Fortifikazzjonijiet ta’ Kotor

sistema ta’ fortifikazzjonijiet storiċi f’Kotor, il-Montenegro

Il-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor (bit-Taljan: Cattaro) huma sistema integrata ta’ fortifikazzjonijiet storiċi li jħarsu r-raħal Medjevali ta’ Kotor (magħrufa fl-imgħoddi bħala Cattaro la veneziana) u jinkludu swar, torrijiet, ċittadelli, bibien, daħliet, fortijiet, ċisterni, kastell, u binjiet u strutturi anċillari oħra. Jinkorporaw arkitettura militari, l-iktar ta’ Venezja, iżda anke ta’ Illirija, Biżanzju, u l-Awstrija. Flimkien maċ-ċentru storiku ta’ Kotor u l-pajsaġġ naturali tal-madwar, il-fortifikazzjonijiet tniżżlu fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979 bħala parti mir-Reġjun Naturali, Kulturali u Storiku ta’ Kotor.[1]

Il-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor

Ir-raħal iffortifikat ta’ Kotor ġie inkluż ukoll fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji bħala parti mill-Opri Venezjani tad-Difiża bejn is-sekli 15 u 17: Stato da TerraStato da Mar tal-Punent fl-2017. Dan is-Sit ta’ Wirt Dinji huwa wieħed transnazzjonali u jinkludi l-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor fil-Montenegro, is-sistema tad-difiża ta’ Zadar u l-forti San Nikola f’Šibenik fil-Kroazja, u l-fortifikazzjonijiet ta’ Bergamo, Peschiera del Garda u Palmanova fl-Italja.[2]

 
Veduta tal-Bajja ta’ Kotor mill-quċċata tal-Kastell ta’ Ġwann u l-bandiera tal-Montenegro

Il-quċċata tal-muntanja ta’ San Ġwann diġà kienet iffortifikata fi żmien ir-reġjun antik fil-Balkani tal-Punent magħruf bħala Ilirija. Fis-seklu 6 W.K., l-imperatur Ġustinjanu I wettaq rikostruzzjoni tal-fortizza. Eventwalment, bl-irtirar tal-Biżantini, u minkejja d-diversi inkursjonijiet, inżammet xi forma ta’ indipendenza, madankollu din ma kellha l-ebda effett dejjiemi fuq il-fortifikazzjonijiet. L-affarijiet inbidlu meta fl-1420, ir-Repubblika ta’ Cattaro (waħda mill-bliet-stati Neolatini tad-Dalmazji), li dak iż-żmien kienet indipendenti, spiċċat f’idejn it-tmexxija Venezjana.

Bħala parti mill-Albania Veneta, il-fortifikazzjonijiet ingħataw li struttura li baqgħet kif inhi sa żminijietna. Matul dan iż-żmien seħħew żewġ assedji tal-Ottomani li rnexxew u kienu segwiti minn perjodi ta’ okkupazzjoni, bejn l-1538 u l-1571, u bejn l-1657 u l-1699. Fl-1797, il-fortifikazzjonijiet għaddew f’idejn il-Monarkija tal-Asburgi permezz tat-Trattat ta’ Campo Formio. Fl-1805, Kotor (li dak iż-żmien kienet tissejjaħ Cattaro) ġiet assenjata lir-Renju Napoleoniku tal-Italja permezz tat-Trattat ta’ Pressburg, iżda inizjalment kienet okkupata mit-truppi Russi taħt Dmitry Senyavin sakemm telqu wara t-Trattat ta’ Tilsit fl-1807. Tliet snin wara, Kotor ġiet inkorporata fil-Provinċji tal-Ilirija tal-Imperu Franċiż. Il-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor ġew attakkati mill-flotta navali Brittanika mmexxija mill-Kaptan William Hoste, preċiżament bil-bastiment HMS Bacchante (38 kapaċità tal-isparar). B’mod pjuttost “mhux militari”, ordna li l-kanuni tal-bastiment jiġu olzati l-art sa pożizzjonijiet ’il fuq mill-forti permezz ta’ ċimi u taljoli, u ordna l-ibbumbardjar. Wara assedju li dam għaxart ijiem, fil-5 ta’ Jannar 1814, il-gwarniġjon Franċiż ma kellu l-ebda alternattiva oħra għajr li jċedi.[3]

Permezz tal-Kungress ta’ Vjenna, Kotor ġiet irritornata lill-Imperu Awstrijak. Wara t-tagħhom fl-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Awstrijaċi telqu u ma kien hemm ħadd iktar stazzjonat fil-fortizza.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Kotor ġiet okkupata mill-Forzi tal-Assi u saret parti mill-Governorat tad-Dalmazja tal-Italja. It-truppi Ġermaniżi okkupaw ir-raħal f’Settembru 1943: u ġiet illiberata fil-21 ta’ Novembru 1944, data li għadha mfakkra bil-miktub fuq Bieb il-Baħar f’Kotor.

Il-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor ġarrbu ħsarat diversi drabi minħabba terremoti li seħħew fl-1563, fl-1667, u iktar reċentement, fil-15 ta’ April 1979. Dan it-terremot tal-aħħar wassal biex fl-istess sena l-fortifikazzjonijiet jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji fil-periklu.[1]

Deskrizzjoni

immodifika
 
Veduta tal-biċċa art triangolari mill-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor

Il-parti Medjevali tar-raħal ta’ Kotor tinsab fuq biċċa art triangolari li hija kkonfinata mill-iktar parti ’l ġewwa tal-Bajja ta’ Kotor fil-Lbiċ, mix-xmara Skurda fit-Tramuntana, u mill-muntanja ta’ San Ġwann fil-Lvant. Kotor hija protetta mis-swar fin-naħa tat-Tramuntana u fin-naħa tal-Lbiċ, lejn l-ilmijiet. Is-swar huma ffortifikati b’bastjuni, u l-iktar wieħed prominenti huwa dak magħruf bħala t-torri u ċ-ċittadella ta’ Kampana (tas-sekli 13-14) ħdejn il-punt fejn ix-xmara tidħol fil-bajja.

Fil-qrib hemm Bieb il-Baħar (magħruf ukoll bħala l-Bieb Prinċipali) li mill-1555 ’l hawn jippermetti l-aċċess mill-bajja. Żewġ bibien oħra ta’ Kotor huma Bieb ix-Xmara (magħruf ukoll bħala Bieb tat-Tramuntana) li nbena fl-1540 qrib il-Bastjun ta’ Bembo, u l-Bieb Gurdić (magħruf ukoll bħala l-Bastjun ta’ Gurdić) li nbena fl-1540 wara li kien ġie mmodifikat kemm-il darba u ffortifikat mill-1470. Il-Bastjun ta’ Bembo Bastion ġie kkonvertit f’teatru miftuħ. Kien hemm ukoll żewġ bibien addizzjonali. Wieħed ingħalaq u sar parti mill-ħajt tal-fortifikazzjonijiet fin-Nofsinhar ta’ Bieb il-Baħar, u l-ieħor kien magħruf bħala Bieb Spiljarskia, fi ħdan is-swar tan-naħa tal-għoljiet lejn it-triq l-antika li twassal għal Cetinje. Mill-Bastjun ta’ Bembo u l-Bastjun ta’ Gurdić, is-swar jibqgħu telgħin sal-quċċata tal-Muntanja ta’ San Ġwann fl-isfond tar-raħal. Fi ħdan is-swar, f’kull direzzjoni, hemm network tal-komunikazzjoni kif ukoll binjiet addizjonali, fosthom il-Knisja tal-Madonna tal-Irmedju li nbniet fl-1518. Fil-quċċata tal-muntanja ta’ San Ġwann hemm il-Kastell ta’ San Ġwann f’għoli ta’ 280 metru. Wara l-kastell, il-pajsaġġ muntanjuż inabitabbli jibqa’ sejjer sa Lovcen. Iċ-ċirkonferenza tas-swar esterni hija 4.5 km, bi ħxuna ta’ bejn żewġ metru u 16-il metru, u għoli ta’ 20 metru.[2]

Preservazzjoni

immodifika
 
Bieb il-Baħar, Kotor

It-terremot tal-1979 ikkawża diversi ħsarat fil-binjiet ta’ Kotor, inkluż il-fortifikazzjonijiet. Wara li sar Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979, is-sit iddaħħal ukoll fil-lista tas-siti fil-periklu. Wara perjodu ta’ riabilitazzjoni, iċ-ċentru storiku u l-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor tneħħew mil-lista tas-siti fil-periklu fl-2003, anke jekk il-qofol tar-riabilitazzjoni seħħ fiċ-ċentru storiku iktar milli fil-fortifikazzjonijiet.

Il-fortifikazzjonijiet huma l-iktar aspett sinifikanti tas-Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO li huma wirt kulturali tal-Montenegro. Filwaqt li għandhom elementi minn epoki differenti, il-biċċa l-kbira tal-istrutturi li waslu sa żminijietna nbnew mill-Venezjani. B’hekk, il-monument jirrappreżenta wieħed mill-iktar eżempji importanti tal-arkitettura militari difensiva Venezjana. Fl-2001, il-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti ħeġġeġ ir-rivitalizzazzjoni tal-fortizza.[4] Il-Kummissjoni Ewropea wriet interess fil-fortifikazzjonijiet ta’ Kotor mhux biss għall-importanza kulturali tagħhom iżda wkoll biex jirċievu l-manutenzjoni u l-iżvilupp meħtieġ biex ikunu riżorsa għat-turiżmu, li huwa parti ewleniija tal-ekonomija lokali. Ikkonstatat li għall-ħabta tal-bidu tal-millenju, il-fortifikazzjonijiet kienu pjuttost mitluqa minn żmien l-Awstrijaċi fl-1918. In-nuqqas ta’ manutenzjoni, l-erożjoni, it-terremoti, u l-veġetazzjoni kollha kkontribwew għad-deterjorament tagħhom. B’hekk ġie propost li l-fortifikazzjonijiet jiġu rrestawrati, isiru tiswijiet fit-torrijiet u fl-istrutturi li jitqiesu bħala attrazzjonijiet turistiċi minħabba l-veduta minnhom, u jiġu rrestawrati l-mogħdijiet ta’ aċċess u l-binjiet aċċessorji biex il-fortifikazzjonijiet ikunu jistgħu tassew jikkontribwixxu għall-ekonomija lokali.[5]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Natural and Culturo-Historical Region of Kotor". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
  2. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Venetian Works of Defence between the 16th and 17th Centuries: Stato da Terra – Western Stato da Mar". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
  3. ^ "BACCHANTE (38) [1811]". www.ageofnelson.org. Miġbur 2021-03-22.
  4. ^ "Culture and Cultural Heritage at the Council of Europe - Homepage". Culture and Cultural Heritage (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-22.
  5. ^ "Yugoslavia - ICOMOS World Report on Monuments and Sites in Danger 2001: Heritage @ Risk". www.icomos.org. Miġbur 2021-03-22.