Palazz ta' Drottningholm

palazz irjali fi Stokkolma, l-Iżvezja

Il-Palazz ta' Drottningholm (bl-Iżvediż: Drottningholms slott) huwa r-residenza privata tal-familja rjali Żvediża. Drottningholm jinsab qrib Stokkolma, il-belt kapitali tal-Iżvezja. Inbena fuq il-gżira ta' Lovön (fil-Muniċipalità ta' Ekerö tal-Kontea ta' Stokkolma), u huwa wieħed mill-Palazzi Rjali tal-Iżvezja. Oriġinarjament inbena fl-aħħar tas-seklu 16, u ntuża bħala residenza regolari tas-sajf tal-qorti rjali Żvediża għall-biċċa l-kbira tas-seklu 18. Minbarra li huwa r-residenza privata tal-familja rjali Żvediża, il-palazz huwa attrazzjoni turistika popolari.

Il-faċċata tal-Palazz ta' Drottningholm

Oriġini

immodifika
 
Il-Palazz ta' Drottningholm għall-ħabta tal-1700

L-isem Drottningholm (li litteralment ifisser "gżejra tar-Reġina") ġie mill-binja Rinaxximentali oriġinali ddisinjata minn Willem Boy, palazz tal-ġebel li nbena minn Ġwanni III tal-Iżvezja fl-1580 għar-reġina tiegħu, Catherine Jagiellon. Dan il-palazz kien ippreċedut minn villa rjali msejħa Torvesund.[1]

Ir-Reġina Armla Reġġenti Hedwig Eleonora xtrat il-palazz fl-1661, sena wara li ntemm ir-rwol tagħha bħala r-Reġina tal-Iżvezja, iżda nħakem min-nirien fit-30 ta' Diċembru ta' dik is-sena. Hedwig Eleonora qabbdet lill-arkitett Nicodemus Tessin ix-Xiħ biex jiddisinja u jibni l-palazz mill-ġdid. Fl-1662 beda x-xogħol ta' rikostruzzjoni tal-binja. Il-palazz kien kważi nbena għalkollox meta fl-1681 miet Nicodemus. Ibnu Nicodemus Tessin iż-Żgħir kompla xogħlu u temm id-disinni elaborati fuq ġewwa. L-iskultur Fjamming Nicolaes Millich wettaq it-taraġ il-kbir u l-iskulturi tal-irħam tas-sala tad-disa' mużi, flimkien ma' sensiela ta' busti ta' rejiet Gotiċi.[2] Barra minn hekk, huwa wettaq ukoll ritratti tal-busti tar-Re Karlu X Gustav, ta' martu Hedwig Eleonor u ta' uliedhom, tar-Re żagħżugħ Karlu XI, x'aktarx anke ta' Magnus Gabriel De la Gardie u ta' martu Maria Euphrosyne, oħt ir-Re Karlu X Gustav. Millich u l-assistent tiegħu Burchard Precht wettqu wkoll tinqix dekorattiv fl-injam fil-kamra tas-sodda tar-reġina armla.[3]

Matul il-perjodu ta' rikostruzzjoni, bejn l-1660 u l-1672, Hedwig Eleonora kienet il-kap tar-reġġenza peress li r-Re Eredi Karlu XI tal-Iżvezja kien għadu taħt l-età. L-Iżvezja kienet saret pajjiż setgħan wara l-Paċi ta' Westfalen. Il-pożizzjoni tar-reġina, essenzjalment il-mexxejja tal-Iżvezja, kienet titlob residenza impressjonanti li kienet tinsab biżżejjed qrib Stokkolma.

Matul ir-renju tar-rejiet Karlu XI u Karlu XII tal-Iżvezja, il-qorti rjali spiss kienet preżenti fil-palazz, li kien jintuża għall-kaċċa. Hedwig Eleonora użat il-palazz bħala residenza tas-sajf sa mewtha fl-1715, anke meta kienet saret l-ospitant tal-qorti rjali fin-nuqqas ta' Karlu XII fil-Gwerra l-Kbira tat-Tramuntana (1700-1721).

Seklu 18

immodifika
 
Il-faċċata tal-Lvant tal-palazz

Il-Palazz ta' Drottningholm baqa' jintuża regolarment bħala residenza tas-sajf għall-qorti rjali matul is-seklu 18 kollu. Wara l-mewt ta' Hedwig Eleonora fl-1715, ir-Reġina Ulrika Eleonora tal-Iżvezja u r-Re Federiku I tal-Iżvezja baqgħu jospitaw il-qorti rjali fil-palazz matul is-sajf.[4]

Fl-1744, il-palazz ingħata bħala rigal mir-Re Federiku I lill-Prinċipessa Eredi ta' dak iż-żmien, li mbagħad saret ir-Reġina tal-Iżvezja, Louisa Ulrika tal-Prussja, meta żżewġet lil Adolf Frederick tal-Iżvezja, li sar ir-Re tal-Iżvezja fl-1751. Matul is-sjieda ta' Louisa Ulrika, fuq ġewwa l-palazz ġie ttrasformat bi stil Rokokò Franċiż iktar sofistikat. Louisa Ulrika kienet responsabbli wkoll għall-bini tat-Teatru tal-Palazz ta' Drottningholm, li nbena bi stil grandjuż wara li l-binja oriġinali iktar mudesta kienet inħakmet min-nirien fl-1762. Louisa Ulrika u Adolf Fredrick baqgħu jgħixu fil-palazz matul ir-renju tagħhom (1751-1771). Fl-1777, Louisa Ulrika bigħet il-Palazz ta' Drottningholm lill-Istat Żvediż.

Meta kien proprjetà tal-Istat Żvediż, il-palazz intuża mir-Re Gustav III tal-Iżvezja, iben Louisa Ulrika, bħala residenza tas-sajf, u fil-palazz kien hemm ħajja ċerimonjali tal-qorti liema bħalha, li titqies bħala epoka tad-deheb għall-palazz, li matulha saru maskerati elaborati, festini teatrali kbar u tornej fil-ġonna. Matul ir-renju ta' Gustav IV Adolf tal-Iżvezja (li rrenja fl-1792-1809) u ta' Karlu XIII tal-Iżvezja (li rrenja fl-1809-1818), il-palazz gradwalment beda jintuża inqas spiss. Fl-1797, fil-palazz saru ċelebrazzjonijiet kbar meta l-għarusa tar-Re, Frederica ta' Baden, ġiet milqugħa hemmhekk mal-wasla tagħha fl-Iżvezja, u matulhom ġie organizzat l-aħħar hekk imsejjaħ karużell jew tornew, fil-ġonna tal-palazz. Wara l-Kolp ta' Stat tal-1809, Gustav IV Adolf inżamm taħt għassa għal ħdax-il jum fil-Paviljun Ċiniż.[4]

Seklu 19

immodifika
 
It-taraġ il-kbir bl-iskulturi ta' Nicolaes Millich

Matul ir-renju ta' Karlu XIV Ġwanni tal-Iżvezja (li rrenja fl-1818-1844), il-palazz ġie abbandunat. Ir-re qiesu bħala simbolu tad-dinastija l-antika, u l-Palazz ta' Drottningholm ġie mitluq. Il-binjiet ġarrbu ħsarat mill-forzi tan-natura, u l-inventarji tagħhom ittieħdu jew ġew irkantati.

Mid-dehra nfetaħ għall-pubbliku għall-ewwel darba matul dan il-perjodu: żjara ssemmiet fl-1819, u l-pubbliku kien juża l-park għall-picnics. Okkażjonalment, it-territorju tal-palazz intuża għal avvenimenti pubbliċi: fl-1823, l-għarusa tal-prinċep eredi, Josephine ta' Leuchtenberg, ġiet milqugħa mal-wasla tagħha fl-Iżvezja, u l-jum iddedikat lil isimha baqa' jiġi ċċelebrat. Il-mistednin barranin kienu jintlaqgħu fil-ġonna tal-palazz, bħall-Kżar Nicholas I tar-Russja.[4]

Oscar I tal-Iżvezja interessa ruħu fil-palazz, u għalkemm kien jippreferi l-Palazz ta' Tullgarn bħala residenza tas-sajf, huwa ħa ħsieb li l-palazz jiġi ppreservat billi ordna li jsiru l-ewwel tiswijiet fl-1846. Barra minn hekk, huwa kien jużah għaċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi, bħar-riċeviment għall-istudenti Pan-Skandinavi fl-1856, u fl-1858, Gustav V tal-Iżvezja twieled fil-palazz. Karlu XV tal-Iżvezja kien jippreferi l-Palazz ta' Ulriksdal bħala r-residenza tas-sajf tiegħu u injora l-Palazz ta' Drottningholm, iżda Oscar II tal-Iżvezja kompla bit-tiswijiet.

Kemm Oscar I kif ukoll Oscar II ġew ikkritikati li mmodernizzaw il-palazz u li aġġustawh skont il-moda kontemporanja minflok irrestawrawh għall-istat oriġinali tiegħu, u matul ir-renju ta' Gustav V il-palazz u l-madwar ġew rikostruwiti għad-dehra tagħhom tas-seklu 18. Fl-1907, inbeda restawr maġġuri ta' erba' snin fuq il-palazz biex jiġi rrestawrat għall-istat preċedenti tiegħu, u mbagħad il-qorti rjali bdiet tużah regolarment mill-ġdid.[4]

Residenza rjali

immodifika

Il-familja rjali Żvediża attwali użat il-parti tal-Punent tal-Palazz ta' Drottningholm bħala r-residenza primarja tagħha mill-1981. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-palazz ġie mgħasses ukoll mill-Militar Żvediż bl-istess mod bħall-Palazz ta' Stokkolma. Il-partijiet l-oħra tal-palazz huma miftuħa għall-pubbliku.

 
Il-knisja tal-palazz minn barra

Il-palazz u t-territorju tiegħu sarulhom bosta rinnovazzjonijiet, bidliet u żidiet matul dawn l-aħħar 400 sena. L-ikbar rinnovazzjoni, fejn ġew installati jew immodernizzati l-elettriku, it-tisħin, id-dranaġġ, u l-kanen tal-ilma, u fejn ġie sostitwit is-saqaf tal-palazz, seħħet bejn l-1907 u l-1913. Matul perjodu ta' 20 sena li beda għall-ħabta tal-1977, diversi żoni kbar tal-palazz ġew irrestawrati u rikostruwiti. Il-librerija u s-sala nazzjonali ngħataw l-iktar attenzjoni u sistemi ta' protezzjoni min-nirien ġew installati fil-palazz kollu. Fl-1997 beda x-xogħol biex il-ħitan ta' barra jitnaddfu u jiġu rikostruwiti, u dan ix-xogħol intemm fl-2002.

Il-knisja ġiet iddisinjata u nbniet minn Nicodemus Tessin ix-Xiħ. Tlestiet minn ibnu f'Mejju 1746.

Il-knisja għadha tintuża min-nies tal-parroċċa ta' Lovön, li jinġabru għall-quddies fil-knisja fl-aħħar Ħadd ta' kull xahar. Fil-knisja tal-palazz għadu jintuża orgni Cahman tal-1730. Oġġett notevoli ieħor huwa t-tapizzerija tradizzjonali tal-knisja li saret minn Gustaf V tal-Iżvezja.

 
It-Teatru tal-Palazz ta' Drottningholm

It-Teatru tal-Palazz ta' Drottningholm huwa t-teatru tal-opri li jinsab fil-palazz. Dan għadu jintuża, u l-festivals tal-opri li jsiru fih fis-sajf huma pjuttost popolari. Xi kultant jittellgħu wkoll spettakli tal-Kumpanija Rjali tal-Opri tal-Iżvezja.

Paviljun Ċiniż

immodifika

Il-Paviljun Ċiniż li jinsab fil-ġonna tal-Palazz ta' Drottningholm huwa paviljun irjali ispirat mill-paviljuni Ċiniżi li nbena fl-1763-1770.

 
Veduta tal-ġnien Barokk mill-palazz

Il-ġonna u ż-żoni tal-park madwar il-palazz u l-binjiet tiegħu huma waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali għat-turisti li jżuru l-palazz kull sena. Il-ġonna ġew stabbiliti fi stadji minn mindu nbena l-palazz, u dan irriżulta fi stili differenti ta' parks u ġonna.

Ġnien Barokk

immodifika

L-eqdem parti tal-ġonna nħolqot fl-aħħar tas-seklu 17 taħt it-tmexxija ta' Hedwig Eleonora. Il-missier u l-iben Tessin ħadu f'idejhom il-proġett u ħolqu ġnien Barokk eżatt fuq barra tal-palazz prinċipali, u maġenbu nħolqu tliet mogħdijiet wesgħin b'siġar kbar.[5] Il-bosta statwi mifruxin madwar din iż-żona nħolqu mill-artist Adrian de Vries; l-armata Żvediża ħaduhom waqt il-gwerra mill-Palazz ta' Wallenstein fi Praga, iċ-Ċekja, filwaqt li żewġ iljuni tal-irħam fid-daħla prinċipali tal-palazz ġew ittrasportati mill-Kastell ta' Ujazdów f'Varsavja, il-Polonja.[6] Il-ġnien Barokk ġie mitluq flimkien mal-kumplament tat-territorju matul is-seklu 19, iżda ġie rrestawrat fis-snin 50 u 60 tas-seklu 20 fuq l-inizjattiva ta' Gustaf VI Adolf tal-Iżvezja.[7]

 
Statwa tal-irħam ta' Diana fil-ġnien Ingliż

Ġnien Ingliż

immodifika

Gustav III tal-Iżvezja ħa l-inizjattiva biex jinħoloq il-ġnien Ingliż tal-Palazz ta' Drottningholm. Dan jinsab fit-Tramuntana tal-ġnien Barokk u huwa magħmul minn żewġ għadajjar bil-kanali, bil-pontijiet, b'meded kbar fil-beraħ tal-ħaxix, u b'gruppi ta' siġar jew mogħdijiet bis-siġar. Hemm diversi mogħdijiet tal-mixi f'din il-parti kbira tal-park.

F'din iż-żona kollha, hemm diversi "veduti" li jistgħu jitgawdew, li nħolqu apposta biex jiġbdu l-attenzjoni lejn veduta partikolari. Il-biċċa l-kbira tal-istatwi antiki tal-irħam fil-ġonna nxtraw minn Gustav III mill-Italja. L-iskop tal-istatwi hu li jissorprendu lill-viżitatur bid-dehra partikolari tagħhom f'żona ħadra, jew bħala punt ċentrali għal xi veduta.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta tal-palazz mill-ajru

Il-Palazz ta' Drottningholm ġie ddeżinjat fl-1991 bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, l-iktar minħabba t-Teatru u l-Paviljun Ċiniż tal-palazz. Il-palazz jitqies bħala l-ifjen eżempju ta' residenza rjali tas-seklu 18 fit-Tramuntana tal-Ewropa, ispirat mill-Palazz ta' Versailles.[8]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[8]

Referenzi

immodifika
  1. ^ Swedish Etymological Dictionary of Svenskt ortnamnslexikon, p. 61.
  2. ^ G. Upmark, Ein Besuch in Holland 1687 aus den Reiseschilderungen des schwedischen Architekten Nicodemus Tessin, pt. 2, OudHolland 18 (1900), p. 151.
  3. ^ Nicolaes Millich: Svenskt biografiskt lexikon, Volum 25, p. 516.
  4. ^ a b ċ d Mårtenson, Jan (1985). Drottningholm: slottet vid vattnet [Drottningholm: Castle by the Water] (in Swedish). Stokkolma: Wahlström & Widstrand. ISBN 978-9146146599.
  5. ^ Berman, Martha (1995). Fielding's Scandinavia. Fielding Worldwide. p. 393. ISBN 9781569520499.
  6. ^ "Marble lions from the Ujazdów Castle - Art in Poland". web.archive.org. 2019-06-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-06-26. Miġbur 2022-05-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ Setterwall, Åke; Fogelmarck, Stig; Gyllensvärd, Bo (1974). The Chinese Pavilion at Drottningholm. Allhem. p. 234. ISBN 9789170040245.
  8. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Royal Domain of Drottningholm". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.