Mystras
Mystras jew Mistras (bil-Grieg: Μυστρᾶς/Μιστρᾶς)[1], magħruf ukoll bħala Myzithras (Μυζηθρᾶς) fil-Ġrajja tal-Morea, huwa raħal iffortifikat u eks muniċipalità f’Laconia, il-Peloponnesos, il-Greċja. Ir-raħal antik ta’ Mystras jinsab fuq l-Għolja ta’ Taygetos, ħdejn Sparta tal-qedem, u kien il-belt kapitali tad-Despotat Biżantin tal-Morea fis-sekli 14 u 15. Mystras esperjenza perjodu ta’ prosperità u tkattir kulturali matul dak iż-żmien. Is-sit baqa’ diżabitat matul il-perjodu Ottoman, meta bi żball xi vjaġġaturi mill-Punent ħasbuha Sparta tal-qedem. Fis-snin 30 tas-seklu 19, ir-raħal ġie abbandunat u nbena r-raħal il-ġdid ta’ Sparti, bejn wieħed u ieħor xi tmien kilometri fil-Lvant.
Mystras | |
---|---|
Greċja | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Greċja |
Administrative territorial entity | Decentralized Administration of Peloponnese, Western Greece and the Ionian Islands (en) |
Administrative region of Greece | Peloponnese Region (en) |
Regional unit of Greece | Laconia Regional Unit (en) |
Municipality of Greece | Sparta Municipality (en) |
Isem uffiċjali | Μυστράς |
Ismijiet oriġinali | Μυστράς |
Ġeografija | |
Koordinati | 37°04′26″N 22°22′02″E / 37.074°N 22.3673°EKoordinati: 37°04′26″N 22°22′02″E / 37.074°N 22.3673°E |
Superfiċjenti | 54 hectare |
Għoli | 310 m |
Demografija |
Mir-riforma tal-gvern lokali tal-2011, Mystras jagħmel parti mill-muniċipalità ta’ Sparti bħala unità muniċipali.[2]
Storja
immodifikaLejn l-aħħar tal-1248, William II ta’ Villehardouin, il-mexxej tal-Prinċipat Frank ta’ Achaea, ħakem lil Monemvasia, l-aħħar qawwa Biżantina li kien għad fadal fil-Morea. Dan is-suċċess malajr ġie segwit bis-sottomissjoni tat-Tsakones fuq l-Għolja ta’ Parnon, tat-tribù Slavika tal-Melingoi tal-Għolja ta’ Taygetos, u tal-abitanti tal-peniżola ta’ Mani, u b’hekk kabbar is-setgħa tiegħu fuq il-Laconia bil-ħakma tal-peniżola kollha, li kienet bdiet fl-1205, wara r-Raba’ Kruċjata.[3] Laconia ġiet inkorporata fil-Prinċipat, u l-prinċep żagħżugħ qatta’ x-xitwa tal-1248-1249 hemmhekk, iżur il-pajjiż u jagħżel is-siti għal fortifikazzjonijiet ġodda bħall-Grand Magne u Leuktron. Finalment, ħdejn ir-residenza tiegħu ta’ Lacedaemon (Sparta tal-qedem), fil-quċċata tal-Għolja ta’ Taygetos, huwa bejna l-fortizza li saret magħrufa bħala Mystras.[1][4]
F’Settembru 1259, William ta’ Villehardouin tilef il-Battalja ta’ Pelagonia u ġie maqbud flimkien ma’ ħafna min-nies nobbli tiegħu, mill-forzi tal-imperatur ta’ Niċea Mikiel VIII Palaiologos. Sentejn wara, in-Niċej reġgħu ħatfu lil Kostantinopli, temmew l-Imperu Latin u reġgħu wittew it-triq għall-Imperu Biżantin. F’dak il-punt, l-imperatur ikkonkluda ftehim mal-prinċep maqbud: William u niesu setgħu jinħelsu jekk jagħmel ġurament ta’ fedeltà u jċedi lil Monemvasia, lil Grand Magne, u lil Mystras.[5] Hekk sar u t-territorji ġew ittrasferiti fl-1262, u b’hekk Mystras saret is-sede tal-gvernatur tat-territorji Biżantini fil-Morea. Inizjalment, dan il-gvernatur (kephale) kien jinbidel kull sena, iżda wara l-1308 bdew jinħatru għal mandati itwal. Kważi mill-ewwel, malli reġa’ lura fil-Morea, William ta’ Villehardouin irrinunzja l-ġurament tiegħu lill-imperatur, u faqqgħet gwerra bejn il-Biżantini u l-Franki. L-ewwel tentattivi Biżantini biex idgħajfu l-Prinċipat ta’ Achaea fallew fil-battalji ta’ Prinitsa u ta’ Makryplagi, iżda l-Biżantini kienu stabbiliti sew fil-Laconia. Il-gwerra saret endemika, u l-Biżantini bil-mod il-mod ħelsu mill-Franki. In-nuqqas ta’ sigurtà minħabba l-attakki u l-kontroattakki ħesrem wasslet biex l-abitanti ta’ Lacedaemon jabbandunaw mill-belt esposta tagħhom u jinsedjaw lil Mystras, f’raħal ġdid li nbena taħt il-fortizza.
Mill-1348 sa meta l-Ottomani arrendew fil-31 ta’ Mejju 1460, ir-raħal ta’ Mystras kien ir-residenza ta’ Despota li kien il-mexxej tal-Morea Biżantina, magħrufa bħala d-“Despotat tal-Morea”. Din kienet epoka tad-deheb għar-raħal; skont l-Oxford Dictionary of Byzantium, ir-raħal ta’ Mystras “għadda minn rinaxximent kulturali notevoli, inkluż it-tagħlim ta’ Georgius Gemistus Pleton [..], u attira għadd ta’ artisti u arkitetti tal-ogħla kwalità”.
L-affreski fil-Knisja u Monasteru ta’ Peribleptos, li jmorru lura għal bejn l-1348 u l-1380, huma rari ħafna u huma ta’ żmien l-aħħar ċiklu tal-Biżantini; għalhekk, huma kruċjali biex l-istudjużi jkunu jistgħu jifhmu l-arti Biżantina.
Mystras kien ukoll l-aħħar ċentru ta’ studji tal-Biżantini; il-filosfu Neoplatonist Georgius Gemistus Pleton għex hemmhekk sa mewtu fl-1452. Hu u studjużi oħra bbażati f’Mystras influwenzaw ir-Rinaxximent Taljan, speċjalment wara li akkumpanja lill-imperatur Ġwanni VIII Palaiologos sa Firenze fl-1439.[5]
L-aħħar imperatur Biżantin, Kostantinu XI Palaiologos, kien despota f’Mystras qabel ma tela’ fuq it-tron. Demetrius Palaeologus, l-aħħar despota tal-Morea, arrenda u ta r-raħal lill-imperatur Ottoman Mehmed II fl-1460. Bħala Mezistre, ir-raħal kien is-sede ta’ sanjak Tork. Il-Venezjani okkupaw ir-raħal mill-1687 sal-1715, għalkemm l-Ottomani kellhom il-kontroll tar-raħal sal-1821 u sal-bidu tal-Gwerra Griega għall-Indipendenza. Ir-raħal ġie abbandunat taħt ir-Re Otto u minflok ġie popolat ir-raħal il-ġdid ta’ Sparti.[1]
Sit ta’ Wirt Dinji
immodifikaFl-1989, il-fdalijiet, inkluż il-fortizza, il-palazz, il-knejjes u l-monasteri, tas-sit arkeoloġiku ta’ Mystras, ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[6]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[6]
Ġeografija
immodifikaIr-raħal antik ta’ Mystras jinsab fuq l-Għolja ta’ Taygetos. Is-sit arkeoloġiku jinsab ferm iktar fil-għoli mill-villaġġ modern ta’ Mystras u mill-belt ta’ Sparti. Il-ħdura tal-madwar hija magħmula l-iktar minn siġar taż-żnuber u ċipressi. Fir-reġjun hemm ukoll xi xmajjar u lagi żgħar.[7]
Sottodiviżjonijiet
immodifikaL-unità muniċipali ta’ Mystras hija sottodiviża fil-komunitajiet li ġejjin:
- Agia Eirini
- Agios Ioannis Lakedaimonas
- Anavryti
- Barsinikos
- Longastra
- Magoula
- Mystras
- Paroreio
- Soustianoi
- Trypi
Is-sede tal-muniċipalità ta’ Mystras tinsab f’Magoula.
Popolazzjoni storika
immodifikaSena | Distrett Muniċipali | Unità Muniċipali |
---|---|---|
1981 | 920 | - |
1991 | 525 | 4,592 |
2001 | 807 | 4,608 |
2011 | 832 | 4,265[8] |
Nies notevoli
immodifikaNies li twieldu f’Mystras
immodifika- Georgius Gemistus Pleton (magħruf l-iktar bħala Pleton) (1355-1452), filosfu u studjuż
- Manuel Kantakouzenos, l-ewwel despota tal-Morea
Nies li ndifnu f’Mystras
immodifika- Ġwanni VI Kantakouzenos
- Manuel Kantakouzenos
- Georgius Gemistus Pleton
- Theodora Tocco
- Cleofe Malatesta
Pjanta
immodifika- 1. Daħla prinċipali;
- 2. Metropoli;
- 3. Knisja Evanġelista;
- 4. Knisja ta’ San Teodoru;
- 5. Hodigitria-Afendiko;
- 6. Bieb ta’ Monemvasia;
- 7. Knisja ta’ San Nikola;
- 8. Palazz tad-despota u pjazza;
- 9. Bieb ta’ Nauplia;
- 10. Daħla ta’ fuq taċ-ċittadella;
- 11. Knisja ta’ Hagia Sophia;
- 12. Palazz żgħir;
- 13. Ċittadella;
- 14. Mavroporta;
- 15. Pantanassa;
- 16. Knisja tat-Tassjarki;
- 17. Residenza ta’ Ġwanni Phrangopoulos;
- 18. Monasteru ta’ Peribleptos;
- 19. Knisja ta’ San Ġorġ;
- 20. Dar Krevatas;
- 21. Marmara (daħla);
- 22. Aï-Yannakis;
- 23. Dar Laskaris;
- 24. Knisja ta’ San Kristofru;
- 25. Fdalijiet;
- 26. Knisja ta’ San Kyriaki.
Referenzi
immodifika- ^ a b ċ Gregory, Timothy E.; Ševčenko, Nancy Patterson (1991). "Mistra". In Kazhdan, Alexander (ed.). The Oxford Dictionary of Byzantium. Oxford University Press. pp. 1382–1385. ISBN 978-0-19-504652-6.
- ^ "Kallikratis law Greece Ministry of Interior" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2017-04-27. Miġbur 2021-05-17.
- ^ Bon, Antoine (1969). La Morée franque. Recherches historiques, topographiques et archéologiques sur la principauté d'Achaïe (in French). Paris: De Boccard. pp. 72-73.
- ^ Bon, Antoine (1969). La Morée franque. Recherches historiques, topographiques et archéologiques sur la principauté d'Achaïe (in French). Paris: De Boccard. pp. 73 u 104.
- ^ a b Bon, Antoine (1969). La Morée franque. Recherches historiques, topographiques et archéologiques sur la principauté d'Achaïe (in French). Paris: De Boccard. pp. 122-125.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Mystras". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
- ^ "Geography of Mystras, Greece | Greeka". Greekacom (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
- ^ ""Απογραφή Πληθυσμού - Κατοικιών 2011. ΜΟΝΙΜΟΣ Πληθυσμός" (in Greek). Hellenic Statistical Authority". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-09-27. Miġbur 2021-05-17.