Mramorje

nekropoli bl-istećci f'Perućac, is-Serbja

Mramorje (biċ-Ċirilliku Serbjan: Мраморје) jew Bagruša (Багруша) hija nekropoli Medjevali li tinsab f'Perućac, is-Serbja, u hija fost l-aqwa nekropoli ppreservati tar-reġjun. In-nekropoli nbniet fis-seklu 14 u hija estiża bejn ix-xmara Drina u t-triq prinċipali tul ix-xmara, fid-daħla tal-insedjament fil-qrib. Is-sit huwa protett mir-Repubblika tas-Serbja bħala Monument tal-Kultura ta' Importanza Eċċezzjonali[1], iżda minkejja dan jinsab mhedded mix-xmara Drina fuq naħa u mit-tkabbir kontinwu tar-raħal ta' Perućac fuq in-naħa l-oħra. L-istećci tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala sit transnazzjonali fl-2016; tliet komponenti minnu jinsabu fis-Serbja, u n-nekropoli ta' Mramorje hija waħda mill-komponenti.[2]

L-istećci fin-nekropoli ta' Mramorje.

Nekropoli

immodifika

In-nekropoli, b'madwar 200 lapida magħmula mill-ġebel tal-ġir mastizz, ġiet stabbilita fis-seklu erbatax. L-ikbar eżemplari ta' lapidi li nstabu fin-nekropoli jlaħħqu tul ta' żewġ metri (6.6 piedi) u wisa' u għoli ta' kważi metru (3.3 piedi). Sorsi bikrin jiddokumentaw għadd ta' 122 monument, filwaqt li skont data reċenti, b'kollox hemm 93 monument kif ġej: 46 panew, 18-il slemenjak b'pedestall jew pjattaforma, 10 slemenjak mingħajr pedestall, seba' sarkofagi b'pedestall, 10 sarkofagi mingħajr pedestall, u żewġ eżemplari amorfiċi. Maż-żmien, uħud mil-lapidi ġew imċaqilqa, oħrajn sfrundaw fl-art, filwaqt li diversi oġġetti ġew ittrasferiti fil-mużewijiet (żewġ lapidi bl-ebda dekorazzjoni jinsab fil-kollezzjoni tal-Mużew Etnografiku f'Belgrad, u waħda tinsab fil-Mużew Nazzjonali f'Užice).[1]

Il-lapidi fin-nekropoli huma rranġati f'ringieli regolari, u spiss huma orjentati mil-Lvant għall-Punent. Ma hemm l-ebda kitba mnaqqxa li tista' tinqara fuq il-lapidi, għalkemm uħud minnhom huma pproċessati b'mod fin, ftit minnhom huma mżejna, u hemm ftit motivi ddokumentati (fosthom id-disinni ta' ċrieki, il-qamar, xabla u tarka).[3]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iċ-Ċimiterji tal-Oqbra Medjevali magħrufa bħala Stećci ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-15 ta' Lulju 2016, b'għażla ta' madwar 4,000 qabar individwali, miġbura f'diversi nekropoli fi 28 sit: 22 sit fil-Bożnija-Ħerzegovina, żewġ siti fil-Kroazja, tliet siti fil-Montenegro, u tliet siti fis-Serbja. L-iżjed sit li għandu kollezzjoni ppreservata tajjeb ta' dawn l-oqbra huwa dak ta' Radimlja, fil-Punent ta' Stolac fil-Bożnija-Ħerzegovina.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Ara wkoll

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "Споменици културе у Србији". spomenicikulture.mi.sanu.ac.rs. Miġbur 2023-03-21.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Stećci Medieval Tombstone Graveyards". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-21.
  3. ^ "Kamp Perucac". web.archive.org. 2011-07-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-16. Miġbur 2023-03-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)