Friedrich Georg Wilhelm von Struve

astronomu Ġermaniż-Baltiku

Friedrich Georg Wilhelm von Struve (bir-Russu: Василий Яковлевич Струве, trażlitterat Vasily Yakovlevich Struve; twieled fil-15 ta' April 1793 – miet fit-23 ta' Novembru [sorsi oħra jsemmu l-11 ta' Novembru] 1864) kien astronomu u ġeodeżista Ġermaniż Baltiku. Huwa magħruf l-iktar għall-istudju tal-istilel u għall-bidu ta' stħarriġ ta' triangolazzjoni li iktar 'il quddiem ġie msejjaħ għalih bħala l-Ark Ġeodetiku ta' Struve.[1]

Friedrich Georg Wilhelm von Struve
Ħajja
Twelid Altona, 15 April 1793, 1793
Nazzjonalità Dukat ta' Holstein
Imperu Russu
Mewt Pulkovou San Pietruburgu, 23 Novembru 1864
Post tad-dfin ċimiterju tal-Osservatorju ta' Pulkovo
Familja
Missier Jacob Struve
Konjuga/i Emilie Wall (en) Translate
Johanna von Struve (en) Translate
Ulied
Aħwa
Tribù familja Struve
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Tartu
Università Imperjali ta' Dorpat
(1808 - 1811)
Direttur tat-teżi Georg Friedrich Parrot (en) Translate
Studenti dottorali Kaspar Gottfried Schweizer (en) Translate
Alexei Savich (en) Translate
Georg Thomas Sabler (en) Translate
Lingwi Franċiż
Ġermaniż
Latin
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni astronomu
għalliem fl-università
Impjegaturi Università Imperjali ta' Dorpat
Osservatorju ta' Pulkovo
Premjijiet
Sħubija Soċjetà Rjali
Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi
Akkademja Russa tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi ta' San Pietruburgu
Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi Prussjana
Akkademja Ġermaniża tax-Xjenzi Leopoldina
Accademia Nazionale delle Scienze detta dei XL
Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi

Ħajja immodifika

Huwa twieled f'familja aristokratika f'Altona, id-Dukat ta' Holstein (li dak iż-żmien kienet parti mir-renji tad-Danimarka u tan-Norveġja), u kien iben Jacob Struve (1755-1841). Sabiex jevita l-lieva militari matul l-okkupazzjoni Franċiża ta' Holstein, il-familja tiegħu ttrasferiet ruħha lejn l-Imperu Russu,[2] mgħammra b'passaporti Daniżi.[3]

Fl-1808 huwa beda jattendi l-Università ta' Tartu (Dorpat), fejn għall-ewwel studja l-filoloġija, iżda ftit wara ntefa' ruħu u ġismu fuq l-astronomija. Mill-1813 sal-1820, huwa għallem fl-università u ġabar data fl-Osservatorju ta' Tartu. Fl-1820 sar professur permanenti u d-direttur tal-osservatorju. It-tagħlimiet tiegħu kellhom effett b'saħħtu li għadhom jinħass sal-lum fl-università.

Struve ħadem fuq ir-riċerka dwar l-istilel doppji u l-ġeodeżija f'Dorpat sal-1839, meta stabbilixxa l-Osservatorju l-ġdid ta' Pulkovo, qrib San Pietruburgu, u sar id-direttur tiegħu. Fost l-unuri li ngħata, huwa rebaħ il-Medalja tad-Deheb tas-Soċjetà Astronomika Rjali fl-1826. Huwa ġie elett Membru tas-Soċjetà Rjali f'Marzu 1827 u ngħata l-Medalja Rjali fl-istess sena. Struve ġie elett membru tal-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi fl-1833, u Membru Onorarju Barrani tal-Akkademja Amerikana tal-Arti u x-Xjenzi fl-1834. Fl-1843 huwa adotta formalment in-nazzjonalità Russa.[4] Huwa rtira fl-1862 minħabba raġunijiet ta' saħħa.

L-asterojde 768 Struveana ssemmiet hekk f'ġieħu u f'ġieħ Otto Wilhelm u Karl Hermann Struve u krater lunari ssemma għal tliet astronomi oħra tal-familja Struve: Friedrich Georg Wilhelm, Otto Wilhelm u Otto.[5]

Xogħlijiet immodifika

 
Friedrich Georg Wilhelm von Struve.

Struve huwa magħruf l-iktar għall-osservazzjonijiet tiegħu tal-istilel doppji, li wettaq għal bosta snin. Għalkemm l-istilel doppji kienu ġew studjati qabel minn William Herschel, John Herschel u Sir James South, Struve kiseb ferm iktar riżultati minn dawk ta' qablu. Huwa skopra għadd kbir ħafna ta' stilel doppji u fl-1827 ippubblika l-katalgu tiegħu dwar l-istilel doppji, Catalogus novus stellarum duplicium. L-istilel fil-katalgu tiegħu xi kultant jiġu indikati bl-ittra Griega sigma, Σ. B'hekk, 61 Cygni tiġi ddeżinjata wkoll bħala Σ2758.

Peress li l-biċċa l-kbira tal-istilel doppji huma stilel binarji reali iktar milli sempliċi doppji ottiċi (kif kien skopra għall-ewwel darba William Herschel), jorbitaw madwar il-bariċentru komuni tagħhom u bil-mod il-mod jibdlu l-pożizzjoni tagħhom matul is-snin. B'hekk Struve wettaq kejl mikrometriku fir-rigward ta' 2,714 stilla doppja mill-1824 sal-1837 u ppubblika kollox fix-xogħol tiegħu Stellarum duplicium et multiplicium mensurae micrometricae.

Struve kejjel bir-reqqa l-"kostanti tal-abberazzjoni" fl-1843. Huwa kien l-ewwel wieħed ukoll li kejjel il-parallax tal-istilla Vega, għalkemm Friedrich Bessel kien l-ewwel wieħed li kien kejjel il-parallax ta' stilla (61 Cygni).

Fix-xogħol tiegħu tal-1847, Etudes d'Astronomie Stellaire: Sur la voie lactee et sur la distance des etoiles fixes, Struve kien wieħed mill-ewwel astronomi li identifika l-effetti tal-estinzjoni interstellari (għalkemm ma pprovda l-ebda mekkaniżmu biex jispjega l-effett). L-istima tiegħu tar-rata medja ta' estinzjoni viżiva, 1 mag għal kull kpc, hija tassew qrib l-istimi moderni (0.7-1.0 mag għal kull kpc).

Huwa kien interessat ukoll fl-istħarriġ ġeodetiku, u fl-1831 ippubblika Beschreibung der Breitengradmessung in den Ostseeprovinzen Russlands. Huwa beda l-Ark Ġeodetiku ta' Struve, li kien stħarriġ permezz ta' katina ta' triangolazzjonijiet minn Hammerfest fin-Norveġja sal-Baħar Iswed, f'għaxar pajjiżi u fuq iktar minn 2,820 kilometru, sabiex jistabbilixxi d-daqs u l-għamla eżatti tad-Dinja. L-Ark Ġeodetiku ta' Struve tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]

In 1853, he was elected as a member of the American Philosophical Society.[6]

Familja immodifika

Struve kien it-tieni wild minn dinastija ta' astronomi li damet għal ħames ġenerazzjonijiet. Huwa kien il-bużnannu ta' Otto Struve u missier Otto Wilhelm von Struve. Huwa kien ukoll in-nannu ta' Hermann von Struve, li kien iz-ziju ta' Otto Struve.

Fl-1815 huwa żżewweġ lil Emilie Wall (1796-1834) f'Altona, u flimkien kellhom 12-il wild, li tmienja minnhom baqgħu ħajjin għal iktar mit-tfulija bikrija. Apparti Otto Wilhelm von Struve, it-tfal l-oħra kienu Heinrich Wilhelm von Struve (1822-1908), kimiku prominenti, u Bernhard Wilhelm von Struve (1827-1889), li serva bħala uffiċjal tal-gvern Russu fis-Siberja u iktar 'il quddiem bħala gvernatur ta' Astrakan u Perm.

Wara li l-ewwel mara tiegħu mietet, huwa żżewweġ mill-ġdid lil Johanna Henriette Francisca Bartels (1807-1867), bint il-matematiku Martin Bartels, u flimkien kellhom sitt itfal. L-iżjed magħruf kien Karl von Struve (1835-1907), li serva suċċessivament bħala ambaxxatur Russu fil-Ġappun, fl-Istati Uniti u fin-Netherlands.

Iben Bernhard, Pyotr Struve (1870-1944), x'aktarx li huwa l-iżjed membru magħruf tal-familja fir-Russja (id-dixxendenti l-oħra tiegħu kienu jirresjedu l-iktar fl-Estonja u fil-Latvja, u sussegwentement fil-Ġermanja). Huwa kien wieħed mill-ewwel Marxisti Russi u ffirma l-manifest tal-Partit Laburista Soċjal-Demokratiku Russu meta nħoloq fl-1898. Saħansitra qabel ma l-partit inqasam fil-Bolxeviki u l-Menxeviki, Struve telaq mill-partit u ngħaqad mal-Partit Demokratiku Kostituzzjonali, li kien jippromwovi l-ideat tal-Liberaliżmu. Huwa rrappreżenta dan il-partit fid-Dumas Statali prerivoluzzjonarji kollha. Wara r-Rivoluzzjoni Russa, huwa ppubblika diversi artikli notevoli dwar il-kawżi tal-partit u ssieħeb mal-moviment Abjad. Fil-gvernijiet ta' Pyotr Wrangel u Denikin huwa kien wieħed mill-ministri tal-kabinett. Matul it-tliet deċennji ta' wara, Pyotr għex f'Pariġi, filwaqt li t-tfal tiegħu kienu prominenti fil-Knisja Ortodossa Russa 'l barra mir-Russja.

Referenzi immodifika

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Struve Geodetic Arc". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-24.
  2. ^ A. H. Batten (1977). "The Struves of Pulkovo – A Family of Astronomers". Journal of the Royal Astronomical Society of Canada. 71: 345.
  3. ^ A. H. Batten (1988). Resolute and undertaking characters: the lives of Wilhelm and Otto Struve. Dordrecht, Holland: Springer. p. 9. ISBN 978-90-277-2652-0.
  4. ^ A. H. Batten (1988). Resolute and undertaking characters: the lives of Wilhelm and Otto Struve. Dordrecht, Holland: Springer. p. 135. ISBN 978-90-277-2652-0.
  5. ^ Lutz D. Schmadel (2003). Dictionary of minor planet names. Springer. p. 73. ISBN 3-540-00238-3.
  6. ^ "APS Member History". search.amphilsoc.org. Miġbur 2023-08-24.