra, 21 ta' Lulju 1970) kien il-fundatur tal-ikbar union Maltija tal-ħaddiema, il-General Workers Union.
Reggie Miller | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Tas-Sliema, 1 Novembru 1898 |
Mewt | Londra, 21 Lulju 1970 |
Okkupazzjoni |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Tfulija u Żgħożija
immodifikaKien tifel xipli u qabel ma daħal il-Liċeo ta’ disa’ snin kien imur il-Billion Scuola Preparatoria al Liceo.
Meta kellu 16-il sena daħal l-Università. Miegħu kien hemm Joseph Caruana Colombo, li iżjed tard bħala mħallef kien iċ-Chairman tal-Caruana Colombo Arbitration Tribunal. Fl-1952 dan it-tribunal biddel radikalment il-paga tal-ħaddiema Maltin billi ta żidiet ta’ 30 xelin sterlina fil-ġimgħa. Dan meta l-anqas paga dak iż-żmien, tal-ħaddiema tal-Gvern Ċivili u tal-Gvern Imperjali, kienet ta’ 70 xelin sterlina fil-ġimgħa.
Reggie ma kompliex l-istudji l-università wara attakk ta’ plewrite u wkoll minħabba problemi finanzjarji tal-familja.
Jaħdem mal-Ingliżi
immodifikaFi Frar 1917 daħal jaħdem mal-Ammiral bħala boy-writer b’paga ta’ xelin kuljum. F’Mejju 1917 meta kien hemm strajk mill-ħaddiema tal-Ammiraljat, Reggie u skrivani oħra bħalu ma setgħux jistrajkjaw u ngħataw ġimgħa paga. Għal Reggie l-problema ta’ pagi miżeri kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol wasslu, fost affarijiet oħra, għat-traġedja tal-irvellijiet tas-Sette Giugno.
Il-Kostituzzjoni tal-1921 tat lil ħaddiema rappreżentanza fis-Senat permezz tat-Trade Union Council. Dan il-privileġġ kien gawdut ukoll mill-kleru, minn nobbli, mill-gradwati kif ukoll mill-Kamra tal-Kummerċ. Iżda minħabba li sa dak il-mument f’Malta ma kienx għad hawn Trade Union Council iż-żewġ voti tal-ħaddiema fis-Senat kienu manipulati mill-politiċi. Biżżejjed tgħid li waqt minnhom wieħed mir-rappreżentanti tat-Trade Union Council fis-Senat kien Gerald Strickland, il-mexxej tal-Partit Kostituzzjonali.
Trejdjunjoniżmu
immodifikaL-ewwel darba li Reggie attenda laqgħa ta’ trade union kien fl-1930 meta sħabu l-iskrivani Assuero Farrugia, Eddie Caruana u John Mifsud ħaduh magħhom għal meeting tas-Civil Service Clerical Association (Admiralty Branch). Reggie ħalla impressjoni tajba tant li f’Awwissu tal-1931 kien elett segretarju ta’ din l-union. Fit-treġija ta’ din il-union, Miller, Edward Fenech u Mifsud kienu ta xejra Nazzjonalista, J. Hamilton u oħrajn kienu Sticklandjani. Il-ħaddiema mal-Gvern Imperjali dejjem ħarsu lejn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema Brittanniċi bħala mira li lejha riedu jersqu.
Waqt il-Great Depression il-ħaddiema Brittanniċi u Maltin kienu tilfu parti mid-dħul tagħhom taħt sura ta’ bonus. Iżda fl-1934, filwaqt li l-ħaddiema Britanniċi ħadu lura l-bonus kollu l-Maltin ma ħadu xejn. Dan kien inaċċettabbli għall-ħaddiema Maltin tas-Servizzi.
Fl-1935 Miller mar Carton, l-Ingilterra bħala r-rappreżentant Malti tas-CSCA. Fl-istess sena Miller attenda wkoll il-Foreign Dockyards Committee. Hawn, N. Mcleod President ta’ dan il-Kumitat, l-ewwel ried iżid in-numru ta’ nies established (nies li kienu jieħdu pensjoni meta jispiċċaw bl-età) minn 19 għal 31. Eventwalment, iżda, in-numru ta’ nies established kien ried jinżel għal erbgħa. Miller tkellem bis-saħħa kontra din il-mozzjoni ta’ Mcleod u dan eventwalment irtiraha. Meta Miller ġie lura Malta ngħata merħba ta’ eroj.
Sa mill-1934 Miller beda jħoss li titjib fil-pagi u kundizzjonijiet tal-iskrivani kien biss possibbli jekk il-ħaddiema tal-pinna u tal-id jingħaqdu. Miller kulma jmur beda jersaq lejn il-ħsieb li fl-għaqda tal-ħaddiema kollha kien hemm is-saħħa.
Fl-1938 waqt konferenza f’Margate, l-Ingilterra Reggie tkellem dwar il-bżonn li l-iskrivani jingħaqdu ma’ ħaddiema oħra biex flimkien ikollhom iżjed saħħa.
Għal ftit żmien Miller kien segretarju kemm tal-CSCA kif ukoll tal-Imperial Workers Union, union ta’ ħaddiema tal-id.
Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939 il-ħajja għoliet bil-bosta u l-unions tal-ħaddiema tal-Gvern Ċivili u tal-Gvern Imperjali ngħaqdu u talbu war bonus. Saru tliet kumitati li kellhom l-għan li jiddiskutu u jiksbu war bonus għall-ħaddiema. Il-personalità ta’ Reggie Miller intweriet meta ngħażel biex ikun segretarju ta’ kull kumitat tal-war bonus.
Il-Bidu tal-G.W.U.
immodifikaIl-kwistjoni tal-war bonus mhux biss ressqet lejn xulxin il-ħaddiema tal-pinna u tal-id, iżda l-ħaddiem intebaħ li s-sitwazzjoni soċjali kienet qed tinbidel u Reggie hawn ħass il-bżonn li jwaqqaf il-General Workers’ Union.
Qatt mhu faċili li twaqqaf trade union. Li tagħmel dan fi żmien gwerra qalila meta Malta kienet fortizza kien ifisser aktar diffikultajiet. Il-Gvern Ingliż ma kienx lest li jħalli lil xi ħadd inaqqas b’xi mod l-isforzi biex tintrebaħ il-gwerra. It-Tieni Gwerra Dinjija kienet qed tiġi miġġielda kontra l-Nazziżmu u l-Faxxiżmu fl-Ewropa, waqt li kienu qed imutu nies kemm fl-Ewropa stess kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant.
Reggie u n-nies li għenuh biex waqqaf il-GWU dan kienu jafuh. Ma kellhom l-ebda ħsieb li b’xi mod itellfu l-isforzi tad-dinja ħielsa biex tintrebaħ il-gwerra. Iżda ż-żmien kien f’waqtu biex il-ħaddiem Malti jimxi ’l quddiem fl-emanċipazzjoni tiegħu. Dan il-waqt Reggie u sħabu ma riduhx jaħarbilhom.
F’The Times of Malta tat-12 t’Ottubru, 1942 deher avviż fejn Miller talab biex dawk li kienu interessati fit-twaqqif tal-moviment ġdid jiktbu fl-indirizz 60, Rue D’Argens, Gżira.
L-ewwel tħeġġiġ favur it-twaqqif tal-GWU sar fit-Tarzna, post fejn kien faċli li tlaqqa’ lin-nies u iżjed minn hekk dawn il-ħaddiema kellhom sens qawwi ta’ trejdunjonizmu. Skont Paul Sciberras, l-ewwel President tal-GWU, kien hemm numru ta’ trejdunjonisti lesti biex jgħinu lil Miller. Iżda kien Reggie li waqqaf il-GWU. Skont Sciberras hu biss kellu “the audacity, the panache and the influence” biex iwaqqaf trade union magħmula minn tant diversità ta’ ħaddiema.
Fit-28 ta’ Marzu 1943, il-GWU kellha l-ewwel meeting fil-Mile End Sports Ground, fil-Ħamrun. Attendew bejn 2,000 u 3,000 ħaddiema li kienu jaħdmu mal-Gvern Imperjali, mal-Gvern Ċivili kif ukoll ħaddiema tal-partikular. Miller kien introdott bħala l-promotur tal-GWU u li ma kellu l-ebda għanijiet politiċi. Il-ħsieb waħdieni tiegħu kien li jwaqqaf trade union soda li kienet tkun ta’ benefiċċju u tarka mhux biss għall-ħaddiema iżda wkoll għall-istat.
Waqt il-meeting Miller irringrazzja lill-ħaddiema għall-appoġġ tagħhom u wissa li ma kien se jittollera l-ebda insubordinazzjoni lejn l-Awtorità u ried li l-union timxi skont is-saltna tad-dritt (Rule of Law).
Il-GWU kienet sabet appoġġ minn kwartieri differenti tas-soċjetà. Fil-meeting tal-Mile End kien hemm preżenti l-Kurunell A.L. Bartolo, Direttur tax-Xogħol u l-Onorevoli Dr John Formosa; A.V Bartolo; it-Tabib Pawlu Boffa; in-Nutar George Borg Olivier u Mabel Strickland. Kien hemm ukoll C. Scicluna, l-uffiċjal inkarigat mill-Protezzjoni Ċivili f’Tas-Sliema.
Fit-tieni meeting tal-25 ta’ April, E. Fenech (kumitat organizzativ) qal li hemm bżonn li l-union ġdida taħdem biex iġġib bilanċ bejn sezzjonijiet tas-soċjetà. J. Cilia (Kumitat Organizzativ) qal li hemm bżonn li ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol ikollhom l-istess paga u privileġġi. L-analomija li nies li jagħmlu l-istess xogħol u ma jingħatawx l-istess paga kienet tinsab mhux biss fost il-ħaddiema tal-Gvern Imperjali u tal-partikular iżda wkoll fost il-ħaddiema tal-Gvern Ċivili. Ta’ min jgħid li korrispondenza bejn Prof. V. Bernard, il-Kap Uffiċjal Mediku tal-Gvern u Roger Castillo, Segretarju għall-Gvern, turi t-tħassib ta’ dawn iż-żewġ uffiċjali għolja tal-Gvern Ċivili dwar l-istess problema. Huma jilmentaw li fost il-ħaddiema tal-Gvern Ċivili l-pagi ma kellhomx gradi u bejn dipartiment u ieħor kien hemm differenzi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi għal nies li jagħmlu xogħol simili.
Fl-14 ta’ Lulju l-kumitat organizzattiv tal-GWU ħareġ komunikat li deher f’Il-Berqa fejn intqal li l-membri miktuba fil-GWU kienu laħqu 9,000. Imħeġġa minn dan il-GWU fetħet uffiċċju f’18, Triq il-Mitħna, il-Belt.
Fl-24 ta’ Awwissu il-ħaddiema tat-Tarzna għamlu strajk mhux uffiċjali u riedu li jkellimhom Miller. Miller aċċetta u fuq l-insistenza tiegħu l-ħaddiema li kienu fuq strajk ma mxewx lejn il-Belt kif kellhom ħsieb li jagħmlu. Dan l-inċident wera s-saħħa li kien qed kiseb Reggie fost il-ħaddiema u li kien sar tassew it-tredjunjonista ewlieni f’Malta.
Fil-27 ta’ Awwissu sar meeting politiku mill-War Bonus Joint Conference Committee li għalih attendew 10,000 ruħ. Il-meeting kien indirizzat minn Mosè Gatt, E. Fenech u R.G. Miller (GWU), J.F. Marks (Dockyard u Imperial Workers Union), A. Cilia (Civil Service Clerical Associaton) u W. Azzopardi (Civil Government Employees Joint Bonus Committee). Riżoluzzjoni f’isem il-ħaddiema fuq l-istrajk iddikjarat li dawn il-ħaddiema kienu lesti li jerġgħu jmorru għax-xogħol jekk il-kwistjoni tal-bonus tissolva malajr u jekk ma jkunx hemm vittimizzazzjoni tal-ħaddiema li kienu strajkjaw. Din ir-riżoluzzjoni ġiet aċċettata mill-mexxejja tat-trade unions.
Fil-meeting pubbliku tal-1 ta’ Ottubru l-ħaddiema għaddew riżoluzzjoni fejn urew fiduċja fid-delegati li kienu qed jitkellmu f’isimhom dwar il-war bonus. Għal darb’oħra l-ħaddiema li kienu fuq strajk sostnew li kienu lesti li jmorru lura għax-xogħol biex igħinu fl-isforz biex tintrebaħ il-gwerra.
It-Twaqqif tal-G.W.U.
immodifikaIl-5 ta’ Ottubru 1943 hu mfakkar fl-istorja tat-trejdunjonizmu Malti bħala l-jum li fih twaqqfet uffiċjalment il-GWU. Għal dak il-jum tħabbru żewġ meetings oħra, wieħed il-Ħamrun u l-ieħor Raħal Ġdid, minn xorta ta’ dissidenti li iżda sfumaw fix-xejn għax il-ħaddiema bi ħġarhom bl-eluf, wieġbu għas-sejħa ta’ Reggie Miller u ltaqgħu l-Imsida.
Reggie dejjem sostna li t-twaqqif tal-GWU ma kellu bl-ebda mod ixxejjen il-war effort. Għalhekk, apparti l-fatt li l-Imsida kienet post ċentrali fejn tlaqqa’ n-nies, kien f’waqtu li l-meeting kolossali tal-5 ta’ Ottubru 1943 sar l-Imsida minn fejn ftit qabel telqu l-landing barges u bċejjeċ tal-baħar ohra, għall-invazjoni ta’ Sqallija.
Waqt il-meeting kien mitlub li tiġi stabbilita sistema ta’ arbitraġġ minnufih u l-ħaddiema fuq strajk ma jkunux vittimizzati. Il-meeting wera l-fiduċja li l-ħaddiema kellhom f’Miller. Is-sejħa tiegħu għal trade union soda li fiha kellhom post ħaddiema minn kull sezzjoni ta’ impjieg f’Malta xegħlitilhom l-immaġinazzjoni. Il-ħaddiem fehem li kien biss bis-saħħa ta’ trade union kbira li kellu tama li jikseb kundizzjonijiet aħjar. Wara kollox għal ħafna snin kien hemm trade unions żgħar f’Malta iżda minħabba d-diversità ta’ sħubija u għanijiet differenti, il-ħaddiem baqa’ mxekkel b’paga baxxa u kundizzjonijiet ta’ xogħol spiss kiefra. Sa ma feġġgħet il-GWU t-trade unions baqgħu ma ħadux ruħ u fl-istatistika tat-trade unions tal-1939 insibu li n-numru ta’ ħaddiema fihom kien biss ta’ 3,579. Dan kien ifisser 6.8 fil-mija tal-ħaddiema ta’ dak iż-żmien. Fl-1946, allura wara t-twaqqif tal-GWU, in-numru ta’ ħaddiema fi trade unions tela’ għal 33,309: issa 38.7 fil-mija tal-ħaddiema kollha. Minn dawn, 29,660 kienu fi ħdan il-GWU.
L-Ammiral Suppretendent tat-Tarzna kien fehem li kienet biss il-GWU li kellha s-saħħa biex iġġiegħel lill-ħaddiema li kienu fuq strajk imorru lura għax-xogħol. Fil-fatt l-Ammiral Supretendent tat-Tarzna aċċetta r-riżoluzzjoni li għaddew il-ħaddiema waqt il-meeting tal-Imsida. Il-bibien tat-Tarzna raw lill-ħaddiema deħlin lura għax-xogħol il-Ħamis 7 ta’ Ottubru fis-7 ta’ filgħodu.
Għalkemm il-GWU kien irnexxielha treġġa’ lura lejn ix-xogħol il-ħaddiema fuq strajk il-problema tal-war bonus kienet għadha hemm. N. McLeod, li konna ltqajna miegħu meta Miller attenda il-Foreign Dockyards Committee l-Ingilterra, l-espert li ġie Malta biex isolvi l-problema tal-war bonus, ta rapport lill-Gvernatur fit-30 ta’ Ottubru 1943, iżda kien biss fit-27 ta’ Jannar 1944 li r-rapport kien ippreżentat lill-Kunsill tal-Gvern.
Skont dan ir-rapport McLeod stqarr li l-ħaddiem Malti ma kellux bżonn flus iżda consumer goods. Il-minor workers kienu ngħataw biżżejjed flus fil-bonuses u li parità mal-ħaddiema Britanniċi ma kinitx possibbli. Hu sostna li wara kollox il-ħaddiema mal-Gvern Ċivili kellhom il-Public Service Commission waqt li dawk tat-Tarzna kellhom id-Dockyard Whitley Committee. Kien hemm bżonn li ħaddiema oħra mhux koperti jissieħbu fi trade unions.
Il-McLeod Report ma kienx aċċettat mill-GWU mhux biss għax kien implimentat qabel ma kien diskuss mal-ħaddiema iżda iżjed u iżjed għax ir-rapport ħalla l-problema ta’ pagi miżeri mhux solvuta. Id-Dockyard and Imperial Workers Union ilmentaw fuq in-nuqqas ta’ sistema ta’ arbitraġġ. The Times of Malta, Il-Berqa u Leħen is-Sewwa qablu mal-kritika tal-unions kontra r-rapport. Iżda il-Kunsill tal-Gvern aċċetta r-rakkomandazzjonijiet ta’ McLeod.
Il-kwistjoni ma waqfitx hawn. Il-kritika kontra l-McLeod Report mit-trade unions u mill-Istampa, mistoqsijiet fil-House of Commons u l-fatt li f’dak iż-żmien inzerta Malta Orde Brown, Labour Adviser tal-Uffiċċju Kolonjali wasslu biex inħatar Labour Coordination Committee li fuqu kien hemm rappreżentanti tal-Gvern Ċivili u Gvern Imperjali kif ukoll it-trade unions. Miller ikkritika l-Labour Coordination Committee għax ma kellu ebda saħħa esekuttiva. Dan il-kumitat, għalkemm ta leħen lill-ħaddiema, ma kienx żvilupp suffiċjenti pari passu mal-qawmien tal-ħaddiema meta twieldet il-GWU.
Conciliation and Arbitration Act
immodifikaIs-saħħa tal-GWU għamlet neċessarju l-ħolqien ta’ leġiżlazzjoni fuq linji tredunjonistiċi moderni. L-Ordinanza tal-1945 ħasbet biex tirregola kemm ir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-ħaddiem kif ukoll bejn l-istess ħaddiema. Ir-regolament li kull trade union kellha l-obbligu li tirregistra iddixxiplinat lit-trade unions u fl-istess ħin tat lill-gvern perspettiva eżatta tan-numru ta’ ħaddiema fi ħdanhom.
It-trade unions kienu obbligati li jpoġġu flushom f’Banek – miżura li tat stabbiltà lit-trade unions. Il-fatt li mhux biss il-fondi tat-trade unions kienu protetti iżda t-trade unions kienu wkoll imħarsa minn passi kriminali kontrihom, saħħaħ lit-trade unions. Dawn ingħataw ukoll id-dritt ta’ l-istrajk u picketing.
Il-Conciliation and Arbitration Act 1948 ħoloq sistema fejn kwistjonijiet industrijali bejn il-ħaddiema u min iħaddem, setgħu jissolvew malajr u mingħajr il-bżonn ta’ strajk.
Wieħed jista’ jgħid li l-iżjed aspett importanti ta’ dan l-Att kienet l-Arbitration. Sa Diċembru 1952 kien hemm ħames kwistjonijiet importanti li ġew solvuti bis-saħħa ta’ arbitraġġ. Dawn kienu:
- GWU vs Malta Med Coy Ltd - GWU vs Association of Printers and Manufacturing Stationers - GWU vs Navy, Army and Air Force Institutes; -Association of Scientific Workers vs Cable & Wireless Ltd - Malta Government Joint Council vs Malta Government (il-famuż Caruana Colombo Award li diġà ssemma)
CERA - Conditions of Employment (Regulation) Act 1952
immodifikaIl-Conditions of Employment (Regulation) Act 1952, li kulħadd jafu bħala CERA, kien ta’ ġid kbir għall-ħaddiema tal-partikular. Sa dak iż-żmien il-ħaddiema tal-partikular kienu għadhom regolati bl-Ordinanza VII tal-1868.
Il-kundizzjoni ħażina li kienu fiha l-ħaddiema tal-partikular kienet riżultat ta’ nuqqas ta’ liġijiet fir-rigward, ħafna nies jiġru wara l-istess xogħol kif ukoll nuqqas ta’ sħubija fit-trade unions.
Taħt dan il-Att ġew stabbiliti Wages Councils li taw parità bejn ħaddiema li jaħdmu l-istess xogħol. Kienu mdaħħla wkoll miżuri biex ix-xjuħ u dawk b’diżabbiltà jiġu protetti fuq ix-xogħol.
The Torch, The Times of Malta u Il-Berqa faħħru din il-Liġi li wasslet lill-ħaddiem Malti viċin prinċipji ta’ xogħol imħaddna f’pajjizi żviluppati u tat lill-ħaddiem Malti drittijiet stabbiliti mill-International Labour Organisation. Iżda għalkemm saru avvanzi kbar fid-drittijiet tal-ħaddiema l-esiġenzi tan-nisa, kemm għall-paga bħall-irġiel, id-dritt li jibqgħu jaħdmu meta jiżżewwġu kif ukoll protezzjoni waqt it-tqala ma sar l-ebda provvediment għalihom.
Ta’ min igħid li l-GWU sa mill-bidu nett, meta kellha ħaddiema nisa, tathom paga bħall-irġiel u ma kellhomx jitilqu bilfors mix-xogħol meta jiżżewġu.
Fl-Assemblea Nazzjonali
immodifikaReggie Miller ħa sehem b’mod prominenti fl-Assemblea Nazzjonali li ltaqgħet bejn l-20ta’ Jannar 1945 u t-3 ta’ Marzu 1947. Fil-bidu l-GWU lanqas kienet mistiedna biex tibgħat rappreżentanti u meta eventwalment kienet mistiedna ngħatat biss żewġ delegati, bħalma kellhom il-każini tal-banda u għaqdiet filantropiċi. Din il-pożizzjoni ma ġietx aċċettata mill-GWU li eventwalment ingħatat 50 delegati, tnejn għal kull sezzjoni.
Ta’ min isemmi min kienu dawn id-delegati u s-sostituti tagħhom: M. Regina, V. Billion (D.M. Cremona), A. Cilia, E. Wright, C. Mizzi, P. Sciberras, S. Cacciottolo, T. Mallia, C. Libreri (A. Abela), A. Camilleri, C. Barbara, S. Rapa, G. Clare, G. DeGiovanni, A. Vassallo, Ch. Zammit, Ch. Thewma, J. Attard Bezzina, J. Gatt (A. Privitera), C. Cauchi, E. Vassallo, D. Taliana, L. Gauci, C. German, A. Grima, M.S. Mallia (V. Dye), E. Cilia, J. Pace, J. Sant’Angelo, P. Giuliano (D. Mangion), W. Tagliaferro, C. Ellul Galea, T. Xuereb (E. Agius), L. Musu (G. Azzopardi), G. Zarb (G. Cutajar), C. Busuttil, E. Schembri, E. Farrugia (W.A. Rigaud), G. Zarb (A. Rizzo), J. Vassallo, C. Cassano, G. Attard (S. Calleja), J. Bonello (G. Zarb), L. Galea (A.P. Bilocca), E. Tabone, J.P. Xuereb, V. Bonello (F. Barun), J. Hall Formosa (G. Bonello), L. Magro, H. Smith.
Reggie Miller kien awtomatikament elett segretarju tal-Assemblea meta Giuseppe Degiorgio, li kien ukoll nominat, ma aċċettax in-nomina biex witta t-triq għal Miller. L-elezzjoni ta’ Miller għal din il-kariga tat prestiġju kemm lil Miller nnifsu kif ukoll lill-GWU.
Il-GWU ipproponiet dawn il-punti għall-Kostituzzjoni l-ġdida: – ir-reliġjon Kattolika kellha tkun dikjarata r-reliġjon ta’ Malta – il-plural voting jiġi abolit u jingħata d-dritt għal vot lil kull raġel u kull mara – ikun hemm Kamra waħda – l-impjegati jingħataw frank speċjali biex joħorġu għall-Parlament
Kien hemm qbil bejn il-GWU u l-Partit Laburista għall-punti kollha ħlief għall-ewwel punt. Il-Partit Laburista fil-manifest tal-1944, qabel l-elezzjonijiet għall-Kunsill tal-Gvern, kien ħalla barra kull referenza għar-reliġjon għax ħass li f’Malta Kattolika din ir-referenza kienet żejda.
Iżda fl-Assemblea Nazzjonali, mozzjoni ta’ Enrico Mizzi li r-reliġjon ta’ Malta hi r-reliġjon Kattolika, kienet ivvutata favur unanimament. Id-delegati Laburisti vvutaw favur.
Il-Vot tan-Nisa
immodifikaL-Assemblea għaddiet b’maġġoranza ta’ tmienja għall-mozzjoni dwar il-vot għall-irġiel kollha li jagħlqu l-21 sena. Iżda meta ġiet għall-vot tan-nisa ma kienx hemm qbil mill-ewwel. Il-Knisja u elementi oħra konservattivi kienu kontra l-vot għan-nisa.
Fl-Assemblea kien hemm bħala membri tliet nisa biss u dawn kienu J. Burns Debono, Helen Buhagiar u Mabel Strickland. Iżda n-nisa ngħatalhom id-dritt li joħorgu għall-elezzjonijiet. Hawn Miller għamel emenda li kienet tgħid “in-nisa bħall-irġiel” għandhom id-dritt għall-vot u din l-emenda għaddiet.
Il-GWU u l-PL kienu determinati li jkun hemm Kamra waħda. Fis-27 ta’ Lulju 1945 il-mozzjoni ta’ Dr. Boffa li jkun hemm biss Kamra waħda ngħelbet b’165 vot kontra u 160 favur.
Qam pandemonju meta Miller indika irregolaritajiet fil-votazzjoni u ħafna delegati wrew dubju dwar il-validità tal-vot li kien ittieħed. Eventwalment il-McMichael Constitution ħalliet lis-Senat barra. B’hekk jista’ jingħad li dak li wera Miller wassal biex Malta jkollha Kamra waħda.
Strajk Ġenerali tal-1946
immodifikaSadattant il-pożizzjoni ekonomika tal-pajjiż baqgħet sejra lura u l-GWU ordnat strajk ġenerali fil-5 ta’ Jannar 1946. L-istrajk kien maħsub bi protesta kontra l-amministrazzjoni ħażina, kontra il-fatt li d-drittijiet tal-ħaddiema kienu qed jiġu njorati u għax il-Gvern Imperjali kien irtira s-sussidji. L-istrajk kien suċċess u kellu l-parti kbira tal-Maltin warajh.
Il-GWU kienet favur il-Marshall Aid. Ma setax ikun mod ieħor meta l-ħaddiem, partikularment mal-Gvern Imperjali, kellu l-mannara tas-sensja fuq rasu u l-ekonomija Maltija kellha bżonn il-flus minn barra l-pajjiż. Malta rċeviet £900 għall-Power Station. Malta ma setgħetx tirsisti b’mod sħiħ għal din l-għajnuna għax bħala kolonja Malta ma setgħetx titkellem direttament.
Il-GWU, konformament mal-ħsieb ta’ Miller, kienet taqbel mal-Integration ta’ Malta mar-Renju Unit. Il-ħaddiema tat-Tarzna, li kienu s-sisien tal-GWU, dejjem ħolmu li jkollhom pagi bħall-ħaddiema Ingliżi.
L-Integration, fi ħsieb Miller, kienet tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd: “Practically everyone… in Malta would be… in the same favourable position”. Miller fl-Integration ra l-istess rabta ekonomika li kienet qed isseħħ dak iż-żmien fl-Ewropa. F’Novembru 1954 waqt laqgħa tal-European Regional Organisation tal-International Confederation of Trade Unions (li tagħha l-GWU kienet membru fundatur meta twaqqfet f’Novembru 1949) Reggie kien ivvota favur l-għaqda ekonomika Ewropea.
Strajk Ġenerali tal-1958 u t-Tmiem
immodifikaMiller kien benvist mill-ICFTU, tant li kien ingħata tliet ħatriet importanti fi ħdanha meta ntagħżel biex jorganizza u jgħin lit-trade unions fit-Turkija fl-1953, fil-Libja fl-1954 u fl-Italja 1954-55.
Wara theddida ta’ sensji kbar fit-Tarzna il-GWU sejħet strajk ġenerali għat-28 ta’ April fl-1958. L-istrajk kien suċċess kbir. Iżda l-istrajk inbidel fi protesta kontra l-Gvern Imperjali u kien hemm inkwiet mal-pulizija f’ħafna postijiet f’Malta.
Minn hemm ’il quddiem l-istilla ta’ Reggie bdiet tittappan. Hu għamel tliet mossi żbaljati. Kien siefer għall-konferenza tal-ICFTU waqt li hawn Malta kien sejjaħ l-istrajk ġenerali tat-28 ta’ April. Imbagħad, meta spiċċa bl-età minn mal-GWU, mar jaħdem mad-ditta CH Bailey Ltd li kienet ħadet it-treġija tat-Tarzna.
Miller dan għamlu minkejja li l-GWU kienet kontra li t-Tarzna tiġi f’idejn il-partikular. Iżda l-agħar mossa tiegħu kienet meta Miller ħabbar it-twaqqif ta’ union ġdida, il-Union of Free Workers – inizjattiva li mill-ewwel sfumat fix-xejn. Hawn ir-rispett lejn Miller naqas drastikament. Diżilluż u umiljat Reggie telaq minn Malta u mar jgħix l-Ingilterra fejn kienet toqgħod Ariadne, it-tifla li kien rabba u li kien tant iħobb.
Ta’ min jgħid iżda li sa ma miet hu gawda minn pensjoni li kienet ħarġitlu l-GWU. Qabel telaq ġie festeġġat mill-GWU u anke ngħata rigali ta’ tifkira.
Joe Attard Kingwell, is-Segretarju Ġenerali li laħaq warajh, kien iżuru regolarment kull meta kien ikun Londra.