Għar ta' Gorham

għar naturali fit-Territorju Brittaniku Extra-Ewropew ta' Ġibiltà u wieħed mill-aħħar abitazzjonijiet magħrufa tan-Neanderthal fl-Ewropa

L-Għar ta' Gorham (bl-Ingliż: Gorham's Cave; bl-Ispanjol: Cueva de Gorham, pronunzjata: [ɡoɾˈãm]) huwa għar mal-livell tal-baħar fit-territorju Brittaniku extra-Ewropew ta' Ġibiltà. Għalkemm mhuwiex għar fil-baħar, spiss ikun hemm minn jaħseb li hu għar ta' dak it-tip. L-għar jitqies li huwa wieħed mill-aħħar abitazzjonijiet magħrufa tal-antenati preistoriċi tal-bniedem, in-Neanderthal, fl-Ewropa, u effettivament huwa kumpless ta' erba' għerien importanti distinti li tniżżlu bħala l-uniku Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Ġibiltà. It-tliet għerien l-oħra huwa l-Għar ta' Vanguard, l-Għar tal-Jena u l-Għar ta' Bennett.[1]

Veduta tal-Baħar Alboran minn ġol-Għar ta' Gorham.

L-Għar ta' Gorham jinsab fil-Bajja tal-Gvernatur fuq in-naħa tax-Xlokk tal-Blata ta' Ġibiltà. Meta ġie abitat għall-ewwel darba xi 55,000 sena ilu, x'aktarx li kien jinsab madwar ħames kilometri (3.1 mili) 'il bogħod mix-xatt, iżda, minħabba tibdil fil-livell tal-baħar, issa jinsab ftit metri biss 'il bogħod mill-Baħar Mediterran.

Skoperta

immodifika

L-għar ingħata kunjom il-Kaptan A. Gorham tat-Tieni Battaljun tal-Artillerija Rjali ta' Ġibiltà, li skoprih fl-1907 hu u jiftaħ fissura fuq in-naħa ta' wara ta' grotta fil-baħar. Gorham naqqax kunjomu u d-data tal-iskoperta tiegħu bin-nugrufun fuq il-ħajt tal-għar, u l-għar baqa' msemmi għalih minn dawk iż-żmien. Wara din l-iskoperta inizjali, milli jidher l-għar intesa — mill-inqas fuq livell uffiċjali — għaliex l-istoriku u l-ispeleologu ta' Ġibiltà George Palao jfakkar tinqixa fuq il-ħajt tal-għar bil-kitba J. J. Davies 1943.[2]

Deskrizzjoni

immodifika

L-Għar ta' Gorham huwa għar li jinsab fuq in-naħa tal-Lvant ta' Ġibiltà, ftit metri 'l fuq mil-livell tal-baħar li ġie ffurmat bil-ġebla tal-ġir Ġurassika. It-tul totali ta' dan l-għar hu bejn wieħed u ieħor ta' 100 metru (330 pied) u d-daħla hija għolja madwar 35 metru (115-il pied). Iktar 'il ġewwa, l-għar jidjieq u fih lilwa ta' bejn wieħed u ieħor 90 grad. Mid-daħla tal-għar wieħed jista' jgawdi veduta tal-Baħar Alboran. Jista' jkun li iktar ma ssir riċerka, l-għar isir itwal.[3]

Arkeoloġija

immodifika

Skoperta u ħidma bikrija

immodifika

L-Għar ta' Gorham ilu sit ta' interess arkeoloġiku minn mindu l-importanza tiegħu ġiet rikonoxxuta għall-ewwel darba. Il-bajja ta' taħt l-għar (il-Bajja tal-Gvernatur) kienet inaċċessibbli mill-irdumijiet ta' fuq; madankollu, wara proġett ta' ħolqien ta' mina fil-blat, il-bajja u l-għar saru aċċessibbli minħabba r-radam li ntefa' hemmhekk.[4]

L-inġiniera rjali Keighley u Ward kienu l-ewwel nies li rrapportaw is-sejba ta' artefatti ta' interess arkeoloġiku fl-għar fil-gazzetti ta' Ġibiltà. Huma kienu sabu bċejjeċ tal-fuħħar u għodod tal-ġebel. Barra minn hekk, huma rrapportaw li kienu ġew skoperti fdalijiet ta' bnedmin u ta' annimali fl-Għar ta' Gorham. Ir-Reverendu F. E. Brown tas-Soċjetà ta' Ġibiltà rrapporta dawn is-sejbiet lill-gvernatur ta' Ġibiltà li talab li jsiru investigazzjonijiet ulterjuri wara żjara fis-sit. Dawn l-investigazzjonijiet ġew irrapportati lill-British Museum biex jiġu deliberati.

Il-Logutenent George Baker Alexander, inġinier irjali u ġeologu ggradwar mill-Università ta' Cambridge, wasal Ġibiltà fl-1945. Huwa ddeċieda li jagħmel stħarriġ ġeoloġiku ta' Ġibiltà li rriżulta f'mappa ġeoloġika dettaljata. Alexander kien l-ewwel wieħed li wettaq skavi fl-Għar ta' Gorham, qabel it-tluq tiegħu minn Ġibiltà fl-1948 wara li l-Mużew ta' Ġibiltà ddubitat il-metodi tiegħu. Ma hemm l-ebda materjal ippreservat dwar dawn l-iskavi.

Fl-1945, il-gvernatur kiteb lill-British Museum u talab li jkomplu jesploraw l-għar. Madankollu, il-mużew ma kellux riżorsi u għalhekk it-talba tiegħu għaddiet għand il-Professur Dorothy Garrod f'Cambridge, li kienet sabet kranju ta' Neanderthal fl-Għar tat-Torri tax-Xitan matul ix-xogħol iktar bikri tagħha f'Ġibiltà fis-snin 20 tas-seklu 20. Garrod fittxet l-assistenza ta' Dr. John d'Arcy Waechter, sieħeb tal-Istitut Brittaniku tal-Arkeoloġija f'Ankara, it-Turkija. Waechter wasal f'Settembru 1948 u qatta' xahrejn iħaffer fosos ta' ttestjar biex jara jekk iktar skavi kinux iġġustifikati.[5] Is-suċċess ta' Waechter wassal biex jerġa' jirritorna f'Ġunju 1950. Huwa mar lura l-Ingilterra fl-1951, mingħajr ma kien għadu kkonkluda l-ħidma tiegħu u reġa' lura minn Frar sa Lulju 1952. Matul żjara finali fl-1954, huwa rnexxielu jitlob u jikseb assistenza finanzjarja mill-gvern lokali biex ilesti x-xogħol tiegħu.

F'Settembru 2021, l-arkeologi mill-Mużew Nazzjonali ta' Ġibiltà, immexxija mill-Professur Clive Finlayson, ħabbru l-iskoperta fl-għar ta' kompartiment ta' 40,000 sena ilu tan-Neanderthal fil-Kumpless tal-Għar ta' Gorham, inkluż tinqixa li x'aktarx hija forma ta' arti bikrija tan-Neanderthal.[6][7]

Perjodi, siti u speċijiet umani

immodifika
 
Veduta tal-Għar ta' Gorham fuq in-naħa tal-Lvant tal-Blata ta' Ġibiltà.

L-iskavi f'dan is-sit wasslu għall-iskoperta ta' erba' saffi stratigrafiċi, wieħed taħt l-ieħor:

  • fil-Livell I instabet evidenza ta' użu mill-Feniċi fis-sekli 8 sa 3 Q.K;
  • fil-Livell II instabet evidenza ta' użu qasir min-Neolitiċi.
  • fil-Livell III nstabu mill-inqas 240 artefatt tal-perjodu Paleolitiku Superjuri ta' oriġini Magdalenjana u Solutreana.
  • fil-Livell IV nstabu 103 oġġetti, inkluż ponot tal-lanez, skieken u apparati tal-brix li ġew identifikati bħala tal-perjodu Mousterjan, u nstabet evidenza ta' użu ripetut matul eluf ta' snin.

Id-datazzjoni bl-ispettrometrija tal-massa b'aċċelleratur (SMA) tagħtina dati għal-Livell IV ta' bejn 33,000 u 23,000 sena qabel il-preżent (kyr BP) — ir-riċerkaturi ħassew li l-inċertezzi rigward żmien tant imbiegħed wasslu biex il-kalibrazzjoni ma tkunx prattika. Huma jissuġġerixxu li kien hemm okkupazzjoni sa mill-inqas 28 kyr BP u x'aktarx sa 24 kyr BP.[8]

L-ebda fdal ta' fossili ma nstabu li jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni li kieku tindika l-abitanti tal-għar kinux Neanderthal jew bnedmin anatomikament moderni, u lanqas setgħet issir assoċjazzjoni ma' sejbiet ta' bniedem modern f'sit pjuttost viċin f'Abrigo do Lagar Velho, il-Portugall ta' 24,500 sena ilu li jaf setgħu indikaw taħlitiet ġenetiċi tan-Neanderthal[9], għalkemm il-kultura Mousterjana normalment tiġi identifikata man-Neanderthals.[10]

Brix mal-art

immodifika
 
Il-brix mal-art tal-Għar ta' Gorham.

F'Lulju 2012, fl-art tal-għar instab brix fond. Ir-riċerkaturi żvelaw sensiela ta' linji f'xulxin tul ~1 m2 (11-il pied kwadru), mibruxa fil-wiċċ tal-art tal-għar madwar 100 metru (330 pied) mid-daħla. Il-brix jikkonsisti minn tmien linji rranġati f'żewġ gruppi ta' tliet linji twal weqfin b'żewġ linji orizzontali iqsar fuqhom. Dawn intużaw biex jiġi suġġerit li l-brix kien simbolu. Huwa maħsub li l-brix sar mill-inqas 39,000 sena ilu, peress li nstab taħt saff ta' sedimenti mhux mimsusa ta' dak iż-żmien, fejn ġew skoperti wkoll mijiet ta' għodod tal-ġebel tan-Neanderthal.[11]

L-attribuzzjoni tal-brix għan-Neanderthal mhuwiex maqbul b'mod wiesa'. Matt Pope tal-Kulleġġ Universitarju ta' Londra jwissi li "l-kollegament tagħhom direttament mal-popolazzjonijiet tan-Neanderthal, jew li wieħed isostni li ġew magħmula min-Neanderthal mingħajr ma kien hemm l-ebda kuntatt mal-bniedem modern huwa ferm iktar diffiċli. Id-dati nkisbu b'mod indirett u jirreferu għall-materjal fi ħdan is-sedimenti li kienu qed jgħattu l-brix u mhux il-marki nfushom. Meta wieħed iqis li d-dati jkopru perjodu sħiħ li matulu nafu li l-bniedem modern kien wasal fl-Ewropa, perjodu fejn għandna evidenza arkeoloġika "tranżizzjonali" mhux ċerta li diffiċli tiġi attribwita lil popolazzjoni jew lill-oħra, jien kieku noqgħod lura qabel ma nsostni li saru min-Neanderthal".[12] Harold Dibble tal-Università ta' Pennsylvania ddubita wkoll l-akkuratezza tad-datazzjoni. Huwa ssuġġerixxa li l-brix seta' kien sar mill-bniedem modern u sussegwentement tgħatta minn sedimenti iktar antiki li ċċaqilqu fi ħdan l-għar.[13]

Minkejja dan, il-brix ġie deskritt bħala "arti astratta" minn Joaquín Rodríguez-Vidal tal-Università ta' Huelva, Spanja li skontu l-brix huwa "l-ewwel eżempju direttament dimostrabbli ta' xogħol astratt, li twettaq b'mod konsistenti u b'seba' għajnejn, u li kien jeħtieġ xogħol twil u ta' konċentrazzjoni, li ġie prodott f'għar". Huwa jsostni li "l-ħolqien ta' pitturi jew tinqix fl-għerien jitqies bħala pass konjittiv fl-iżvilupp tal-bniedem. Din l-imġiba tqieset bħala esklużiva għall-bniedem modern u ntużat bħala argument biex issir distinzjoni bejn l-antenati diretti tagħna u l-bniedem tal-qedem, inkluż in-Neanderthal".[14] Il-kwistjoni tal-ħiliet artistiċi tan-Neanderthal ilha suġġett ta' kontroversji. Eżempji allegati oħra ta' arti tan-Neanderthal instabu f'għerien oħra fl-Ewropa, inkluż motivi fi Spanja, u possibbilment "ġojjellerija" fi Franza.

It-tim li kien qed iwettaq ir-riċerka dwar il-brix tal-Għar ta' Gorham ipprova jiddetermina jekk setax inħoloq bi żball, pereżempju bħala konsegwenza li l-blat kien intuża bħala superfiċe għall-qtugħ tal-laħam jew tal-ġlud tal-annimali mill-bniedem. It-tim wettaq esperimenti b'għodod simili għal dawk li kienu jkunu disponibbli dak iż-żmien sabiex inaqqxu linji fi blokok ta' blat dolomitiku simili, biex jidentifikaw kif seta' kien sar il-brix. It-tim iddeċieda li l-linji x'aktarx li nħolqu bl-użu ta' għodda ppuntata jew ta' xifer jaqta' biex b'moviment ripetut fuq xi linja eżistenti minn qabel, il-linja titħaffer iktar fil-fond. Dan seta' jirrikjedi saħansitra 300 moviment u sa mill-inqas siegħa xogħol. Barra minn hekk, il-brix jinsab f'post li kien ikun viżibbli ħafna u mill-ewwel wieħed kien jinduna bih kif jidħol fl-għar.[12]

Dawk li jsostnu li l-brix għandu tifsira simbolika ma jistgħu jispjegaw x'setgħet kienet din it-tifsira. Clive Finlayson tal-Mużew ta' Ġibiltà jinnota li "l-brix jinsab f'punt fl-għar fejn l-orjentazzjoni tal-għar tinbidel b'90 grad" u jispekula jekk il-brix huwiex marbut mal-pożizzjoni li jinsab fih: "Qisu kważi bħal Clapham Junction, qisu qed juri fejn hemm lilwa. Jien qed nispekula, iżda dan iġiegħlek taħseb jekk kellux xi ħaġa x'jaqsam mal-immappjar, jew donnu jgħidlek: "Inti tinsab hawnhekk"". Francesco d'Errico, id-direttur tar-riċerka fis-CRNS, jikkummenta li: "il-brix jinsab f'pożizzjoni fissa, u għalhekk, pereżempju, seta' kien xi ħaġa biex jindika lil Neanderthal oħrajn li jżuru l-għar li xi ħadd diġà kien qed juża l-għar, jew li kien hemm grupp ta' nies li kienu s-sidien ta' dak l-għar". Harrold Dibble jikkummenta li "huwa meħtieġ iktar minn ftit brix — magħmul apposta jew le — biex tiġi identifikata mġiba simbolika min-naħa tan-Neanderthal".[13]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

L-Għar ta' Gorham jagħti l-isem lill-Kumpless tal-Għar ta' Gorham, li huwa raggruppament ta' erba' għerien importanti distinti miġbura f'Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. It-tliet għerien l-oħra huma l-Għar ta' Vanguard, l-Għar tal-Jena u l-Għar ta' Bennett li jinsabu fil-qrib.[1]

F'Novembru 2010, il-Kumpless tal-Għar ta' Gorham tressaq biex jikkompeti għal nomina bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-Professur Clive Finlayson, id-direttur tal-Mużew ta' Ġibiltà, kien responsabbli għall-koordinazzjoni tal-isforzi biex din in-nomina tinkiseb. L-ewwel pass kien it-tressiq ta' proposta lill-awtoritajiet kulturali tar-Renju Unit biex il-Kumpless tal-Għar ta' Gorham jitniżżel fil-lista tas-siti indikattivi tar-Renju Unit. Din il-lista tiġi riveduta kull għaxar snin, u l-proċess għal lista ġdida kien għaddej dak iż-żmien tat-tressiq tal-proposta.[15]

Is-sjieda tal-art assoċjata mal-Għar ta' Gorham għaddiet mill-Ministeru għad-Difiża tar-Renju Unit għall-gvern ta' Ġibiltà fl-2011. Fil-ftehim sar it-tpartit ta' din l-art tal-Ministeru għad-Difiża u ta' iktar minn 300 dar tal-Ministeru għad-Difiża mal-gvern ta' Ġibiltà, li bħala parti mill-ftehim qabel li jibni 90 dar ġdida fuq il-bqija tal-art tal-Ministeru għad-Difiża.[16]

F'Mejju 2012, il-Kumpless tal-Għar ta' Gorham kien wieħed minn żewġ siti, flimkien mal-Pont Ferrovjarju ta' Forth, li tressqu biex wieħed minnhom ikollu l-possibbiltà li jsir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[17] Is-sit ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-15 ta' Lulju 2016 u huwa l-unika sit ta' dan it-tip f'Ġibiltà u ftit wara nbena ċentru għall-viżitatur fil-qrib.[1] Wieħed jista' jżur l-Għar ta' Gorham jekk jirriżerva sew minn qabel biex jinżel f'waħda mill-ftit żjarat iggwidati li jiġu organizzati għat-turisti u jrid jilbes elmu protettiv matul iż-żjara kollha. Inkella jiġu organizzati wkoll dawriet bid-dgħajsa biex wieħed jara l-għar mill-baħar u ma jinżilx l-art.[18]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

Fil-Kumpless tal-Għar ta' Gorham jgħixu diversi speċijiet ta' friefet il-lejl, fosthom il-farfett il-lejl Ewropew Tadarida teniotis.[19]

Il-kumpless ta' erba' għerien huwa l-ikbar post fid-dinja fejn jieqfu jistrieħu għax-xitwa l-ħawwiefa tal-blat, b'total massimu ta' xi 12,000 għasfur fl-istaġun tax-xitwa tal-2020-2021, jiġifieri sa 1-2 % tal-popolazzjoni Ewropea kollha ta' din l-ispeċi.[20]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Gorham's Cave Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  2. ^ "Gorham's History". web.archive.org. 2011-07-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-21. Miġbur 2023-01-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Campbell, Peter B.; Flemming, Nic; Antonioli, Fabrizio (2017). "Prehistoric Archaeology, Palaeontology, and Climate Change Indicators Indicators from Caves Submerged by Change of Sea Level". In Campbell, Peter (ed.). The Archaeology of Underwater Caves. Highfield Press. p. 29. ISBN 978-0-9926336-7-7.
  4. ^ "The Cave That Time Forgot". Visit Gibraltar (10): 3. Ġunju 2001.
  5. ^ J. d'A. Waechter: "Excavations at Gorham's Cave, Gibraltar", Paper no. 3. Proceedings of the Prehistoric Society, 1951.
  6. ^ CNN, By Jeevan Ravindran. "Cave chamber closed for 40,000 years could hold the key to the lives of Neanderthals". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  7. ^ published, Owen Jarus (2021-09-29). "Secret cave chamber may be one of the last Neanderthal hideouts". livescience.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  8. ^ Finlayson, C, Pacheco FG, Rodríguez-Vidal J (2006). "Late survival of Neanderthals at the southernmost extreme of Europe" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-08-27. Miġbur 2023-01-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ Duarte C, Maurício J, Pettitt PB, et al. (June 1999). "The early Upper Paleolithic human skeleton from the Abrigo do Lagar Velho (Portugal) and modern human emergence in Iberia". Proc. Natl. Acad. Sci. U.S.A. 96 (13): 7604–9.
  10. ^ "BBC News | Enlarged Image". news.bbc.co.uk. Miġbur 2023-01-14.
  11. ^ "National Geographic". National Geographic (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  12. ^ a b "Neanderthal 'artwork' found in Gibraltar cave" (bl-Ingliż). 2014-09-01. Miġbur 2023-01-14.
  13. ^ a b Callaway, Ewen (2014-09-01). "Neanderthals made some of Europe's oldest art". Nature (bl-Ingliż).
  14. ^ "Neanderthal abstract art found in Gibraltar cave". the Guardian (bl-Ingliż). 2014-09-02. Miġbur 2023-01-14.
  15. ^ "Gibraltar Chronicle - The Independent Daily First Published 1801". web.archive.org. 2011-08-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-28. Miġbur 2023-01-14.
  16. ^ "230/2011 - Government announces details of the recent Lands Agreement with MOD". web.archive.org. 2012-11-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-11-13. Miġbur 2023-01-14.
  17. ^ "Forth Bridge to bid for Unesco world heritage status" (bl-Ingliż). 2012-05-28. Miġbur 2023-01-14.
  18. ^ "Visit Us | Gorham´s Cave Complex | UNESCO World Heritage Site". Gorham´s Cave Complex (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  19. ^ "Aug 05 - Gorham's Cave Complex Reveals An Elusive Species". Your Gibraltar TV (bl-Ingliż). Miġbur 2023-01-14.
  20. ^ Bensusan, Keith; Holmes, Tyson Lee; Perez, Charles; Finlayson, Geraldine; Finlayson, Stewart; Guillem, Rhian; Finlayson, Clive (2021-08-19). "Crag Martin neontology complements taphonomy at the Gorham's Cave Complex". Scientific Reports. 11 (16851): 16851.