Intaljatur

persuna li tiskolpixxi, tintalja, tnaqqax u tintornja l-injam, l-avorju, il-ġebel, eċċ.

Intaljatur huwa ħaddiem tas-sengħa li jiskolpixxi, jintalja, inaqqax u jintornja l-injam, l-avorju, il-ġebel, eċċ. Ġeneralment, it-terminu jintuża l-iktar għal min jaħdem l-iktar fuq l-injam għaliex min jaħdem fuq il-ġebel jissejjaħ naġġar. It-terminu “intaljatur” jista’ jintuża wkoll bħala “skultur tal-injam”. Dan it-terminu huwa differenti minn inċiżur, li jinvolvi teknika differenti mill-intaljar, anke jekk xi drabi l-inċizzjoni tkun ukoll fl-injam jew materjal ieħor assoċjat mal-intaljar.

Intaljatur jagħmel xogħlu

Materjal u għodod

immodifika
 
Uħud mill-għodod tal-intaljatur

L-intaljaturi ġeneralment jużaw speċijiet tas-siġar li jkunu nattivi, bħall-ġewż, il-luq, u s-siġar taż-żnuber fil-pajjiżi tal-Mediterran, fosthom Malta, l-Italja u Spanja, is-siġar tax-xkomp u tal-ballut fil-Ġermanja, eċċ. L-injam iebes bi granuli fini bħal dak li joriġina mis-siġar tal-frott spiss jiġu ppreferuti għal skulturi żgħar. L-intaljatur juża diversi għodod biex jaħdem u biex jasal għall-għamliet li jkollu f’moħħu.[1] L-intaljatur jorqom l-għamla raffa tal-injam b’sega, b’mannarett u b’qaduma jew b’lexxuna. Imbagħad juża skarpelli u furmaturi ċatti u ttondjati flimkien ma’ martell tal-injam jew inkella b’iktar reqqa b’daqqiet bl-idejn. Wara dan juża diversi skieken u mwies dojoq għall-inċiżjonijiet u għall-qtugħ, u fl-aħħar jobrox u jirfina l-wiċċ tal-injam b’raspa jew b’xi biċċa sandpaper.[2]

Storja tal-arti

immodifika
 
Il-Kurċifiss ta’ Ġeruni

Tant ma waslux wisq skulturi tal-injam minn żmien il-qedem u mill-istorja bikrija sa żminijietna li diffiċli titħejja kronoloġija preċiża tal-iżviluppi. Il-biċċa l-kbira tal-iskulturi jew figurini tal-injam waslu mill-Eġittu tal-qedem bħala oġġetti funebri bis-saħħa tal-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli li nżammew fihom għal snin twal.

X’aktarx li l-iktar epoka importanti fl-istorja tal-inċiżjoni Ewropea kienet il-Medju Evu Kristjan. Il-bibien tal-injam imżejna bir-riljievi diġà kienu jeżistu fl-arti Kristjana bikrija, iżda dawn intużaw bħala mudelli anke fit-Tramuntana tal-Ewropa lejn l-aħħar tal-Medju Evu. Diversi statwetti u immaġnijiet bikrin tal-Madonna kienu jkunu miksija bil-folji tad-deheb, iżda l-eqdem kurċifiss trionfali, is-salib ta’ Ġeruni fil-Katidral ta’ Köln, ġie mpitter bil-kuluri u din il-prassi baqgħet tintuża għall-biċċa l-kbira tal-iskulturi tal-injam tul il-Medju Evu kollu. Kurċifissi monumentali oħra ddeterminaw l-iskultura tal-injam tas-sekli 12 u 13, filwaqt li l-immaġnijiet tad-devozzjoni huma iktar karatteristiċi tad-dinja ekkleżjastika tal-immaġnijiet tas-seklu 14. Lejn l-aħħar parti tal-Medju Evu, fis-seklu 15, l-immaġnijiet u l-iskulturi ta’ fuq l-artal saru l-kompitu ewlieni tal-iskulturi u tal-intaljaturi.[3]

Meta wieħed l-ammont kbir ta’ opri tal-arti tal-injam ta’ fuq l-artal li ntilfu, flimkien mal-għadd kbir minnhom li ġew ippreservati, huwa ċar li ftit qabel ir-Riforma tal-Knisja l-produzzjoni mill-intaljaturi żdiedet mill-ġdid. Fl-aħħar ta’ din l-era, uħud mill-verżjonijiet ikkuluriti ppjanati ma baqgħux isiru iktar. Fl-Italja u fi Franza, l-iskulturi tal-injam qdew rwol iżgħar minn dak fl-Ewropa Ċentrali u fit-Tramuntana tal-Ewropa bejn l-Iskandinavja u t-Tirol. Eċċezzjoni hija s-sensiela importanti ta’ kurċifissi Rinaxximentali li ġew prodotti f’Firenze minn Donatello, Brunelleschi u Mikelanġlu. L-iskulturi Spanjoli bejn il-Gotiku u r-Rinaxximent x’aktarx li kienu jqisu l-injam bħala materjal adattat għall-ideali stilistiċi espressivi u strambi tagħhom.[4]

Wara r-Riforma tal-Knisja u l-fehim differenti dwar kif kellhom jiġu mgħammra l-knejjes minn ġewwa fl-Ewropa Ċentrali u fit-Tramuntana tal-Ewropa, ix-xogħol tal-intaljaturi fil-knejjes fiż-żoni Protestanti naqas ferm jew mhux kważi spiċċa għalkollox, għajr id-dekorazzjoni tal-għamara u tal-armar tal-ħitan tal-knejjes. Matul il-perjodu tal-Kontro-Riforma, ix-xogħol fil-knejjes għall-intaljaturi u għall-iskulturi tal-injam reġa’ qabad ġmielu pereżempju fl-opri tal-arti ta’ Ignaz Günther u oħrajn fir-Rokokò tal-Bavarja.

Il-Klassiċiżmu, beda jagħti preferenza lill-irħam flok lix-xogħol bl-injam, u għalhekk reġa’ wassal għal tnaqqis fix-xogħol għall-intaljaturi. Madankollu, bit-tqanqil tal-istil Neo-Gotiku u r-ritorn għall-figuri tal-Medju Evu, ix-xogħol tal-intaljatur reġa’ ngħata spinta sew, għalkemm l-istil u l-ikonografiji baqgħu sterjotipati.[5]

 
Arloġġ cuckoo

Is-seklu 20 ġab miegħu innovazzjonijiet artistiċi notevoli. Paul Gauguin u l-Espressjonisti Ġermaniżi bħal Ernst Ludwig Kirchner tgħallmu japprezzaw l-arti tal-popli indiġeni, l-istess bħal Picasso li wera li kien influwenzat minnhom. Ernst Barlach sab l-istil moderatament espressiv tiegħu stess, magħmul minn forom individwali kbar b’tiwi u/jew b’tinjiet qawwijin li b’mod deliberat jiżvelaw it-traċċi tal-mus jew tas-sikkina tal-intaljatur.

Storja kummerċjali

immodifika

Ma tantx nafu wisq dwar il-pożizzjoni soċjali u l-forom kummerċjali ta’ organizzazzjoni tal-intaljaturi, li fil-Medju Evu kienu għadhom separati mill-iskulturi tal-ġebel (li sas-seklu 14 kienu għadhom organizzati max-xogħlijiet tal-kostruzzjoni).[6] Mis-seklu 15 ’il quddiem (iżda sikwit ħafna iktar ’il quddiem minn hekk), l-intaljaturi xi kultant kienu jingħaqdu mal-pitturi jew ma’ snajja’ oħra f’xirkiet sabiex jiżguraw is-setgħa ekonomika tagħhom.[7] Iżda l-iskultura (iktar milli l-pittura) għal żmien twil kienet titqies bħala waħda mill-arti liberali, u kulħadd seta’ jipprattikaha. Fir-reġjuni muntanjużi tal-Alpi fl-Ewropa, ħafna intaljaturi kienu jipproduċu l-arloġġ cuckoo, xi ħaġa li issa baqgħet issir biss għat-turisti.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Friedrich Frutschi: Holzschnitzen und Holzbildhauen. Eine gründliche Einführung in Technik und Material. 6. Auflage. Haupt, Bern u. a. 1992, ISBN 3-258-02311-5.
  2. ^ M. Metzger: Handbuch der Holzbildhauerei. 3. Auflage. 1925.
  3. ^ Nicholas Penny: Geschichte der Skulptur – Material, Werkzeug, Technik, Leipzig 1995, ISBN 3-363-00646-2. (zu Holz: pp. 123–151, zu Elfenbein und Horn: pp. 153-163).
  4. ^ Josepmaria Teixidó i Camí, Jacinto Chicharro Santamera: Skulpturen aus Holz, eine Einführung in Kunst und Technik der Holzbildhauerei. Aus dem Spanischen übersetzt von Tina Kehr-deDil. 2. Auflage. Haupt, Bern 2007, ISBN 978-3-258-07159-6.
  5. ^ Hubert Wilm: Die gotische Holzfigur. 3. Auflage. Leipzig 1943.
  6. ^ Theodor Müller: Bildhauer, Bildschnitzer In: Reallexikon zur Deutschen Kunstgeschichte. Band 2, pp. 582-588.
  7. ^ Hans Huth: Künstler und Werkstatt der Spätgotik. 2. Auflage. 1967, pp. 5-22.