Kumplessi Monastiċi Armeni tal-Iran

monasteri u kappella Armeni fl-Iran

Il-Kumplessi Monastiċi Armeni tal-Iran huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fil-provinċji tal-Punent tal-Ażerbajġan u tal-Lvant tal-Ażerbajġan fl-Iran. Is-sit huwa magħmul minn tliet gruppi ta' knejjes Armeni li ġew stabbiliti bejn is-sekli 7 u 16 W.K.

Qara Kelisa ("il-knisja s-sewda"; Sourp Tade bl-Armen), Chaldoran.

Il-binjiet tal-Monasteru ta' San Taddew, tal-Monasteru ta' San Stiefnu, u tal-Kappella ta' Dzordzor sarulhom bosta rinnovazzjonijiet. Dawn is-siti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-32 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji fit-8 ta' Lulju 2008.[1] It-tliet siti jinsabu f'erja totali ta' 129 ettaru (320 akru) u tniżżlu taħt il-kriterji tal-għażla tal-UNESCO (ii), (iii) u (vi) għall-valur universali straordinarju tagħhom biex joħorġu fid-dieher it-tradizzjonijiet arkitettoniċi u dekorattivi Armeni, bħala ċentri ewlenin għad-diffużjoni tal-kultura Armena fir-reġjun, u bħala postijiet ta' pellegrinaġġ tal-appostlu San Taddew u ta' San Stiefnu, figuri ewlenin fit-tradizzjonijiet reliġjużi Armeni. Dawn jirrappreżentaw l-aħħar fdalijiet tal-kultura Armena antika fil-periferija tax-Xlokk. Il-kumplessi jinsabu fi stat tajjeb ta' preservazzjoni.

Pożizzjoni

immodifika

Il-Kumplessi Monastiċi Armeni tal-Iran jinsabu fil-provinċji tal-Punent tal-Ażerbajġan u tal-Lvant tal-Ażerbajġan fl-Iran. It-tliet knejjes jinsabu f'erja total ta' 129 ettaru (320 akru). Il-Monasteru ta' San Taddew, magħruf ukoll bħala "Kara Kelisa" jew il-"Knisja s-Sewda", fil-provinċja tal-Punent tal-Ażerbajġan tinsab madwar 18-il kilometru (11-il mil) minn Maku. Il-Monasteru ta' San Stiefnu jinsab 17-il kilometru (11-il mil) fil-Punent tal-belt ta' Jolfa city, fil-provinċja tal-Lvant tal-Ażerbajġan fil-Majjistral tal-Iran.

Il-poplu Armen huma nattivi tal-Artijiet Għoljin Armeni, li huma parti wkoll mill-Majjistral tal-Iran — magħruf ukoll bħala l-Ażerbajġan Iranjan. L-Armenja kkonvertiet għall-Kristjaneżmu fil-bidu tas-seklu 4 W.K. Parti mir-reġjun jifforma parti mill-Armenja storika. Uħud mill-eqdem kappelli, monasteri u knejjes Armeni fid-dinja jinsabu f'dan ir-reġjun tal-Iran, u r-reġjun tal-Ażerbajġan Iranjan inġenerali fih l-eqdem knejjes fl-Iran.

Skont rapporti mhux ivverifikati, huwa maħsub li San Taddew indifen fis-sit tal-Monasteru ta' San Taddew fis-seklu 1 W.K., u li San Girgor kien responsabbli għall-istabbiliment ta' monasteru hawnhekk fis-seklu 4. Madankollu, hemm prova rreġistrata li l-Monasteru ta' San Taddew imur lura għas-seklu 7. Kienet it-tieni knisja Armena li nbniet, wara l-Katidral ta' Etchmiadzin, u kienet is-sede tad-djoċesi fis-seklu 10. Inqerdet f'terremot fl-1319 u ġiet rikostruwita bis-saħħa l-isforzi tal-Isqof Żakkarija fis-snin 20 tas-seklu 14.

Matul ir-renju tad-dinastija Safavida fis-seklu 15, il-monasteri ġew ippreservati. Il-monasteri mbagħad ġew abbandunati matul is-sekli 16 u 17 wara perjodu ta' attakki mill-Ottomani li wasslu biex bosta Armeni jemigraw lejn l-Iran ċentrali. Ladarba s-Safavidi stabbilew lilhom infushom mill-ġdid, il-monasteri ġew okkupati mill-ġdid u ġew rinnovati. Madankollu, matul is-seklu 18, fiż-żona feġġew bosta kunflitti għad-dominju fost l-Imperu Russu, l-Imperu Ottoman, u l-Imperu Persjan. Meta l-Persjani finalment kisbu l-kontroll, il-monasteri ġarrbu l-ħsarat. Matul l-era tal-Qajar, l-Armeni reġgħu kisbu l-kontroll tal-monesteri u ġew rikostruwiti. Il-Monasteru ta' San Taddew eżistenti ġie rikostruwit fl-1814 u ġie rinnovat fis-snin 70 tas-seklu 20.

B'mod simili, ġie rreġistrat li l-Monasteru ta' San Stiefnu ġie stabbilit għall-ewwel darba fis-649 W.K. u binja ġdida nbniet fl-istess pożizzjoni fis-seklu 10. Kien knisja Kristjana ewlenija matul l-istorja tal-indipendenza u tal-iżvilupp Armeni. Wara li ġarrab il-ħsarat minħabba terremot, ġie rikostruwit mill-Isqof Żakkarija fis-snin 20 tas-seklu 14. Matul is-seklu 14 kollu, kien iċ-ċentru ta' influwenza fir-reġjun għax-xogħol missjonarju Kristjan. Dan il-perjodu immarka l-ħolqien ta' manuskritti letterarji u ta' pitturi dwar temi reliġjużi. Il-monasteru ġie rikostruwit matul il-perjodu mill-1819 sal-1825 u reġa' sar ċentru tal-attività reliġjuża. Ġie rinnovat fis-snin 70 tas-seklu 20, u mill-ġdid matul il-perjodu mill-1983 sal-2001.

Il-Kappella ta' Dzordzor inbniet max-xatt tax-xmara Makuchay f'Dzordzor mill-Isqof Żakkarija fl-1314 b'disinn pjuttost mudest, bl-użu tal-fdalijiet ta' monument reliġjuż iktar bikri ta' bejn is-sekli 10 u 12. Matul il-perjodu tat-tmexxija Ottomana, xi partijiet mill-binja nqerdu. Iktar 'il quddiem, il-kappella ġiet mhedda li tegħreq minħabba diga proposta u kellha tiġi ttrasferita lejn pożizzjoni ġdid iktar 'il fuq tul ix-xmara.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Kumplessi Monastiċi Armeni tal-Iran ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Arkitettura

immodifika

It-tliet monumenti jirrappreżentaw taħlita ta' stili arkitettoniċi mill-kulturi Biżantini, Persjani, Ortodossi tal-Lvant, Assirjani, Musulmani u Armeni.

Monasteru ta' San Taddew

immodifika
 
Il-Monasteru ta' San Taddew.

Il-kumpless tal-Monasteru ta' San Taddew huwa maqsum f'żewġ żoni: l-ewwel waħda tkopri erja ta' 29.85 ettaru (73.8 akru) u tinkludi erba' kappelli u l-monasteru stess. Il-kumpless tal-monasteru prinċipali huwa mdawwar b'ħajt ta' 64 metru b'51 metru (210 pied b'167 pied) bit-torrijiet fl-irkejjen. Maġenb dan il-ħajt, inbnew kwartieri residenzjali għall-patrijiet. Fl-ispazju miftuħ intern jinsabu l-istrutturi reliġjużi prinċipali f'erja ta' 41.7 metru bi 23.6 metru (137 pied b'77 pied). Hemm daħla kbira li hija mibnija fuq erba' pilastri. Il-knisja prinċipali — l-hekk imsejħa l-Knisja l-Bajda — inbniet bi pjanta b'għamla ta' salib Grieg. Għandha koppla b'għamla ta' umbrella u kampnar. Hemm ukoll il-Knisja s-Sewda, l-eqdem parti tal-kumpless, imsaqqfa wkoll b'koppla. Fuq barra l-knisja hija mżejna b'faxx bil-ġebel maqtugħ b'ilwien differenti, li huwa forma artistika arkitettonika Armena. It-tiżjin intern huwa taħlita ta' temi Armeni u Persjani. Hemm ukoll tliet kappelli oħra lejn il-Grigal tal-monasteru prinċipali.

It-tieni żona tinsab madwar żewġ kilometri (1.2 mil) 'il bogħod lejn ix-Xlokk tal-monasteru, tokkupa erja ta' 1.98 ettaru (4.9 akri), u fiha hemm il-ħames kappella, il-Kappella ta' Sandokt. F'wieħed miż-żewġ ċimiterji maġenb din il-kappella hemm sarkofagu.

Monasteru ta' San Stiefnu

immodifika
 
Il-Monasteru ta' San Stiefnu.

Il-kumpless tal-Monasteru ta' San Stiefnu jinsab f'fondoq tax-xmara Araxe, fil-fruntiera mal-Ażerbajġan. Il-kumpless jinkludi l-knisja prinċipali tal-monasteru, il-Kappella ta' Darreh Sham, u l-Kappella ta' Chupan. Iż-żona ċentrali tal-monasteru tinsab f'erja ta' 72.06 ettaru (178.1 akru). Il-kappella prinċipali tinsab fuq xaqliba wieqfa mdawra b'ħajt f'erja ta' 48 metru bi 72 metru (157 pied b'236 pied). Hemm ukoll residenzi mibnija għall-patrijiet maġenb il-monasteru. It-tul tal-knisja, mibnija bi pjanta b'għamla ta' salib Grieg, hu ta' 27 metru (89 pied) u l-għoli tagħha hu ta' 25 metru (82 pied). Qrib id-daħla b'erba' pilastri hemm kampnar mibni fuq żewġ sulari; l-ewwel sular għandu għamla rettangolari, u t-tieni sular għandu pilastri li jirfdu koppla b'għamla ta' umbrella. Il-knisja nbniet bl-istil arkitettoniku reliġjuż Armen u għandha faxx bil-ġebel maqtugħ. Fi ħdan il-knisja hemm pitturi li huma bbażati fuq oħrajn simili fil-Knisja ta' Echmiatsin, b'taħlita ta' forom artistiċi Kristjani u Iżlamiċi.

Iktar 'l isfel mill-monasteru hemm żona b'erja ta' 10.85 ettari (26.8 akru) fejn jinsabu l-villaġġ, iċ-ċimiterju, u knisja assoċjata. Il-villaġġ inqered għajr għall-knisja, mibnija b'għamla ta' bażilika, b'erba' pilastri jirfdu koppla. Iċ-ċimiterju fil-villaġġ fih oqbra li jmorru lura għas-seklu 16.

Iktar 'il fuq, madwar 10 kilometri (6.2 mili) 'il bogħod, hemm il-Kappella ta' Chupan (Chupan tfisser "ragħaj"), li tinsab qrib ir-raħal ta' Jolfa max-xatt tax-xmara Araxe, b'erja ta' 4.18 ettari (10.3 akri). Hija ppreservata sew u hija mibnija bi pjanta rettangolari ta' 5.5 metri b'6.5 metri (18-il pied b'21 pied). Fiha koppla mirfuda fuq tambur, iżda l-bqija tal-istrutturi qrib il-kappella jinsabu fi stat ta' fdalijiet.

Kappella ta' Dzordzor

immodifika
 
Il-Kappella ta' Dzordzor.

Il-Kappella l-antika ta' Dzordzor tinsab fil-wied tax-xmara Makuchay, u tokkupa erja ta' 0.79 ettaru (2.0 akri). Li għad fadal issa huma l-fdalijiet tal-monasteru kbir li fl-imgħoddi kien jeżisti hemmhekk, peress li l-kappella kollha ġiet ittrasferita lejn post ġdid 600 metru (2,000 pied) 'il bogħod minħabba l-għargħar li rriżulta minn diga li nbniet max-xmara. Qabel ma l-binja ġiet żarmata, tħejjew pjanti dettaljati u l-elementi żarmati ġew numerati biex ikunu jistgħu jerġgħu jintramaw bl-istess disinn fis-sit il-ġdid. Mill-1,500 ġebla li ntużaw fis-sit il-ġdid għar-rikostruzzjoni tal-kappella bil-koppla, 250 biss kienu ġebel ġdid, billi l-ġebel numerat kollu mis-sit l-antik ġew armati mill-ġdid skont il-pjanti. Din ir-rikostruzzjoni twettqet fl-1987-1988.

Biblijografija

immodifika
  • Amurian, A.; Kasheff, M. (1986). "ARMENIANS OF MODERN IRAN". Encyclopædia Iranica.
  • Bloom, Jonathan; Blair, Sheila S., eds. (2009). The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture. Oxford: Oxford University Press. ISBN 978-0195309911.
  • Bournoutian, George (2002). A Concise History of the Armenian People: (from Ancient Times to the Present) (2 ed.). Mazda Publishers. ISBN 978-1568591414.
  • Burke, Andrew; Elliott, Mark (2008). Iran. Lonely Planet. ISBN 978-1-74220-349-2.
  • Iran Chamber Society (n.d.). "Iranian Architecture & Monuments: Historical Churches in Iran". Encyclopædia Iranica Foundation.
  • Encyclopædia Iranica (1986). "Armenia and Iran ii. The Pre-Islamic Period". Encyclopædia Iranica Foundation.
  • Etheredge, Laura (Jannar 2011). Iran. The Rosen Publishing Group. ISBN 978-1-61530-308-3.
  • Iranian Students News Agency staff (2013). "World's most ancient Armenian Church in Iran". Iranian Students News Agency.
  • Tucker, Jonathan (2015). The Silk Road - Central Asia: A Travel Companion. I.B.Tauris. ISBN 978-1-78076-925-7.
  • UNESCO staff (n.d.). "Armenian Monastic Ensembles of Iran". UNESCO.
  • UNESCO World Heritage Centre (2008). "Advisory Body Evaluation: Armenian Monastic Ensembles of Iran". UNESCO.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Armenian Monastic Ensembles of Iran". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-25.