Andrea Palladio
Andrea Palladio (30 ta’ Novembru 1508 – 19 ta’ Awwissu 1580), ismu veru Andrea di Pietro della Gondola, kien arkitett famuż Taljan tas-seklu 16. Ta l-isem lil stil - l-istil Palladjan, li jżomm mal-prinċipji Klassiko-Rumani, kontra t-tiżjin rikk Rinaxximentali. Palladio ppjana ħafna knejjes, vilel u palazzi, l-iżjed f’Vicenza, fejn trabba u għex, f’Venezja u fl-inħawi ta’ madwar. Kien l-arkitett l-iżjed importanti tar-Repubblika ta’ Venezja. Ippubblika t-trattat I Quattro Libri dell'Architettura (1570) li bid-disinji li jinsabu fih kellu influwenza profonda fuq l-arkitettura Ewropea; l-imitazzjoni tal-istil tiegħu bdiet moviment li jissejjaħ il-Palladjaniżmu jew in-Neo-Palladjaniżmu, li dam ħaj tliet sekli.
Andrea Palladio | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Andrea di Pietro della Gondola |
Twelid | Padova, Novembru 1508 |
Nazzjonalità | Repubblika ta' Venezja |
Mewt | Vicenzau Maser, 19 Awwissu 1580 |
Familja | |
Konjuga/i | Allegradonna (en) |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Taljan Venet |
Għalliema |
Bartolomeo Cavazza (en) Gian Giorgio Trissino (mul) |
Studenti |
uri
|
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
arkitett teoriku tal-arti |
Post tax-xogħol |
Veneto Vicenza Venezja Udine |
Xogħlijiet importanti |
Bażilika Palladjana Gallerie dell'Accademia (en) Villa Saraceno (en) Villa Almerico Capra (La Rotonda) (en) Gioiello di Vicenza (en) bażilka ta' San Giorgio Maggiore Teatru Olimpiku Belt ta’ Vicenza u l-Vilel ta’ Palladio fil-Veneto |
Sħubija | Accademia delle Arti del Disegno (en) |
Bijografija
immodifikaAndrea di Pietro della Gondola twieled Padova, dak iż-żmien parti mir-Repubblika ta’ Venezja, f’familja ta’ nisel umli: missieru Pietro kien tal-mitħna u ommu Marta, imlaqqma la Zota, kienet mara tad-dar.
Meta kellu 13-il sena Andrea sar lavrant bħala scalpellino f’Padova, fil-ħanut ta’ Bartolomeo Cavazza da Sossano imma wara 18-il xahar biss, f’April 1532, ħarab lejn il-belt ta’ Vicenza fil-qrib, iżda kellu jiġi lura għax kien kiser il-kuntratt ma’ Cavazza. Sena wara nkiteb fl-għaqda tal-iskulturi ta’ Vicenza. Hemm ħadem bħala assistent fil-ħwienet prinċipali tal-iskulturi u l-bennejja, speċjalment mal-bennejja Pedemuro li għalihom beda jieħu ħsieb il-parti arkitettonika l-iżjed elaborata tal-proġetti tagħhom. L-ewwel traċċi tal-istil ta’ Palladio ġejjin minn din il-fażi, diġà narawhom fil-portal tal-Chiesa dei Servi u forsi nistgħu nsibu xi ħjiel tiegħu ukoll fil-Palazzo Gualdo.
Andrea kien għadu ma jissejjaħx "Palladio" meta ħadem fuq il-bini tal-villa ta’ Gerolamo Godi f’Lonedo di Lugo Vicentino. X’aktarx li l-proġett ma kienx f'idejh għalkollox, imma kien inkarigat biex imexxih mill-bennejja Pedemuro, li ġa semmejna, li kienu jqisu ż-żagħżugħ Andrea, li bilkemm kellu tletin sena, bħala speċjalista tal-parti arkitettonika.
Minn barra, il-bini prinċipali ta' Villa Godi hu solidu, massiv u bil-forma ta’ dar tipika tal-kampanja Veneta tal-aħħar tas-seklu 15, b’żewġ torrijiet, qisu iżjed l-evoluzzjoni ta’ kastell antik fewdali milli l-prekursur tal-villa Palladjana: joħorġu l-karattri lokali u tradizzjonali, bħall-pożizzjoni asimetrika tat-twieqi fil-faċċata, il-portiku b’tliet ħnejjiet u l-bini ċentrali mdaħħal ’il ġewwa. L-esperjenza diretta tal-arkitett żagħżugħ kienet limitata għall-ambjent tal-Veneto u l-bini sħiħ jirrifletti it-taħriġ tiegħu li f'dak iż-żmien kien għadu limitat. L-istil tiegħu kien se jinbidel, u jinbidel ħafna, imma biss wara li kellu jara b’għajnejh stess l-arkitettura ta’ Ruma antika. Madankollu, f’Villa Godi, bis-sempliċità tal-forom, biċ-caħda ta’ kull tiżjin estern, Palladio pprova fl-istess ħin, għalkemm timidament, jgħaqqad it-tradizzjoni lokali mat-tensjonijiet innovativi li kienu ħa jimmaturaw bil-ħbiberija ma’ Gian Giorgio Trissino, biex jiksbu struttura simetrika b’taqsim ċar tal-volumi.
Fl-1534, Andrea kien intagħżel mill-Konti Gian Giorgio Trissino bħala l-imgħallem biex immexxi l-bini ta’ Villa Cricoli. Trissino kien poeta, filosfu, litterat u diplomatiku fis-servizz tal-Kurja Rumana. Kien umanista, espert tal-arti militari, dilettant tal-arkitettura u awtur tax-xogħol epiku u poetiku L’Italia liberata dai Goti. Kien hu li ta lil Andrea l-laqam Palladio.[1] Trissino daħħal lil Palladio fiċ-ċirku umanista ta’ Vicenza, l-Academia Olimpica, għarrfu bix-xogħlijiet ta’ Vitruvju u ta’ Leone Battista Alberti, u għenu jipperfezzjona ruħu fl-arti liberali u fl-umaniżmu. Trissino u Palladio fl-1541 għamlu l-ewwel vjaġġ arkeoloġiku lejn Ruma biex jitgħallmu iżjed fuq l-arti antika tal-bini.
Wara l-ewwel vjaġġ, reġa’ lura Vicenza, fejn waqt li kompla jaħdem, studja iżjed fil-fond lil Vitruvju. Mar lura Ruma bosta drabi fl-1545, fl-1547 u fl-1549. Barra Vitruvju, li kien jaqra bir-reqqa, Palladio kien jirreferi wkoll għal għadd ta’ awturi Latini oħra bħal Plinju, Ġulju Ċesri u kittieba oħra iktar qrib ta’ żmienu bħal Leon Baptiste Alberti jew Vasari[2].
Mill-1550, minkejja l-mewt ta’ Gian Giorgio Trissino, il-fama ta’ Palladio nfirxet sa Venezja fejn mexxa l-bini tal-Bażilika ta’ San Giorgio Maggiore.
Fl-1554, taħt Ġulju III, Palladio għamel l-aħħar vjaġġ lejn Ruma mar-"reverendissmu Daniele Barbaro, Patrijarka ta’ Aquileia"[3], li kkollabora miegħu fl-edizzjoni ta’ De architectura ta’ Vitruvju, ippubblikata f’Venezja fl-1556. Fl-istess sena, Palladio ppubblika L'Antichità di Roma.
Minkejja r-rappreżentazzjonijiet tat-tempji ta’ Nimes fil-Quattro libri dell'architettura jidher li Palladio qatt ma ħalla l-Italja fil-vjaġġi tiegħu. Seta’ għamel vjaġġ fil-Piemonte, fuq it-talba ta’ Emanuele Filiberto ta’ Savoja fis-sajf tal-1566.[4] Jista’ jkun li kien matul dan il-vjaġġ li mar La Turbie fi Franza u ra l-monument Ruman tagħha li ddeskriva fil-Quattro libri.
It-talenti tiegħu kienu apprezzati ukoll f’Firenze fejn fl-1566 daħħluh bħala membru tal-Accademia dell'Arte del Disegno. Il-Quattro libri dell'architettura, li kien ħadem fuqhom minn meta kien żagħżugħ, kienu ppubblikati f’Venezja fl-1570. Fihom wera l-parti l-kbira tax-xogħlijiet tiegħu bħala inċiżjonijiet fl-injam maħdumin taħt id-direzzjoni tiegħu.
Fl-istess sena Palladio kien nominat għall-kariga prestiġjuża ta' Proto della Serenissima (arkitett prinċipali tar-Repubblika ta’ Venezja), minflok Jacopo Sansovino li kien miet. Hemm bena l-Bażilika ta’ San Giorgio Maggiore u l-knisja tar-Redentur.
Andrea Palladio miet fl-1580 qabel ma lesta t-Teatru Olimpiku ta’ Vicenza li spiċċawh ibnu Silla u d-dixxiplu tiegħu Vincenzo Scamozzi.
Xogħlijiet
immodifikaBini
immodifikaIx-xogħlijiet arkitettoniċi ta’ Palladio huma kkonċentrati fil-Veneto, fejn wieħed għadu jista’ jarahom. Vicenza hemm it-Teatru Olimpiku, il-Palazz Muniċipali msejjaħ il-Bażilika Palladjana, il-Loggia del Capitanio, bosta palazzi u vilel, li fostom l-iżjed famuża hi Villa Rotonda.
Fil-bosta vilel mibnijin fil-Veneto, Palladio kien ispirat u oriġinali fl-użu ta’ elementi mill-arkitettura antika li sa llum għadhom jagħtu x-xogħol tiegħu dehra ta’ grazzja u ekwilbriju. Il-bini kien jinbena bil-brikks u miksi bl-istukko; il-ġebla kienet tintuża biss għad-dettalji.
Il-vilel Palladjani l-iżjed famużi huma:
- Villa Godi,
- Villa Badoer,
- Villa Barbaro msejħa Villa Volpi, Maser,
- Villa Foscari qrib Mira,
- Villa Capra msejħa Villa Rotonda, qrib Vicenza,
- Villa Serego, Santa Sofia.
Ix-xogħlijiet pubbliċi u r-residenzi urbani l-iżjed famużi huma:
- Palazzo la Ragione, Vicenza,
- Palazzo Chiericati, Vicenza,
- Il-Kjostru ta’ San Giorgio Maggiore,
- Palazzo Valmarana,
- Il-Bażilika ta’ San Giorgio Maggiore,
- Il-Knisja tar-Redentur,
- Loggia del Capitanio, li ma tlestietx,
- It-Teatru Olimpiku ta’ Vicenza.
I Quattro Libri dell'Architettura
immodifikaI Quattro Libri dell'Architettura ma nistgħux nifirduhom mix-xogħol ta’ Palladio. Dan it-trattat tal-arkitettura u fl-istess ħin l-espressjoni tal-ħsieb teoriku u l-preżentazzjoni tal-bini li nbena minn Palladio jew kien disinjat minnu.
L-influenza ta’ Palladio fuq l-arkitettura
immodifikaPalladio hu arkitett tar-Rinaxximent Taljan li jista’ jitqies bħala umanista. Palladio hu bniedem ta’ żmienu, mill-kitba tiegħu toħroġ teorija universalista, forsi influwenzata minn Vitruvju u Plinju. L-attenzjoni kontinwa li ta għall-proporzjon u s-simetrija bħalma jinstabu fin-natura tidher ċara f’xogħlu. Palladio qagħad attent ħafna biex japplika r-regoli tal-proporzjon għall-kompożizzjoni arkitettonika kostitwiti mill-Antiki u, ta’ minn jinnota, ir-regoli tal-proporzjon mużikali mnedija minn Pitagora. Palladio stess qalu dan fl-1567: "Il-proporzjonijiet tal-vuċi huma armonija għall-widnejn: dawk tal-qies huma armonija għall-għajnejn".
Is-suċċess tal-ħsieb ta’ Palladio hu marbut ukoll ma’ kontroversji kbar bħall-Querelle des Anciens et des Modernes (Il-polemika bejn L-Antiki u l-Moderni) fi Franza. Palladio bħal Trissino kien kritiku tal-arti Gotika. Ix-xogħol teoriku tiegħu għandu bħala għan li joħloq metodu espliċitu biex l-arkitettura ma terġax taqa’ fid-diżordni antika.
L-ideat arkitettoniċi ta’ Palladio kellhom suċċess kbir l-Ingilterra fejn l-arkitett Inigo Jones kien promotur entużjasta ta’ dawn l-ideat. Ħaġa tal-għaġeb li fit-test storiku ta’ Constitutions tal-mażun James Anderson ippublikat f’Londra fl-1723 hemm imsemmijin Palladio u bosta arkitetti oħra tar-Rinaxximent. L-arti ta’ Palladio daħlet Franza mill-Ingilterra lejliet ir-Rivoluzzjoni Franċiża: fil-fatt, kien l-arkitett Claude Nicolas Ledoux li skopra il-Palladjaniżmu l-Ingilterra u introduċieh ġo Franza.
Thomas Jefferson, it-tielet President tal-Istati Uniti, interessa ruħhu ħafna fix-xogħol ta’ Palladio fil-vjaġġi tiegħu fl-Ewropa. Id-dar ta’ Monticello, qrib Charlottesville hi eżempju tal-influwenza tiegħu. Kontemporanju tal-President Jefferson qal li dan kien iħobb jgħid: “Palladio l-mulej tiegħi u l-Erba’ Kotba tal-Arkitettura l-Bibbja tiegħi”.
Xi arkitetti iżjed kontemporanji huma wkoll influwenzati minn Palladio, fosthom Ricardo Bofill li ħadem fuq xi ħames mitt proġett f’xi ħamsin pajjiż, Aldo Rossi, Charles Moore u oħrajn.
Pubblikazzjonijiet
immodifika- Madwar l-1554, Venezja u Ruma L'Antichita di Roma kellu bosta edizzjonijiet (1557) - (1560)
- Fl-1570, it-trattat L-Erba’ Kotba tal-Arkitettura (I Quattro Libri dell'Architettura)[5]
- Fl-1556 ikkollabora fil-pubblikazzjoni minn Daniele Barbaro ta’ De architectura ta’ Vitruvju li għalih għamel għadd kbir ta’ inċiżjonijiet juru l-arkitettura.
Kronoloġija tax-xogħlijiet
immodifikaNota: Id-data tirriferixxi għall-bidu tal-ippjanar tax-xogħol u mhux neċessarjament għal meta sar ix-xogħol. Sors: CISA[6]
- 1531: Portal tal-knisja ta’ Santa Maria dei Servi, Vicenza
- 1534: Villa Trissino, Cricoli, Vicenza (ma’ Gian Giorgio Trissino)
- 1537- 1542: Villa Godi (għal Girolamo, Pietro e Marcantonio Godi), Lonedo di Lugo di Vicenza
- 1539 (bejn wieħed u ieħor): Villa Piovene, Lonedo di Lugo di Vicenza (Vicenza) (attribwita)
- 1540-1542 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Civena, Vicenza
- 1540 (bejn wieħed u ieħor)-1566 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Poiana, Vicenza (attribwit)
- 1542-1556 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Thiene, Vicenza (x’aktarx fuq proġett ta’ Giulio Romano)
- 1542: Villa Gazzotti (għal Taddeo Gazzotti), Bertesina, Vicenza
- 1542 (bejn wieħed u ieħor): Villa Caldogno (għal Losco Caldogno), Caldogno (Vicenza) (attribwita)
- 1542: Villa Pisani (għal Vettore, Marco e Daniele Pisani), Bagnolo di Lonigo (Vicenza)
- 1542: Villa Thiene (għal Marcantonio u Adriano Thiene), Quinto Vicentino (Vicenza) (x’aktarx modifika ta’ proġett ta’ Giulio Romano)
- 1543: Villa Saraceno (għal Biagio Saraceno) (Vicenza)
- 1544 (madwar)-1552: Palazzo Porto (għal Iseppo De' Porti), Vicenza
- 1546-1549: Logge del Palazzo della Ragione (Basilica Palladiana), Vicenza (tlestew fl-1614 wara mewtu)
- 1546 (bejn wieħed u ieħor)-1563 (bejn wieħed u ieħor): Villa Pojana (għal Bonifacio Pojana), Pojana Maggiore (Vicenza)
- 1546 (bejn wieħed u ieħor): Villa Contarini, Piazzola sul Brenta (Padova) (attribwita)
- 1547: Villa Arnaldi (għal Vincenzo Arnaldi), Meledo di Sarego (Vicenza) (ma tkomplietx)
- 1548: Villa Angarano, Bassano del Grappa (VI) (bini ċentrali ppjanat mill-ġdid minn Baldassarre Longhena)
- 1550-1557: Palazzo Chiericati (għal Girolamo Chiericati), Vicenza (tlesta fl-1680 (bejn wieħed u ieħor) wara mewtu)
- 1550: Villa Chiericati (għal Giovanni Chiericati), Vancimuglio di Grumolo delle Abbadesse (Vicenza) (tlestiet fl-1584 wara mewtu minn Domenico Groppino)
- Villa Cornaro (għal Giorgio Cornaro), Piombino Dese (Padova)
- 1552 (bejn wieħed u ieħor): Villa Pisani (għal Francesco Pisani), Montagnana (Padova)
- 1554-1563: Villa Badoer magħrufa bħala La Badoera (għal Francesco Badoer), Fratta Polesine (Ruma)
- 1554: Villa Porto (għal Paolo Porto), Vivaro di Dueville (Vicenza) (attribwita)
- 1554: Villa Barbaro (għal Daniele u Marcantonio Barbaro), Maser (Treviso)
- 1554?: Villa Zeno (għal Marco Zeno), Donegal di Cessalto (Treviso)
- 1555 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Dalla Torre, Verona (parti biss inbniet; parti nqerdet f’bumbardament fl-1945)
- 1556: Arco Bollani, Udine
- 1556 (madwar): Palazzo Antonini, Udine (saru diversi tibdiliet wara)
- 1556: Barchessa di Villa Thiene, Cicogna di Villafranca Padovana (Padova)
- 1557: Villa Repeta, Campiglia dei Berici (Vicenza) (meqruda min-nar u mibnija mill-ġdid f’forma oħra)
- 1558: Faċċata tal-Bażilika ta’ San Pietro di Castello, Venezja (tlestiet wara mewtu)
- 1558: Villa Emo (għal Leonardo Emo), Fanzolo di Vedelago (Treviso)
- 1558: Koppla tal-Katidral ta’ Vicenza, Vicenza (meqruda f’bumbardament fit-Tieni Gwerra Dinjija u mibnija mill-ġdid)
- 1559: Villa Foscari magħrufa bħala La Malcontenta, Malcontenta di Mira (Venezja)
- 1559: Casa Cogollo (għal Pietro Cogollo), magħrufa bħala Casa del Palladio, Vicenza (attribwita)
- 1560-1563 (bejn wieħed u ieħor): kjostru tac-ċipressi u refettorju tal-monasteru ta’ San Giorgio Maggiore, Venezja
- 1560: Kunvent tal-Karità, Venezja (tlestew biss il-kjostru u l-atriju, inqered fl-1630 min-nar)
- 1560: Palazzo Schio (għal Bernardo Schio), Vicenza
- 1563 (bejn wieħed u ieħor): Portal tal-ġenb tal-Katidral ta’ Vicenza
- 1563 (bejn wieħed u ieħor): Villa Valmarana, Lisiera di Bolzano Vicentino (Vicenza)
- 1564: Faċċata tal-Knisja ta’ San Francesco della Vigna, Venezja
- 1564: Palazzo Pretorio, Cividale del Friuli (Udine) (proġett, attribwit)
- 1565: Knisja tal-monasteru ta’ San Giorgio Maggiore, Venezja (tlestiet bejn l-1607 u l-1611 wara mewtu b’faċċata differenti)
- 1565: Teatru tal-injam fil-bitħa fil-kunvent tal-Karità, Venezja (meqrud fl-1570 min-nar)
- 1565: Loggia del Capitanio, Vicenza
- 1565: Palazzo Valmarana (għal Isabella Nogarola Valmarana), Vicenza
- 1565: Villa Serego (għal Marcantonio Serègo), Santa Sofia di Pedemonte (Verona)
- 1565 (bejn wieħed u ieħor): Villa Forni Cerato (għal Girolamo Forni), Montecchio Precalcino (Vicenza)
- 1566: Villa Capra magħrufa bħala La Rotonda (għal Paolo Almerico), Vicenza (tlestiet fl-1585 wara mewtu minn Vincenzo Scamozzi)
- 1567 (bejn wieħed u ieħor): Barchesse di Villa Trissino, Meledo di Sarego (Vicenza)
- 1568: Ponte di Bassano, Bassano del Grappa (mibni mill-ġdid fl-1748 u wara t-Tieni Gwerra Dinjija)
- 1569-1575: Palazzo Barbaran da Porto (għal Montano Barbarano), Vicenza
- 1569: Ponte sul Tesina, Torri di Quartesolo (Vicenza) (attribwit)
- 1570: Villa Porto (għal Iseppo Porto), Molina di Malo (Vicenza)
- 1571: Palazzo Porto fi Pjazza Castello, Vicenza (tlesta parzjalment fl-1615 minn Vincenzo Scamozzi)
- 1572?: Palazzo Thiene Bonin Longare, Vicenza
- 1574-1577: xogħol fis-swali tal-Palazzo Ducale, Venezja
- 1574: studji għall-faċċata tal-Bażilika ta’ San Petronio, Bolonja
- 1576 (madwar): Kappella Valmarana (għal Isabella Nogarola Valmarana) fil-Knisja ta’ Santa Corona, Vicenza
- 1577: Knisja tar-Redentur, Venezja
- 1578: Knisja ta’ Santa Maria Nova, Vicenza (attribwita, proġett, tlestiet fl-1590 wara mewtu)
- 1579: Porta Gemona, San Daniele del Friuli (Udine)
- 1580: Knisja ta’ Santa Luċija, Venezja (disinji tal-intern; twaqqgħet)
- 1580: Tempietto di Villa Barbaro, Maser
- 1580: Teatro Olimpico, Vicenza (tlesta wara mewtu minn ibnu Silla u d-dixxiplu tiegħu Vincenzo Scamozzi)
Noti
immodifika- ^ Minn Pallas l-alla Griega tal-għerf
- ^ Daħla għall-Ktieb I u Kap XVI ta’ Ktieb II, Ktieb III tal-Quattro libri dell'architettura.
- ^ kien hekk li Palladio poġġa ritratt ta’ Barbaro fil-Quattro libri dell'architettura
- ^ G. Zorzi, I disegni delle antichità di Andrea Palladio, Venezia, Neri Pozza Editore, 1959
- ^ http://www.cesr.univ-tours.fr/architectura/Traite/Notice/ENSBA_LES1338.asp
- ^ http://www.cisapalladio.org/veneto/index.php?lingua=i&modo=nomi&ordine=alfa
Biblijografija
immodifika- I Quattro Libri dell’architettura, Andrea Palladio - Edizzjon Franchesci, Venezja 1570
- Jean Guillaume, Du Cerceau et Palladio. Fortune de la villa dans la France du XVI siècle fl-Annali di architettura n° 12, Vicenza 2000
- Claude Mignot, Palladio et l’architecture française du XVII siècle, une admiration critique fl-Annali di architettura n° 12, Vicenza 2000
- Parallèle de l'architecture moderne et de l'antique minn Roland Fréart de Chambray f'Edme Martin 1650 [1]
- "Les quatre livres de l'architecture" - Edituri Arthaud, Pariġi 1980 - Daħla ta' François Herbert Stevens
- "L'architecture de Palladio" - Edituri Arthaud, Pariġi 1981 - Awtur : Pepi Merisio - Daħla ta' Wolftraud de Concini.