Nan Madol

belt tal-qedem fl-Istati Federati tal-Mikroneżja

Nan Madol huwa sit arkeoloġiku biswit ix-xatt tal-Lvant tal-gżira ta' Pohnpei, li issa tagħmel parti mid-distrett ta' Madolenihmw tal-istat ta' Pohnpei fl-Istati Federati tal-Mikroneżja fil-Punent tal-Oċean Paċifiku. Nan Madol kienet il-belt kapitali tad-dinastija Saudeleur sal-ħabta tal-1628.[1] (nota 1) Il-belt, li nbniet f'laguna, tikkonsisti minn sensiela ta' gżejjer artifiċjali żgħar ikkollegati permezz ta' network ta' kanali. Il-qalba tas-sit bil-ħitan tal-ġebel tiegħu tinkludi żona ta' 1.5 kilometru b'0.5 kilometri (0.93 mili × 0.31 mili) u fiha 92 gżejra artifiċjali — pjattaformi bir-radam tal-ġebel u tal-qroll — ikkonfinati minn kanali mareali.[2]

Nan Madol.

L-isem "Nan Madol" ifisser "fi ħdan l-intervalli" u huwa referenza għall-kanali qalb il-fdalijiet.[3] L-isem oriġinali kien Soun Nan-leng, li jfisser "Skoll tal-Ġenna", skont Gene Ashby fil-ktieb tiegħu Pohnpei, An Island Argosy.[4] Spiss is-sit jissejjaħ it-"tmien għaġeb tad-dinja" jew il-"Venezja tal-Paċifiku".

 
Mappa tal-kumpless ta' Nan Madol.

Nan Madol kienet is-sede ċerimonjali u politika tad-dinastija Saudeleur, li kienet tgħaqqad il-popolazzjoni stmata ta' Pohnpei magħmula minn 25,000 ruħ sal-ħabta tal-1628. Imwarrba bejn il-ġżira prinċipali ta' Pohnpei u l-gżira ta' Temwen, fiha kien hemm attività umana diġà mis-sekli 1 jew 2 W.K. Sas-seklu 8 jew 9, bdiet il-kostruzzjoni tal-gżejriet, u l-kostruzzjoni tal-arkitettura megalitika distintiva bdiet fl-1180–1200 W.K.[5]

L-etnografu u l-oċeanografu Pollakk John Stanislaw Kubary għamel l-ewwel deskrizzjoni dettaljata ta' Nan Madol fl-1874.[6]

Ma tantx hemm wisq x'jista' jiġi vverifikat dwar il-kostruzzjoni megalitika. Skont it-tradizzjoni ta' Pohnpei, il-bennejja tas-sit arkeoloġiku ta' Leluh f'Kosrae (magħmul bl-istess mod minn binjiet tal-ġebel enormi) wettqu migrazzjoni lejn Pohnpei, fejn użaw il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom biex jibnu l-kumpless iktar impressjonanti ta' Nan Madol. Id-datazzjoni bir-radjokarbonju tindika li s-sit ta' Nan Madol inbena qabel dak ta' Leluh; għaldaqstant, x'aktarx li s-sit Nan Madol influwenza lis-sit ta' Leluh.

 
Detall tal-bċejjeċ tal-bażalt b'għamla ta' kolonni.

Skont leġġenda ta' Pohnpei, is-sit ta' Nan Madol inbena minn żewġ sħaħar tewmin jisimhom Olisihpa u Olosohpa mill-Punent mistiku ta' Katau jew Kanamwayso. L-aħwa waslu fuq kenura kbira u kienu qed ifittxu post fejn setgħu jibnu artal sabiex ikunu jistgħu jqimu lil Nahnisohn Sahpw, l-alla tal-agrikoltura. Wara li kemm-il darba bdew fuq sieq ħażina, iż-żewġ aħwa rnexxielhom jibnu artal lil hinn mill-gżira ta' Temwen, fejn setgħu jwettqu r-ritwali tagħhom. Skont il-leġġenda, dawn l-aħwa wasslu biex il-ġebel enormi jinqata' mill-art u jittella' fl-ajru bl-għajnuna ta' dragun itir. Meta Olisihpa miet bix-xjuħija, Olosohpa sar l-ewwel Saudeleur. Olosohpa żżewweġ mara tal-post u nissel tnax-il ġenerazzjoni, u b'hekk ipproduċa 16-il mexxej Saudeleur oħra tad-Dipwilap ("il-Kbar"). (nota 2)

Il-fundaturi tad-dinastija mexxew b'ġentilezza, għalkemm is-suċċessuri tagħhom ressqu domandi dejjem ikbar fir-rigward tas-sudditi tagħhom. Ir-renju tagħhom intemm bl-invażjoni ta' Isokelekel, li rresjieda wkoll f'Nan Madol, għalkemm imbagħad is-suċċessuri tiegħu abbandunaw is-sit.[7][8]

Skop u karatteristiċi

immodifika

Iċ-ċentru tal-elit kien post residenzjali speċjali għan-nobbli u għall-attivitajiet mortwarji ppresjeduti mill-patrijiet. Il-popolazzjoni tal-belt kważi ċertament ma kinitx taqbeż l-1,000 ruħ, u jaf kienet inqas minn nofs dak l-ammont. Għalkemm bosta mir-residenti kienu kapijiet, il-maġġoranza kienu nies komuni. Nan Madol parzjlament serviet bħala mod kif il-kapijiet mexxejja tad-dinastija Saudeleur jorganizzaw u jikkontrollaw lir-rivali potenzjali billi jeżiġu li huma jgħixu fil-belt minflok fid-distretti residenzjali tagħhom, fejn l-attivitajiet tagħhom diffiċilment setgħu jiġu mmonitorjati.

Madol Powe, is-settur mortwarju, fih 58 gżejra fin-naħa tal-Grigal ta' Nan Madol. Il-biċċa l-kbira tal-gżejriet fl-imgħoddi kienu okkupati mill-abitazzjonijiet tal-patrijiet. Xi gżejriet kellhom skop speċjali: it-tħejjija tal-ikel, il-kostruzzjoni tal-kenuri fuq Dapahu, u t-tħejjija taż-żejt tal-ġewż tal-Indì fuq Peinering. Il-ħitan għoljin madwar l-oqbra jinsabu fuq Peinkitel, Karian u Lemenkou, iżda l-iktar prominenti hija l-gżejra mortwarja rjali ta' Nandauwas, fejn ħitan ta' 5.5–7.5 metri (18-il pied sa 25 pied) inbnew madwar kompartiment ta' qabar ċentrali fi ħdan il-bitħa prinċipali. Dan inbena għall-ewwel mexxej tad-dinastija Saudeleur.

Fis-sit ta' Nan Madol, ma hemmx ilma tajjeb għax-xorb jew ikel; l-ilma kellu jinġabar u l-ikel kellu jitkabbar iktar 'il ġewwa. Matul it-tmexxija tad-dinastija Saudeleur, iċ-ċittadini ta' Pohnpei kienu jġibu l-ikel u l-ilma essenzjali bid-dgħajjes. Id-dinastija Saudeleur kienet tirċievi l-ikel fi gżejra partikolari: l-ewwel fuq Peiniot, u iktar 'il quddiem iktar fil-qrib fuq Usennamw.

Għall-ħabta tal-1628, meta Isokelekel għeleb lid-dinastija Saudeleur u beda l-era tad-dinastija Nahnmwarki, dawn tal-aħħar għexu f'Nan Madol, iżda kellhom jiġbru l-ilma u jkabbru l-ikel tagħhom stess. Huwa maħsub li eventwalment dan wassalhom biex jabbandunaw is-sit ta' Nan Madol u jerġgħu lura fid-distretti tagħhom, għalkemm hemm spjegazzjonijiet oħra dwar x'wassal biex dan il-kumpless jiġi abbandunat, fosthom id-deklin f'daqqa fil-popolazzjoni.

Arkeoloġija

immodifika
 
Eżempju tal-arkitettura ta' Nan Madol.

Illum il-ġurnata s-sit ta' Nan Madol jifforma distrett arkeoloġiku li jkopri iktar minn 18-il kilometru kwadru (6.9 mili kwadri) u jinkludi l-arkitettura tal-ġebel li nbniet fuq skoll tal-qroll ċatt tul ix-xatt tal-gżira ta' Temwen, diversi gżejriet artifiċjali oħra, u l-kosta tal-gżira prinċipali ta' Pohnpei biswitha. Il-qalba tas-sit bil-ħitan tal-ġebel fiha bejn wieħed u ieħor 1.5 kilometru b'0.5 kilometri (0.93 mili × 0.31 mili) u fiha 92 gżejra artifiċjali — pjattaformi bir-radam tal-ġebel u tal-qroll — ikkonfinati minn kanali mareali.

Id-datazzjoni bir-radjokarbonju tindika li l-kostruzzjoni megalitika f'Nan Madol bdiet għall-ħabta tal-1180 W.K. meta ħaġriet kbar tal-bażalt ittieħdu minn depożitu vulkaniku fuq in-naħa opposta ta' Pohnpei. L-iżjed insedjament bikri fuq Pohnpei x'aktarx imur lura għas-seklu 1 W.K., għalkemm id-datazzjoni bir-radjokarbonju turi li l-attività umana bdiet għall-ħabta tat-80 W.K–200 W.K.

Fl-1985, il-fdalijiet ta' Nan Madol ġew iddikjarati bħala Għeliem Storiku Nazzjonali.[9]

Sal-għeluq tiegħu fl-2012, l-oġġetti mis-sit kienu jinsabu għall-wiri fil-Mużew ta' Lidorkini.[10]

Stħarriġiet arkeoloġiċi taħt l-ilma lil hinn mill-kosta ta' Nan Madol

immodifika

Fl-1978 u fl-1979, Arthur Saxe wettaq stħarriġiet arkeoloġiċi taħt l-ilma sabiex jinvestiga rapporti ta' kolonni bażaltiċi taħt l-ilma lil hinn mill-kosta ta' Nan Madol u sabiex ifittex għal żewġ bliet preistoriċi leġġendarji taħt l-ilma magħrufa bħala Kahnihmw Namkhet u Kahnihmweiso. Dawn l-istħarriġiet irraportaw is-sejbien ta' diversi pilastri twal tal-ġebel miksijin qroll u għoljin sa 6 metri (20 pied), u wesgħin 0.9–1.2 metri (3.0–3.9 piedi), f'fond ta' iktar minn 25 metru (82 pied). La Kahnihmw Namkhet u lanqas Kahnihmweiso ma nstabu. Madankollu, ġie ipotizzat li l-belt ta' Kahnihmweiso jaf kienet inbniet fuq għar, li kkrolla u fforma ħofra blu li belgħet il-belt.[11][12]

Fl-1988 u fl-1989, tim ta' arkeologi mill-Università ta' Oregon ikkonkludew stħarriġiet arkeoloġiċi taħt l-ilma madwar Nan Madol. Huma sabu għadd ta' kolonni bażaltiċi f'qiegħ il-baħar qrib Nan Madol u kkonkludew li dawn il-kolonni kienu jikkonsistu minn materjali ta' binjiet mitlufa, skartati jew imwaqqgħin. Huma eżaminaw ukoll xi pilastri taħt l-ilma rrapportati minn Saxe u sabu żewġ raggruppamenti ta' kolonni spazjati għal għarrieda. Huma daħlu virga tal-azzar ġo tnejn minnhom u sabu qroll biss. Waħda minnhom ġiet olzata u analizzata bir-reqqa. Instab li din il-kolonna kienet tikkonsisti biss mill-qroll u b'hekk kien ċar li ma kinitx "kolonna tal-ġebel ippożizzjonata apposta".[13]

Fl-2013, Ishimura u oħrajn użaw sonar b'diversi raġġi, ROVs, u bugħaddasa biex jeżaminaw il-karatteristiċi ta' taħt l-ilma b'għamla ta' blokok u kolonni, flimkien mal-ħofra blu. Huma ma sabux evidenza ta' pilastri antropoġeniċi magħmula minn kolonni tal-bażalt u lanqas ma sabu evidenza li l-kolonni ta' taħt l-ilma kienu strutturi magħmula mill-bniedem. Huma kkonkludew ukoll li l-ħofra blu hija ħofra li żviluppat fil-ġebla tal-ġir tal-iskolli tal-qroll fl-iktar livell baxx tal-baħar matul il-massimi glaċjali.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Nan Madol: iċ-Ċentru Ċerimonjali tal-Lvant tal-Mikroneżja ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[14]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[14]

Fil-kultura popolari u teoriji tal-kontinenti mitlufa

immodifika
 
Il-fdalijiet ta' Nan Madol u l-madwar.

Is-sit ta' Nan Madol ġie interpretat minn uħud bħala l-fdalijiet ta' wieħed mill-"kontinenti mitlufa" ta' Lemuria jew Mu. Nan Madol kien wieħed mis-siti li James Churchward identifika li kienu parti mill-kontinent mitluf ta' Mu, fil-ktieb tal-1926 tiegħu, The Lost Continent of Mu Motherland of Man.[15]

Il-fdalijiet ta' Nan Madol intużaw bħala l-ambjent għal ġrajja ta' razza mitlufa minn A. Merritt, The Moon Pool (1918), fejn il-gżejjer jissejħu Nan-Tauach u l-fdalijiet jissejħu Nan-Matal.[16][17][18]

Is-sit ta' Nan Madol deher fl-episodju nru 2 tax-xogħol psewdoarkeoloġiku Ancient Apocalypse ta' Graham Hancock imxandar fuq Netflix, fejn saru stqarrijiet foloz dwar l-età tas-sit. Esperti fil-ġeografija u fl-arkeoloġija tal-Paċifiku kkaratterizzat l-istqarrijiet ta' Hancock rigward Nan Madol bħala "insult inkredibbli lill-antenati taċ-ċittadini ta' Pohnpei li ħolqu dawn l-istrutturi", u kkollegawhom ma' ideoloġiji "razzisti" u "suprematisti ta' karnaġjon bajda" tas-seklu 19.

Ma hemm l-ebda bażi xjentifika għall-istqarrijiet ta' Churchward jew ta' Hancock.[19]

  1. ^ L-era tad-dinastija Saudeleur damet madwar 500 sena. Skont il-leġġenda ġeneralment jingħad li d-dinastija ntemmet fil-bidu tas-seklu 16, iżda l-arkeologi jiddataw il-fdalijiet tad-dinastija Saudeleur għall-ħabta tal-1628.
  2. ^ Hanlon (1988) jinnota rendikonti differenti rigward l-għadd ta' mexxejja tad-dinastija Saudeleur, li jvarjaw minn tmienja sa sbatax-il mexxej, u kkonkluda li impossibbli li wieħed ikun jaf fiċ-ċert x'kien l-għadd preċiż.

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Nam Madol". web.archive.org. 2010-06-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-13. Miġbur 2024-12-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ Coles, Rob; McKenzie, Lel; Campbell, Stuart; Yoshida, Rudi; Edward, Ahser; Short, Fred (2005). "The effect of causeway construction on seagrass meadows in the Western Pacific ? a lesson from the ancient city of Nan Madol, Madolenihmw, Pohnpei, FSM". Pacific Conservation Biology. 11 (3): 212–220. doi:10.1071/pc050212. ISSN 2204-4604.
  3. ^ "Nan Madol (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-22.
  4. ^ Ashby, Gene (June 1987). Pohnpei, An Island Argosy (2nd revised ed.). Rainy Day Press. p. 346. ISBN 978-0-931742-14-9.
  5. ^ McCoy, Mark D.; Alderson, Helen A.; Hemi, Richard; Cheng, Hai; Edwards, R. Lawrence (November 2016). "Earliest direct evidence of monument building at the archaeological site of Nan Madol (Pohnpei, Micronesia) identified using 230Th/U coral dating and geochemical sourcing of megalithic architectural stone" (PDF). Quaternary Research. 86 (3): 295–303.
  6. ^ Rainbird, Paul (2004). The Archaeology of Micronesia. Cambridge University Press. p. 21. ISBN 978-0521651882.
  7. ^ Riesenberg, Saul H (1968). The Native Polity of Ponape. Contributions to Anthropology. Vol. 10. Smithsonian Institution Press. pp. 38, 51. ISBN 9780598442437.
  8. ^ Goodenough, Ward H. (2002). Under Heaven's Brow: Pre-Christian Religious Tradition in Chuuk. Memoirs of the American Philosophical Society. Vol. 246. American Philosophical Society. p. 293. ISBN 0-87169-246-5.
  9. ^ "Nan Madol (U.S. National Park Service)". www.nps.gov (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-22.
  10. ^ Hunt, Errol (2000). South Pacific. Lonely Planet. ISBN 978-0-86442-717-5.
  11. ^ Saxe, A.A.; Allenson, R.A.; Loughridge, S.R.L (1980). The Nan Mada Area of Ponape: Researches into Bounding and Stabilizing an Ancient Administrative Center. Saipan: The Trust Territory Historic Preservation Office. pp. 1–145.
  12. ^ Ishimura, Tomo; Asada, Akira; Maeda, Fumitaka; Sugimoto, Ken’ichi; Ogawa, Toshihiro; Hikoyama, Akio; Matsumoto, Yoshinori; Sugimoto, Yusuke; Brennan, Charles; Haramoto, Tomomi; Kohler, Augustine (2014). "Underwater Survey at the Ruins of Nan Madol, Pohnpei State, Federated States of Micronesia". Proceedings of the 2nd Asia-Pacific Regional Conference on Underwater Cultural Heritage. Honolulu.
  13. ^ Ayers, W.S. (1993). Mada Archaeological Fieldwork. Final Report. A Research and Historic Preservation Project 1987–1990. The Trust Territory Historic Preservation Office, Saipan. pp. 1–108.
  14. ^ a b "Nan Madol: Ceremonial Centre of Eastern Micronesia - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-22.
  15. ^ Mitchell, Andrew W. (1990). The Fragile South Pacific: An Ecological Odyssey. University of Texas Press. p. 24. ISBN 978-0-292-72466-2.
  16. ^ Merritt, Abraham (1919). The Moon Pool. New York u Londra: G.P. Putnam's Sons. p. 3
  17. ^ Craib, John L. (1983). "Micronesian prehistory: an archeological overview". Science. 219 (4587): 922–927.
  18. ^ Hanlon, David (1990). "'The Pleasure of Speculation and Conjecture:' Early Euro-American Visions of Nan Madol and their Relevance to Post-Modern Archaeological Investigations". Micronesica. Suppl. 2: 99–116.
  19. ^ "Experts dismiss Netflix's Ancient Apocalypse as 'racist' and 'pseudoscience'" (bl-Ingliż). 2022-12-06. Miġbur 2024-12-22.