Jongmyo

santwarju rjali tal-Konfuċjaniżmu f’Seoul, il-Korea t’Isfel

Jongmyo (bil-Hangul: 종묘; bil-Hanja: 宗廟) huwa santwarju tal-Konfuċjaniżmu ddedikat għaċ-ċelebrazzjoni perpetwa ta’ servizzi ta’ mafkar għar-rejiet u għall-irġejjen tal-imgħoddi tad-dinastija Koreana Joseon (1392-1897). Is-santwarju huwa l-ewdem santwarju rjali tal-Konfuċjaniżmu u l-iktar wieħed awtentiku. Fih jinħażnu t-tavli bit-tagħlim tal-membri tal-eks familja rjali. Fis-santwarju għadhom isiru ċerimonji bir-ritwali li jorbtu flimkien il-mużika, il-kant u ż-żfin li ilhom isiru tradizzjonalment mis-seklu 14. Tali santwarji kienu jeżistu fi żmien it-Tliet Renji tal-Korea bejn is-snin 57 u 688, iżda dawn inqerdu u ma waslux sa żminijietna. Is-santwarju ta’ Jongmyo żdied mal-lista ta’ Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[1]

Il-mogħdija ċentrali olzata ta’ Jongmyo

Jongmyo jinsab biswit il-Palazzi ta’ Changdeokgung u ta’ Changgyeonggung fin-Nofsinhar ta’ Seoul fil-Korea t’Isfel. Fl-imgħoddi dawn it-tliet siti kienu kkollegati ma’ xulxin fid-dinastija Joseon, iżda ġew separati minn triq li nbniet mill-kolonjalisti Ġappuniżi. Il-binjiet prinċipali ta’ Jongmyo nbnew f’Ottubru 1394 meta Taejo, l-ewwel re tad-dinastija Joseon, mexxa l-belt kapitali lejn Hanyang (illum f’Seoul).[2] Is-santwarju nqered min-nirien fl-invażjonijiet tal-Ġappun fil-Korea (1592-1598), u mbagħad reġa’ nbena fl-1608.[1]

 
Is-Sala tal-Kumdità Eterna

Meta nbena fl-1394 fir-renju tar-re Taejo, Jongmyo x’aktarx li kien wieħed mill-itwal binjiet fl-Asja jekk mhux fid-dinja. Is-sala ewlenija, magħrufa bħala Jeongjeon (bil-Hangul: 정전; bil-Hanja: 正殿), kellha seba’ kmamar. Kull kamra, magħrufa bħala "myo-shil" (bil-Hangul: 묘실; bil-Hanja: 廟室), litteralment “Kamra tat-Tempju”, jiġifieri Santwarju Rjali) kienet tkun irriżervata għar-re u għar-reġina.[2]

Il-kumpless ġie mwessa’ mir-Re Sejong (li rrenja mill-1418 sal-1450) li ordna l-kostruzzjoni tal-Yeongnyeongjeon (bil-Hangul: 영년전; bil-Hanja: 永寧殿, jiġifieri “Sala tal-Kumdità Eterna”). Din il-prattika tat-twessigħ tkompliet, u l-kumpless tkabbar mill-Punent għal-Lvant, minħabba l-ħtieġa li jinħażnu iktar tavli tat-tagħlim matul ir-renji tar-rejiet differenti, sakemm intlaħqu total ta’ 19-il kamra.[2]

Madankollu, matul il-Gwerra ta’ Seba’ Snin (1592-1598), l-invażuri Ġappuniżi ħarqu s-santwarju oriġinali u fl-1601 inbena kumpless ġdid li wasal fi stat tajjeb sa żminijietna. It-tavli oriġinali ġew salvati mill-invażjoni billi ġew moħbija f’dar kwalunkwe u baqgħu ppreservati. Hemm 19-il tavla ta’ rejiet u 30 tavla ta’ rġejjen fi 19-il kamra. Kull kamra għandha disinn pjuttost sempliċi. Flimkien mat-tavli, hemm panew li jelenka l-kisbiet ta’ kull monarka.

Il-Jeongjeon hija meqjusa bħala teżor nazzjonali (Nru 227) u hija l-itwal binja b’disinn tradizzjonali fil-Korea t’Isfel.[3]

Konfuċjaniżmu

immodifika
 
Uħud mit-tavli rjali

Skont il-filosofija ta’ Konfuċju u l-kunċetti tal-ġeomanzija (jiġifieri li wieħed jilħaq id-divinità skont għemilu fid-Dinja), Jongmyo nbena fuq in-naħa tal-Lvant tal-Palazz Irjali, filwaqt li l-binja tas-santwarju Sajik, fejn kienu jsiru r-ritwali għall-allat tar-raba’ u tal-għelejjel, kienet mibnija fuq in-naħa tal-Punent. B’hekk meta r-re kien iħares lejn Jongmyo mill-Palazz ta’ Gyeongbokgung, is-santwarju ta’ Jongmyo Shrine kien ikun fuq ix-xellug tiegħu.[2]

L-ebda waħda mill-faċilitajiet tas-santwarju ma għandha dekorazzjonijiet sofistikati. Dan sar apposta sabiex issir enfasi fuq is-solennità, il-qima u s-sublimità. Permezz ta’ din is-sempliċità estrema fid-disinn flimkien mal-ġabra u t-trankwillità tal-post, min iżur is-santwarju suppost li jkun jista’ jikkontempla fuq it-tifsira profonda tal-ħajja u tal-mewt, kif ukoll il-legat sagru tad-dinastija Joseon. Għalhekk, il-funzjoni ewlenija ta’ Jongmyo hija waħda spiritwali.[1]

Xi ħaġa partikolari ħafna f’dan is-santwarju (bħalma hemm ukoll fl-Oqbra Rjali tad-dinastija Joseon) hija s-sistema ta’ tliet mogħdijiet differenti li huma pavimentati bil-ġebel. Il-mogħdija tan-nofs hija ħarira iktar olzata mit-tnejn l-oħra u kienet tintuża minn dawk li kienu jġorru t-tavli spiritwali, il-frankinċens, u t-talb bil-miktub. Il-mogħdija tal-lemin kienet tintuża mir-re u l-oħra tax-xellug kienet tintuża mill-prinċep li kien ikun il-werriet tat-tron.

Id-daħla fin-Nofsinhar ta’ Jongmyo kienet u għadha rriżervata għall-ispirti biex jidħlu u joħorġu mingħajr ma jiġu disturbati, id-daħla tal-Lvant kienet għar-re biss, u d-daħla tal-Punent kienet tintuża minn dawk li kienu jwettqu r-ritwali rjali.[2]

Ritwali u spettaklu

immodifika
 
Iż-żeffiena fir-ritwal irjali annwali li jsir f’Mejju

L-iktar ritwal u spettaklu statali importanti tal-Korea t’Isfel, imsejjaħ Jongmyo Jeryeak (bil-Hangul: 종묘제례악; bil-Hanja: 宗廟祭禮樂), isir fis-santwarju kull sena fl-ewwel Ħadd ta’ Mejju, b’ritwali li jikkombinaw flimkien il-mużika bl-istrumenti, il-kant u ż-żfin. Dan ir-ritwal huwa mniżżel bħala wieħed mill-Kapulavuri tal-Wirt Orali u Intanġibbli tal-Umanità. Il-mużika f’dan ir-ritwal tindaqq mill-Orkestra Rjali.[4]

Il-mużika rjali li tindaqq f’din l-okkażjoni x’aktarx li toriġina mill-mużika rjali Ċiniża li twasslet fil-Korea matul il-perjodu magħruf bħala Goryeo (918-1392). Bejn l-1447 u l-1462, ir-Re Sejong ikkompona mużika ġdida apposta għar-ritwal irjali abbażi tal-hyangak (mużika rjali tradizzjonali ta’ żmien it-Tliet Renji tal-Korea) bi ftit influwenzi tad-dangak (mużika rjali tradizzjonali Koreana b’influwenzi tad-dinastija Tang Ċiniża).[4]

Barra minn hekk, ħames darbiet fis-sena, mużiċisti, żeffiena u studjużi jwettqu ritwali tal-Konfuċjaniżmu, bħall-Jongmyo Daeje (jiġifieri r-Ritwal tas-Santwarju Rjali), skont it-tradizzjoni li ilha għaddejja mis-seklu 14. Il-kanzunetti li jiġu kantati fis-santwarju ta’ Jongmyo jistiednu lill-ispirti tal-antenati rjali Koreani jinżlu mis-smewwiet biex igawdu l-kisbiet tar-rejiet tul id-dinastija u l-mod kif iddefendu l-pajjiż sabiex iħeġġu lid-dixxendenti tagħhom jagħmlu bħalhom. Diversi ritwali li jsiru f’Jongmyo, illum il-ġurnata jitħejjew mill-Assoċjazzjoni tal-Familja Rjali Jeonju Yi, filwaqt li l-mużika u ż-żfin ta’ akkumpanjament jiġu pprovduti minn mużiċisti miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Arti Tradizzjonali Koreana tal-Ispettaklu u minn żeffiena mill-Iskola Superjuri Nazzjonali ta’ Gukak.[4]

Matul is-sena, f’Jongmyo jsiri ċerimonji oħra biex jiġu rrapportati affarijiet statali importanti jew ċerimonji ta’ talb għall-istat.[2]

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika

Jongmyo ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995. Il-valur universali straordinarju tiegħu ġie rikonoxxut abbażi ta’ kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba Jongmyo huwa eżempju straordinarju ta’ santwarju rjali Korean awtentiku tal-Konfuċjaniżmu tas-seklu 16 li huwa msaħħaħ ukoll minn element importanti ta’ wirt kulturali intanġibbli f’forma ta’ prattiki ritwali tradizzjonali li għadhom isiru sa llum.[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Jongmyo Shrine". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-10.
  2. ^ a b ċ d e f Cho Eun Kyoung, ed. (2015). World Heritage in Korea. pp. 129–146. ISBN 978-89-6555-040-2.
  3. ^ "Jongmyo - New World Encyclopedia". www.newworldencyclopedia.org. Miġbur 2021-03-11.
  4. ^ a b ċ "UNESCO - Royal ancestral ritual in the Jongmyo shrine and its music". ich.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-11.