Palazzi Rjali ta' Abomey
Il-Palazzi Rjali ta' Abomey huma 12-il palazz mifruxa f'erja ta' 40 ettaru (100 akru) fil-qalba tar-raħal ta' Abomey fil-Benin, li qabel kien il-belt kapitali tar-Renju ta' Dahomey tal-Punent tal-Afrika. Ir-renju ġiet stabbilit fl-1625 mill-poplu Fon li żviluppah f'imperu militari u kummerċjali setgħan, li kellu dominanza fil-kummerċ mal-merkanti Ewropej tal-iskjavi tul il-Kosta tal-Iskjavi sal-aħħar tas-seklu 19, li kienu jbigħulhom il-priġunieri tal-gwerra tagħhom. Fil-quċċata tar-renju, il-palazzi kienu jesgħu sa 8,000 ruħ. Il-palazz tar-re kien jinkludi binja ta' żewġ sulari magħrufa bħala d-"dar tal-molluski" jew akuehue.[1] Taħt is-suċċessjoni tat-tnax-il re mill-1625 sal-1900, ir-renju stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-iktar setgħana tal-kosta tal-Punent tal-Afrika.[2][3][4]
Il-palazzi tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[5] Fl-istess żmien is-sit kellu jitniżżel fost is-siti fil-periklu peress li Abomey intlaqtet minn tromba tal-arja fil-15 ta' Marzu 1984, u l-binjiet irjali u l-mużewijiet, b'mod partikolari l-Portiku tar-Re Guezo, is-Sala ta' Assins, il-Qabar tar-Re u s-Sala tal-Ġojjelli, ġarrbu xi ħsarat. Madankollu, bl-assistenza minn diversi aġenziji internazzjonali, ix-xogħol tar-restawr u tar-rinnovazzjoni tlesta. Abbażi tax-xogħlijiet ta' tiswija li twettqu u r-rapporti li tfasslu dwar dawn ir-rinnovazzjonijiet f'Abomey, l-UNESCO ddeċidiet li tneħħi s-sit mil-lista tas-siti fil-periklu f'Lulju 2007.[6]
Illum il-ġurnata, il-palazzi ma għadhomx abitati, u dawk tar-Re Ghézo u tar-Re Glélé jospitaw il-Mużew Storiku ta' Abomey, li juri l-istorja tar-renju u s-simboliżmu tiegħu permezz tax-xewqa għall-indipendenza, ir-reżistenza u l-ġlieda kontra l-okkupazzjoni kolonjali.
Storja
immodifikaIl-palazzi nbnew mit-12-il mexxej tar-renju fi ħdan Abomey u ntużaw bejn l-1695 u l-1900 bħala ċ-ċentru kulturali tradizzjonali tal-imperu. L-ewwel mexxej li ordna l-kostruzzjoni tal-palazzi kien ir-Re Houegbadja, li stabbilixxa l-belt.[7]
Skont rakkonti folkloristiċi, id-dixxendenti tal-familja rjali ta' Abomey li bnew it-12-il palazz tnisslu mill-Prinċipessa Aligbonon ta' Tado u pantera. Ir-renju tagħhom eżista fin-Nofsinhar tar-Repubblika attwali tal-Benin f'Abomey. Madankollu, l-istorja rreġistrata traċċata sas-seklu 17 twassal għal tnejn mid-dixxendenti tagħhom, jiġifieri Do-Aklin u Dakodonou. Houegbadja (1645-1685) kien ir-re li stabbilixxa r-renju fuq il-promontorju ta' Abomey u li stabbilixxa l-qafas legali għall-funzjonament, għar-rwol politiku, għar-regoli tas-suċċessjoni, eċċ. tar-renju.
Ir-Re Agaja (1718-1740) rebaħ kontra r-Renju ta' Allada fl-1724 u r-Renju ta' Whydah fl-1727. Dan irriżulta fil-qtil ta' diversi priġuniera. Ħafna mill-priġuniera nbigħu wkoll bħala skjavi f'Ouidah, li dak iż-żmien kienet imsejħa Gléwé. Dawn il-gwerer immarkaw il-bidu tad-dominanza tal-kummerċ tal-iskjavi ta' Dahomey (li twettaq fil-port ta' Whydah mal-Ewropej).
Madankollu, fis-seklu 19, bl-istabbiliment tal-moviment kontra l-iskjavitù fir-Renju Unit, ir-Re Guézo (1818-1858) beda l-iżvilupp agrikolu fil-pajjiż, li rriżulta f'iktar prosperità ekonomika għar-renju permezz tal-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli bħall-qamħirrum u ż-żejt tas-siġar tal-palm.
Mill-1892 sal-1894, wara li l-poplu Fon reġa' beda jwettaq attakki fil-Wied ta' Ouémé, Franza ddikjarat gwerra kontra Dahomey. Wara sensiela ta' rebħiet Franċiżi deċiżivi matul it-Tieni Gwerra bejn Franza u Dahomey, huma ħatfu l-palazz ta' Singboji. Ir-Re Béhanzin, l-aħħar re ta' Dahomey li rrenja b'mod indipendenti u l-fdalijiet tal-armata tiegħu ħarbu lejn it-Tramuntana malli l-Franċiżi daħlu fil-belt kapitali fis-17 ta' Novembru. Il-Franċiżi għażlu lil ħu Béhanzin, Goutchili, bħala r-re l-ġdid. Béhanzin eventwalment ġie deportat lejn Martinique. Is-suċċessur tiegħu, ir-Re Agooli Agbo, baqa' jirrenja sa meta ġie deportat lejn il-Gabon fl-1900. Fl-1960, meta l-Benin attwali kiseb l-indipendenza minn Franza, oriġinarjament kien jismu Dahomey.
L-istorja uffiċjali tar-renju ġiet irreġistrata u segwita permezz ta' sensiela ta' bassoriljievi polikromatiċi tal-fuħħar.[8]
Kultura
immodifikaIl-kultura ta' Dahomey kienet imnissla f'reverenza kbira għar-rejiet ta' Dahomey u kellha importanza reliġjuża kbira. Kull re kien jiġi ssimbolizzat fuq "kutra b'appliqué komuni". Iċ-ċerimonji kienu parti mill-kultura, u waħda mill-prattiki kienet is-sagrifiċċju uman.
Arkitettura tradizzjonali
immodifikaKonfigurazzjoni
immodifikaIr-raħal fejn inbnew il-palazzi kien imdawwar b'ħajt tat-tajn b'ċirkonferenza ta' madwar 10 kilometri (6 mili), b'sitt daħliet, u protett b'ħandaq fond 1.5 metru (5 piedi), mimli b'bosta akaċji jniggżu, li kienet id-difiża tas-soltu tal-fortizzi tal-Punent tal-Afrika. Fi ħdan il-ħitan kien hemm villaġġi sseparati minn xulxin bl-għelieqi, diversi palazzi rjali, suq u pjazza kbira bil-barrakki. Il-ħxuna medja tal-ħitan kienet ta' madwar 0.5 metri (1+1⁄2 pied), u b'hekk it-temperaturi fuq ġewwa tal-palazzi kienu jibqgħu friski.
Kull palazz kellu disinn distint skont il-gosti tar-rejiet. Il-Kpododji permezz tal-Honnouwa kien jifforma l-ewwel bitħa interna tal-palazz filwaqt li biswit il-Logodo kien hemm it-tieni bitħa interna jew il-Jalalahènnou. L-Ajalala, binja unika b'bosta tipi ta' aperturi, tinsab fit-tieni bitħa interna; il-ħitan fihom tiżjin b'immaġnijiet suġġestivi bil-bassoriljievi. Il-palazzi ta' Glèlè u ta' Guézo, li ħelsuha ħafif wara n-nirien li tqabbdu intenzjonalment fl-1894 minn Béhanzin, ġew irrestawrati u issa jagħmlu parti mill-mużew.
Il-materjali li ntużaw għall-kostruzzjoni kienu jinkludu t-tajn għall-pedamenti, għall-artijiet u għall-istrutturi olzati. Ix-xogħol bl-injam kien isir b'diversi speċijiet ta' palm, bambù, iroko u kawba. Il-bjut kienu jinbnew bil-ħuxlief u bil-folji tal-metall.
Bassoriljievi
immodifikaIl-bassoriljievi kienu jiffunzjonaw bħala reġistru (fin-nuqqas ta' dokumenti bil-miktub) fejn kienu jiġu rreġistrati l-avvenimenti importanti fl-evoluzzjoni tal-poplu Fon u tal-imperu tagħhom, b'rabta mar-rebħiet militari u s-setgħa ta' kull re u d-dokumentazzjoni tal-ġrajjiet, tad-drawwiet u tar-ritwali tal-poplu Fon. Madankollu, fl-1892, sabiex juri d-disprezz tiegħu fil-konfront tal-okkupazzjoni Franċiża, ir-Re Behanzin (1889-1894) ordna li l-belt u l-palazzi jingħataw in-nar. B'xorti tajba, il-biċċa l-kbira tal-monumenti ħelsuha ħafif u bosta palazzi ġew irrestawrati minn dak iż-żmien 'l hawn. Il-ħitan kienu mżejna wkoll bi plakek tar-ram u tar-ram isfar.[9]
Il-bassoriljievi kienu mdaħħlin ħaġa waħda fil-ħitan u fil-pilastri. Kienu magħmula mit-tajn tal-għoljiet tan-nemel, li kien jiġi mħallat maż-żejt tal-palm u miżbugħ b'pigmenti veġetali u minerali. Dawn jirrappreżentaw waħda mill-iktar karatteristiċi impressjonanti tal-palazzi, li issa jinsabu għall-wiri fil-mużew u ġew sostitwiti b'repliki.
Bosta mill-oġġetti li hemm għall-wiri fil-mużew, li kienu parti miċ-ċerimonji reliġjużi mwettqa mir-rejiet fl-imgħoddi, għadhom jintużaw mill-familja rjali ta' Dahomey fir-riti reliġjużi.
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Palazzi Rjali ta' Abomey ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985 u s-sit ġie estiż fl-2007.[5]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[5]
Mużew Storiku ta' Abomey
immodifikaIl-Mużew Storiku ta' Abomey huwa ospitat f'binja li nbniet f'erja ta' 2 ettari (5 akri), li ġiet stabbilita fl-1943 mill-amministrazzjoni kolonjali Franċiża. Ikopri l-palazzi kollha f'erja ta' 40 ettaru (99 akru), u b'mod partikolari l-palazzi tar-Re Guézo u tar-Re Glèlè. Il-mużew fih 1,050 oġġett għall-wiri. Il-biċċa l-kbira minnhom kienu tar-rejiet li rrenjaw fir-Renju ta' Dahomey. Il-mużew fih bosta oġġetti li jirrappreżentaw il-kultura tar-Renju ta' Dahomey. Uħud mill-iżjed oġġetti notevoli huma l-kutra tar-re, it-tnabar tradizzjonali u l-pitturi taċ-ċerimonji u tal-gwerra bejn Franza u r-Renju ta' Dahomey.
Troddija lura mill-kollezzjonijiet Franċiżi u appoġġ finanzjarju għal mużew ġdid
immodifikaFl-24 ta' Diċembru 2020, il-gvern Franċiż ippromulga liġi ġdida li tippermetti t-troddija lura permanenti ta' diversi oġġetti kulturali mill-kollezzjonijiet Franċiżi lis-Senegal u lir-Repubblika tal-Benin. Wara rapport tal-2018 dwar it-troddija lura tal-wirt kulturali Afrikan, 26 statwa li kienu nsterqu mit-truppi Franċiżi matul is-serq tar-rikkezzi tal-Palazzi Rjali ta' Abomey fl-1892 u mogħtija b'donazzjoni lill-kurunell Franċiż Alfred Dodds lil predeċessur tal-Musée du quai Branly f'Pariġi, jikkostitwixxu l-ewwel troddija lura permanenti skont il-liġi l-ġdida. Barra minn hekk, ġie allokat self ta' 20 miljun ewro mill-Aġenzija Franċiża għall-Iżvilupp biex jinbena mużew ġdid f'Abomey.
Is-26 artefatt kulturali ġew rimpatrijati lejn il-Benin u mill-bidu tal-2022 jinsabu għall-wiri fil-Palais de la Marina f'Cotonou, il-Benin. L-artefatti ġew skedati biex jivvjaġġaw madwar il-pajjiż u ġew murija f'diversi mużewijiet f'dawn l-aħħar snin, qabel ma tpoġġew għall-wiri b'mod permanenti fil-Mużew tal-Ġrajjiet Epiċi tal-Amazzoni u r-Rejiet ta' Dahomey f'Abomey. Id-dekolonizzazzjoni tal-mużewijiet hija parti minn moviment globali li kulma jmur qed jikber biex il-proprjetajiet kulturali jintraddew lura u jiġu rimpatrijati fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Ħsarat ikkawżati minn nirien fl-2009
immodifikaFil-21 ta' Jannar 2009, ħafna mill-binjiet tal-Palazzi Rjali nqerdu minn nirien ta' oriġini mhux magħrufa. Il-fjammi kibru u nfirxu malajr bis-saħħa tal-irjieħ ta' Harmattan, u qerdu l-bjut tal-ħuxlief u l-oqfsa ta' diversi binjiet tal-madwar. L-oqbra tar-Rejiet Agonglo u Ghezo u tan-nisa tagħhom inqerdu wkoll qalb il-fjammi.
L-awtoritajiet aġixxew malajr fi stat ta' emerġenza biex jiddiskutu l-pjanijiet ta' restawr tal-binjiet dilapidati. Dawn il-pjanijiet kienu jinkludu t-tnixxif tal-ilma mill-fdalijiet strutturali, u l-installazzjoni ta' tagħmir tat-tifi tan-nar biex jiġu evitati inċidenti simili. Ix-xogħlijiet tar-restawr ġew appoġġati minn organizzazzjonijiet internazzjonali fuq talba tal-awtoritajiet tal-Benin u taċ-Ċentru għall-Wirt Dinji.
Konservazzjoni u protezzjoni
immodifikaMill-1992 twettaq xogħol estensiv ta' konservazzjoni u saru estensjonijiet tal-binjiet u tal-kollezzjoni. L-Aġenzija Taljana tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp kienet donatur ġeneruż, u ffinanzjat il-palazzi fil-qafas tal-programm ta' PREMA-Abomey. Ix-xogħol ta' konservazzjoni kien possibbli bis-saħħa ta' finanzjament ta' US$450,000 permezz tal-fond fiduċjarju tal-UNESCO. Donaturi oħra li kkontribwew ukoll biex jitwettaq ix-xogħol kienu l-ICCROM permezz tal-programm PREMA, l-Istitut tal-Konservazzjoni ta' Getty u l-Iżvezja.
Il-bassoriljievi li fl-imgħoddi kienu jżejnu l-palazzi ġew irrestawrati bi sforzi speċjali tal-Istitut tal-Konservazzjoni ta' Getty mill-1993; f'palazz minnhom ġew ikkonservati saħansitra ħamsin mis-sitta u ħamsin bassoriljievi bl-involviment attiv tal-membri tal-persunal tal-wirt kulturali tal-Benin. Ħafna mill-artisti impjegati fil-palazzi oriġinaw mill-inħawi ta' Ouémé.
F'Awwissu 2007, ir-Repubblika tal-Benin adottat il-Liġi Nru 2007 tal-2023 dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali u l-wirt naturali ta' importanza kulturali. Fl-2006, il-Belt ta' Abomey ħarġet regolament urban u tal-ippjanar, li jipprovdi qafas sigur għall-protezzjoni tas-sit. Is-sit tal-Palazzi Rjali ta' Abomey dejjem kien jinkludi spazji sagri rrispettati mill-familji rjali u mill-popli. L-organizzazzjoni ta' ċerimonji ritwali huwa mod ieħor kif issir salvagwardja xierqa.
Gallerija
immodifikaReferenzi
immodifika- ^ Stiansen, Endre; Guyer, Jane I. (1999). Credit, currencies, and culture: African financial institutions in historical perspective. Nordic Africa Institute. p. 30. ISBN 978-91-7106-442-4.
- ^ "Evalwazzjoni UNESCO" (PDF).
- ^ Swadling, Mark (1992). Masterworks of man & nature: preserving our world heritage. Harper-MacRae. ISBN 978-0-646-05376-9.
- ^ Royal Palaces of Abomey, Benin Save Our History, The History Channel.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Royal Palaces of Abomey". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-30.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "31 COM 8C.3 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-30.
- ^ Piqué, Francesca; Rainer, Leslie H. (1999). Palace sculptures of Abomey: history told on walls. Getty Conservation Institute and the J. Paul Getty Museum. p. 33. ISBN 978-0-89236-569-2.
- ^ Rainer, Leslie; Rivera, Angelyn Bass; Gandreau, David (2011). Terra 2008: The 10th International Conference on the Study and Conservation of Earthen Architectural Heritage. Getty Publications. p. 91. ISBN 978-1-60606-043-8.
- ^ Coquet, Michèle (1998). African royal court art. University of Chicago Press. p. 70. ISBN 978-0-226-11575-7.