Forti l-Aħmar

forti storiku f'Delhi, l-Indja

Il-Forti l-Aħmar jew Lal Qila (bil-Ħindustani: [laːl qiːlaː]) huwa forti storiku fiċ-ċentru storiku ta' Delhi, l-Indja, li storikament intuża bħala r-residenza prinċipali tal-imperaturi Mugal. L-Imperatur Shah Jahan ikkummissjona l-kostruzzjoni tal-Forti l-Aħmar fit-12 ta' Mejju 1638, meta ddeċieda li jittrasferixxi l-belt kapitali tiegħu minn Agra għal Delhi. Id-disinn tiegħu, li oriġinarjament kien aħmar u abjad, ġie akkreditat lill-arkitett Ustad Ahmad Lahori, li bena wkoll it-Taj Mahal. Il-forti jirrappreżenta l-quċċata tal-arkitettura Mugal taħt Shah Jahan u jżewweġ flimkien l-arkitettura tal-palazzi Persjani mat-tradizzjonijiet Indjani.

Veduta tad-Daħla ta' Lahori tal-Forti l-Aħmar.

L-opri tal-arti u l-ġojjelli li kien hemm fil-forti nsterqu waqt l-invażjoni tal-Imperu Mugal min-naħa ta' Nader Shah fl-1739. Il-biċċa l-kbira tal-istrutturi tal-irħam tal-forti sussegwentement twaqqgħu mill-Brittaniċi wara r-Ribelljoni Indjana tal-1857. Il-ħitan difensivi tal-forti b'mod ġenerali ma ġarrbux ħsarat, u l-fortizza sussegwentement intużat bħala gwarniġjon.

Fil-15 ta' Awwissu 1947, l-ewwel Prim Ministru tal-Indja, Jawaharlal Nehru, olza l-bandiera Indjana fuq id-Daħla ta' Lahori. Kull sena, f'Jum l-Indipendenza tal-Indja (il-15 ta' Awwissu), il-Prim Ministru jolza l-bandiera Indjana fid-daħla prinċipali tal-forti u jagħti diskors mill-fortifikazzjonijiet tiegħu li jixxandar fuq livell nazzjonali.

Il-Forti l-Aħmar tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007 bħala parti mill-Kumpless tal-Forti l-Aħmar.[1][2]

Etimoloġija

immodifika

L-isem Forti l-Aħmar huwa traduzzjoni ta' Lāl Qila bil-Ħindustani (bil-Ħindi: लाल क़िला, bl-Urdu: لال قلعہ),[3][4] li oriġina mill-ħitan tal-blat tar-ramel aħmar tiegħu. Lal oriġina mill-Ħindustani li jfisser "Aħmar" u Qalàh oriġina mit-terminu Għarbi li jfisser "Forti". Bħala r-residenza tal-familja imperjali, il-forti oriġinarjament kien magħruf bħala l-"Forti Mbierek" (Qila-i-Mubārak).[5][6] Il-Forti ta' Agra huwa magħruf bħala Lāl Qila wkoll.

 
L-Imperatur Mugal Shah Jahan, għall-ħabta tal-1630.

L-Imperatur Shah Jahan ikkummissjona l-kostruzzjoni tal-Forti l-Aħmar fit-12 ta' Mejju 1638, meta ddeċieda li jittrasferixxi l-belt kapitali tiegħu minn Agra għal Delhi. Oriġinarjament il-forti kien aħmar u abjad, il-kuluri ppreferuti ta' Shah Jahan,[7] u d-disinn tiegħu ġie akkreditat lill-arkitett Ustad Ahmad Lahori, li bena wkoll it-Taj Mahal.[8] Il-forti jinsab tul ix-xmara Yamuna, li kienet talimenta l-ħniedaq madwar il-biċċa l-kbira tal-ħitan tal-forti. Il-kostruzzjoni bdiet fix-xahar Iżlamiku sagru ta' Muharram, fit-13 ta' Mejju 1638. Taħt is-superviżjoni ta' Shah Jahan, tlesta fis-6 ta' April 1648. Għad-differenza ta' fortijiet Mugal oħra, il-ħitan tal-perimetru tal-Forti l-Aħmar huma asimetriċi sabiex iħaddnu l-Forti iktar antik ta' Salimgarh. Il-fortizza-palazz kien punt ewlieni tal-belt ta' Shahjahanabad, li hija ċ-ċentru storiku attwali tal-belt ta' Delhi. Is-suċċessur ta' Shah Jahan, Aurangzeb, żied il-Moti Masjid (il-Moskea tal-Ġawhar) mal-kwartieri privati tal-imperatur, u bena strutturi difensivi quddiem iż-żewġ daħliet prinċipali sabiex id-daħla għall-palazz tkun iktar milqugħa.

L-istruttura amministrattiva u fiskali tad-dinastija Mugal qabdet it-triq tan-niżla wara Aurangzeb, u fis-seklu 18 il-palazz ġie mitluq. Fl-1712 Jahandar Shah sar l-ewwel imperatur Mugal. Fi żmien sena ta' tmexxija, Shah inqatel u ġie sostitwit b'Farrukhsiyar. Fl-1739, l-imperatur Persjan Nadir Shah rebaħ faċilment kontra l-armata qawwija tal-Mugal ta' madwar 200,000 suldat, u seraq ir-rikkezzi tal-Forti l-Aħmar, inkluż it-Tron tal-Paguni. Nadir Shah reġa' lura l-Persja wara tliet xhur, u ħalla warajh belt meqruda u imperu Mugal imdgħajjef għal Muhammad Shah. Id-dgħufija interna tal-Imperu Mugal wasslet biex il-Mugal ikunu l-mexxejja titulari biss ta' Delhi, u permezz ta' trattat tal-1752, il-Maratas saru l-protetturi tat-tron f'Delhi. Ir-rebħa tal-Marata fl-1758 f'Sirhind bl-għajnuna tas-Sikh u t-telfa suċċessiva li ġarrbu f'Panipat poġġiethom f'iktar kunflitt ma' Ahmad Shah Durrani.

 
Il-ħitan tal-Forti l-Aħmar fl-isfond, kif jidhru mill-quċċata tat-Torri tal-Jama Masjid.

Fl-1760, il-Marata neħħew u dewbu s-saqaf tal-fidda tad-Diwan-i-Khas sabiex jiġbru l-fondi għad-difiża ta' Delhi mill-armati ta' Ahmed Shah Durrani. Fl-1761, wara li l-Marata tilfu t-tielet battalja ta' Panipat, Delhi ġiet attakkata minn Ahmed Shah Durrani. Għaxar snin wara, il-Marata aġixxew bħala merċenarji f'isem l-imperatur eżiljat Shah Alam, u reġgħu ħatfu lil Delhi mill-Afgani Rohilla. Mahadji Scindia, il-kmandant tal-armata Marata baxxa rasu quddiem l-imperatur Mugal Shah Alam biex juri s-sottomissjoni tiegħu lejh. B'hekk, Shah Alam reġa' tela' fuq it-tron.

Fl-1764, il-mexxej Jat ta' Bharatpur, il-Maharaja Jawahar Singh (iben il-Maharaja Suraj Mal) attakka lil Delhi u ħataf il-Forti l-Aħmar ta' Delhi fil-5 ta' Frar 1765. Jumejn wara, wara li ngħata ġieħ mill-Mugal, l-armati tagħhom tneħħew mill-forti u l-Jat ħatfu t-tron mingħand il-Mugal, magħruf bħala l-mimmi ta' għajnejn il-Mugal, u ħadu l-bibien tal-Forti l-Aħmar bħala mafkar. It-tron għadu sal-lum il-ġurnata jsebbaħ il-ġmiel tal-palazzi ta' Deeg. Il-bibien jinsabu fil-Forti ta' Lohagarh f'Bharatpur.

Ir-Rang Mahal ġewwa l-Forti l-Aħmar f'nofs is-seklu 19.
Ir-Rang Mahal ġewwa l-Forti l-Aħmar illum il-ġurnata.

Fl-1783, is-Sikh Misl Karor Singhia, immexxi minn Baghel Singh, ħakem lil Delhi u ħa l-Forti l-Aħmar. Baghel Singh, Jassa Singh Ahluwalia u Jassa Singh Ramgarhia bnew alleanza b'qawwa ta' 40,000 ruħ u serqu r-rikkezzi tal-inħawi minn Awadh sa Jodhpur. Wara n-negozjati li saru, Baghel Singh u l-qawwiet tiegħu qablu li jitilqu minn Delhi u b'hekk reġa' tela' fil-poter l-Imperatur Mugal Shah Alam II. Il-kundizzjoni biex jirtiraw kienet tinkludi l-kostruzzjoni ta' seba' Gurudwara tas-Sikh f'Delhi, inkluż il-Gurudwara ta' Sis Ganj f'Chandni Chowk.

Fl-1788, gwarniġjon tal-Marata okkupa l-Forti l-Aħmar u lil Delhi u fl-istess ħin ipprovda protezzjoni lill-Imperatur Mugal. Mahadji Scindia ffirma trattat mas-Sikh u fih ġew imwissija biex ma jidħlux f'Delhi u biex ma jistaqsux għal ġieħ mingħand ir-Rakhi. Il-forti safa taħt il-kontroll tal-Kumpanija tal-Lvant tal-Indja wara t-Tieni Gwerra bejn il-Brittaniċi u l-Marata fl-1803.

Matul it-Tieni Gwerra bejn il-Brittaniċi u l-Marata, il-qawwiet tal-Kumpanija tal-Lvant tal-Indja rebħu kontra l-qawwiet tal-Marata ta' Daulat Rao Scindia fil-Battalja ta' Delhi; b'hekk intemm il-kontroll tal-Marata fuq il-belt u ntemm il-kontroll li kellhom fuq il-Forti l-Aħmar. Wara l-battalja, il-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja ħadet f'idejha l-amministrazzjoni tat-territorji tal-Mugal u stabbiliet Resident fil-Forti l-Aħmar. L-aħħar imperatur tal-Mugal li okkupa l-forti, Bahadur Shah II, sar simbolu tar-ribelljoni tal-1857 kontra l-Kumpanija Brittanika tal-Lvant tal-Indja li fihom ħadu sehem ir-residenti ta' Shahjahanabad.

 
Kull sena, nhar Jum l-Indipendenza tal-Indja, il-Prim Ministru tal-pajjiż jolza l-bandiera Indjana bi tliet kuluri fid-daħla prinċipali tal-forti u jagħti diskors li jixxandar fuq livell nazzjonali mill-ħitan difensivi tiegħu. Fl-istampa jidher Nehru fil-15 ta' Awwissu 1947.

Minkejja l-pożizzjoni tiegħu bħala s-sede tal-qawwa tal-Mugal u l-kapaċitajiet difensivi tiegħu, il-Forti l-Aħmar ma kienx sit li fih saret xi battalja matul ir-ribelljoni tal-1857 kontra l-Brittaniċi. Wara li r-ribelljoni ma rnexxietx, Bahadur Shah II telaq mill-forti fis-17 ta' Settembru u nżamm arrestat mill-forzi Brittaniċi. Bahadur Shah Zafar II irritorna lejn il-Forti l-Aħmar bħala priġunier tal-Brittaniċi, għadda ġuri fl-1858 u ġie eżiljat lejn Rangoon fis-7 ta' Ottubru ta' dik is-sena. Wara li ntemmet ir-ribelljoni, il-Brittaniċi serqu r-rikkezzi tal-Forti l-Aħmar qabel ma ordnaw it-twaqqigħ sistemiku tiegħu. 80 % tal-binjiet tal-forti twaqqgħu bis-saħħa ta' dan l-isforz, inkluż il-ħajt diviżorju tal-ġebel li kien jikkollega l-paviljuni tul il-faċċata tal-forti li kienet tħares lejn ix-xmara, li twaqqgħet ukoll. L-għamara kollha tneħħiet jew inqerdet; l-appartamenti tal-ħarem, il-kwartieri tal-qaddejja u l-ġonna ġġarrfu, u minflokhom inbniet linja ta' barrakki tal-ġebel. L-unika binjiet li ħelsuha mill-qerda totali kienu l-binjiet tal-irħam fuq in-naħa tal-Lvant taż-żona imperjali, għalkemm ġarrbu xi ħsarat mill-isforzi tat-twaqqigħ. Filwaqt li l-ħitan difensivi u t-torrijiet ma tantx ġarrbu wisq ħsara, iktar minn żewġ terzi tal-istrutturi ta' ġewwa twaqqgħu.

Lord Curzon, il-Viċire tal-Indja mill-1899 sal-1905, ordna t-tiswija tal-forti, inkluż ir-rikostruzzjoni tal-ħitan u r-restawr tal-ġonna flimkien mas-sistema kollha tat-tisqija.

Il-biċċa l-kbira tal-ġojjelli u tal-opri tal-arti li kienu jinsabu fil-Forti l-Aħmar insterqu waqt l-invażjoni ta' Nadir Shah tal-1747 u mill-ġdid wara r-Ribelljoni Indjana tal-1857 kontra l-Brittaniċi. Eventwalment inbigħu lil kollezzjonisti privati jew lill-Mużew Brittaniku, lil-Librerija Brittanika u lill-Mużew ta' Vitorja u Albert. Pereżempju, il-kalċi tal-inbid tal-ġada ta' Shah Jahan u l-kuruna ta' Bahadur Shah II it-tnejn li huma jinsab f'Londra attwalment. Id-diversi talbiet ta' troddija lura sa issa ġew irrifjutati mill-gvern Brittaniku.

Fl-1911 saret iż-żjara tar-Re Ġorġ V u tar-Reġina Marija għad-Delhi Durbar. Bħala tħejjija għaż-żjara tagħhom, xi binjiet ġew irrestawrati. Il-Mużew Arkeoloġiku tal-Forti l-Aħmar ġie ttrasferit mis-sala tat-tnabar għall-Mumtaz Mahal.

 
Veduta tal-Forti l-Aħmar mix-xmara (ta' Ghulam Ali Khan, għall-ħabta tal-1852-1854.

Il-proċessi tal-INA, magħrufa wkoll bħala l-proċessi tal-Forti l-Aħmar, jirreferu għall-qrati marzjali ta' għadd ta' uffiċjali tal-Armata Nazzjonali Indjana. L-ewwel proċess sar bejn Novembru u Diċembru tal-1945 fil-Forti l-Aħmar.

Fil-15 ta' Awwissu 1947, l-ewwel Prim Ministru tal-Indja, Jawaharlal Nehru, olza l-bandiera nazzjonali Indjana fuq id-Daħla ta' Lahore.

Wara l-Indipendenza Indjana, fis-sit saru ftit bidliet, u l-Forti l-Aħmar baqa' jintuża bħala sit militari. Parti sinifikanti mill-forti baqa' taħt il-kontroll tal-Armata Indjana sat-22 ta' Diċembru 2003, meta mbagħad ingħata lill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja għar-restawr. Fl-2009 tħabbar il-Pjan Komprensiv ta' Konservazzjoni u ta' Ġestjoni (CCMP), imħejji mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja skont id-direzzjonijiet tal-Qorti Suprema biex il-forti jerġa' jingħata l-ħajja.

Sejbiet arkeoloġiċi

immodifika

Mill-iskavi arkeoloġiċi li saru fil-Forti l-Aħmar ġew żvelati diversi artefatti tal-kultura tal-fuħħar ta' lewn okra mill-2600 Q.K. sal-1200 Q.K.

Era moderna

immodifika
 
Il-ħitan fuq ġewwa u s-saqaf tad-Diwan-e-Khas.

Il-Forti l-Aħmar, l-ikbar monument f'Delhi, huwa wieħed mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi popolari u jattira eluf ta' viżitaturi kull sena. Huwa monument ta' importanza nazzjonali wkoll; kull sena nhar Jum l-Indipendenza tal-Indja (il-15 ta' Awwissu), il-Prim Ministru tal-Indja jolza l-bandiera tal-pajjiż fil-Forti l-Aħmar u jagħti diskors mill-fortifikazzjonijiet tiegħu li jixxandar fuq livell nazzjonali. Il-forti jidher ukoll fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus ta' ₹500 tas-serje l-ġdida ta' Mahatma Gandhi tar-rupee tal-Indja.

Il-karatteristiċi arkitettoniċi ewlenin jinsabu f'kundizzjonijiet differenti; il-karatteristiċi estensivi tal-ilma huma xotti. Xi binjiet jinsabu f'kundizzjoni pjuttost tajba, b'elementi dekorattivi mhux mittiefsa; f'binjiet oħra, il-fjuri magħmulin bil-ħaġar prezzjuż ingastat fl-irħam insterqu mill-ħallelin. Is-sala tat-te, għalkemm mhux fil-qagħda storika tagħha, tintuża bħala ristorant li għadu operattiv. Il-moskea u l-ħammam jew il-banjijiet pubbliċi mhumiex miftuħa għall-pubbliku, għalkemm il-viżitaturi jistgħu jittawlu mit-twieqi tal-ħġieġ jew mix-xogħol bl-irħam. Il-mogħdijiet għall-mixi ma jinsabux f'kundizzjoni tajba, u fid-daħla u ġewwa l-park hemm tojlits pubbliċi. Id-Daħla ta' Lahore tagħti għal qisu suq b'għadd ta' ħwienet tal-ġojjellerija u tal-artiġjanat. Hemm ukoll mużew tal-"pitturi tad-demm", fejn jintwerew id-diversi martri żgħażagħ Indjani tas-seklu 20 u l-ġrajjiet tagħhom, mużew arkeoloġiku u mużew ta' mafkar tal-gwerra tal-Indja.

Avvenimenti ewlenin

immodifika
 
Il-Prim Ministru Narendra Modi jindirizza lin-Nazzjon fl-okkażjoni tas-76 Jum l-Indipendenza mill-Forti l-Aħmar fil-15 ta' Awwissu 2022.

Fil-Forti l-Aħmar kien seħħ attakk terroristiku fit-22 ta' Diċembru 2000, li twettaq minn sitt membri tal-Lashkar-e-Taiba. Żewġ suldati u persuna ċivili nqatlu f'dak li ġie deskritt mill-mezzi tax-xandir bħala tentattiv ta' tfixkil tat-taħditiet għall-paċi bejn l-Indja u l-Pakistan.

F'April 2018, il-Grupp ta' Dalmia Bharat adotta l-Forti l-Aħmar għall-manutenzjoni, għall-iżvilupp u għall-operazzjonijiet, b'kuntratt ta' valur ta' ₹25 crores għal perjodu ta' ħames snin, fil-qafas tal-iskema tal-gvern "Adotta l-Wirt". Memorandum ta' Fehim ġie ffirmat mal-Ministeri għat-Turiżmu u għall-Kultura, u l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (A.S.I.). L-adozzjoni tal-forti minn grupp privat ma ntlaqax bl-istess mod mill-membri tal-pubbliku u kien hemm ikkritika din il-mossa, fosthom l-istoriċi u l-partiti politiċi fl-oppożizzjoni. Wasslet ukoll għall-hashtag #IndiaOnSale (l-Indja għall-bejgħ) fuq Twitter. F'Mejju 2018, il-Kungress Indjan tal-Istorja appella biex il-patt jiġi sospiż sakemm isir "rieżami imparzjali" tal-patt "mill-Bord Ċentrali ta' Konsulenza dwar l-Arkeoloġija jew minn xi korp rikonoxxut ieħor ta' esperti".

Sigurtà

immodifika

Sabiex jiġu evitati attakki terroristiċi oħra, is-sigurtà tkun ferm rigoruża madwar il-Forti l-Aħmar speċjalment lejliet Jum l-Indipendenza tal-Indja. Il-Pulizija ta' Delhi u l-persunal paramilitari joqogħdu b'seba' għajnejn fil-viċinati madwar il-forti, u jiġu skjerati tiraturi magħżula tal-Gwardja tas-Sigurtà Nazzjonali fil-punti l-iktar għoljin qrib il-forti. L-ispazju tal-ajru madwar il-forti jiġi ddeżinjat bħala żona li fuqha ma jistgħux isiru titjiriet matul iċ-ċelebrazzjonijiet sabiex jiġu evitati attakki mill-ajru, u jeżistu postijiet sikuri fil-qrib tal-forti li fihom il-Prim Ministru u mexxejja Indjani oħra jkunu jistgħu jirtiraw għall-kenn f'każ ta' attakk.

Arkitettura

immodifika
 
L-istruttura bil-volti b'għamla ta' btieti lil hinn mid-Daħla ta' Lahore, tintuża bħala suq. Din kienet inbniet biex tissodisfa l-ħtiġijiet tan-nisa Mugal ta' klassi għolja, li kienu jirresjedu fil-forti.

Il-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tiddeskrivi l-Forti l-Aħmar bħala rappreżentazzjoni tal-"qofol tal-kreattività tal-Mugal". Il-forti huwa sinteżi tal-istruttura tal-palazzi Iżlamiċi flimkien ma' tradizzjonijiet lokali, u b'hekk iħaddan fih taħlita ta' "arkitettura Persjana, Timurida u Induista". Il-forti ntuża bħala ispirazzjoni għal binjiet u għal ġonna li nbnew warajh madwar is-subkontinent Indjan.

Il-Forti l-Aħmar għandu erja ta' 254.67 akru (103.06 ettari) u huwa inkorporat f'2.41 kilometri (1.50 mil) ta' ħitan difensivi, miżgħuda turretti u bastjuni b'għoli li jvarja minn 18-il metru (59 pied) fuq in-naħa tax-xmara sa 33 metru (108 piedi) fuq in-naħa tal-belt. Il-forti huwa ottagonali, b'assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar li hija itwal mill-assi mil-Lvant għall-Punent. L-irħam, id-dekorazzjonijiet ingastati tal-fjuri u l-koppli doppji tal-forti jirrappreżentaw l-arkitettura tal-Mugal.

Joħroġ fid-dieher ukoll il-livell għoli ta' tiżjin, u saħansitra jingħad li d-djamant ta' Kohinoor kien jagħmel parti mit-tiżjin tal-forti. L-opri tal-arti tal-forti huma sinteżi tal-arti Persjana, Ewropea u Indjana, u flimkien jirriżultaw fi stil Shahjahani uniku bħala għamla, espressjoni u lewn. Il-Forti l-Aħmar huwa wieħed mill-kumplessi ta' binjiet fl-Indja li jirrappreżentaw perjodu twil ta' storja u ta' arti. Anke qabel l-1913 meta ġie meqjus bħala monument ta' importanza nazzjonali, kienu saru sforzi biex jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Id-Daħliet ta' Lahore u ta' Delhi kienu jintużaw mill-pubbliku, u d-Daħla ta' Khizrabad kienet tintuża mill-imperatur. Id-Daħla ta' Lahore hija d-daħla prinċipali, u twassal għal żona msaqqfa bil-koppli qisha suq, li hija magħrufa bħala ċ-Chatta Chowk (suq imsaqqaf).

Strutturi ewlenin

immodifika
 
Mappa tal-Forti l-Aħmar bl-istrutturi ewlenin.

L-iżjed strutturi importanti li għadhom jeżistu huma l-ħitan u l-fortifikazzjonijiet, id-daħliet prinċipali, is-swali tal-udjenzi u l-appartamenti imperjali fuq ix-xatt tal-Lvant tax-xmara.

Daħla ta' Lahore

immodifika

Id-Daħla ta' Lahore hija d-daħla prinċipali tal-Forti l-Aħmar, u ngħatat dan l-isem minħabba li hija orjentata lejn il-belt ta' Lahore. Matul ir-renju ta' Aurangzeb, il-ġmiel tad-daħla ġie mmodifikat biż-żieda ta' barbikan, li Shah Jahan iddeskriva bħala "velu mixħut fuq wiċċ mara sabiħa". Kull Jum l-Indipendenza Indjana mill-1947 'l hawn, il-bandiera nazzjonali tiġi olzata u l-Prim Ministru jagħti diskors mill-fortifikazzjonijiet tal-forti.

 
Id-Daħla ta' Delhi, li bħala dehra hija kważi l-istess bħad-Daħla ta' Lahore.

Daħla ta' Delhi

immodifika

Id-Daħla ta' Delhi hija daħla pubblika fin-Nofsinhar u għandha konfigurazzjoni u dehra simili għad-Daħla ta' Lahore. Fiha hemm żewġ iljunfanti tal-ġebel ta' daqs reali fuq iż-żewġ naħat tad-daħla jħarsu lejn xulxin.

Chhatta Chowk

immodifika

Biswit id-Daħla ta' Lahore hemm iċ-Chhatta Chowk (jew is-Suq ta' Meena), fejn kienu jinbigħu l-ħarir, il-ġojjellerija u oġġetti oħra għar-residenti imperjali matul il-perjodu tal-Mugal. Dan is-suq fl-imgħoddi kien magħruf bħala l-Bazaar-i-Musaqqaf jew Chatta-bazaar (li t-tnejn ifissru "suq imsaqqaf"). Id-Daħla ta' Lahore, id-daħla prinċipali tal-Forti l-Aħmar, tagħti għal bitħa esterna fil-beraħ, li tiltaqa' mat-triq kbira mit-Tramuntana għan-Nofsinhar li oriġinarjament kienet tifred il-funzjonijiet militari tal-forti (lejn il-Punent) mill-palazzi (lejn il-Lvant). Fit-tarf tan-Nofsinhar tat-triq hemm id-Daħla ta' Delhi.

 
In-Naubat Khana u bitħa interna qabel ma twaqqgħu mill-Brittaniċi, f'ritratt tal-1858.

Naubat Khana

immodifika
 
In-Naubat Khana fil-Forti l-Aħmar illum il-ġurnata.

Fil-ħajt tal-Lvant tal-bitħa esterna issa hemm il-binja waħedha ta' Naubat Khana (bil-Persjan: "Sala tal-Istennija"), li hija magħrufa wkoll bħala Nakkar Khana (is-sala tat-tnabar). Kuljum kienet tindaqq il-mużika fiha, f'ħinijiet skedati, u kulħadd ħlief il-klassi rjali, kien meħtieġ jieqaf u joqgħod attent sa meta tispiċċa. Ir-rejiet Mugal li ġew wara, Jahandar Shah (1712-1713) u Farrukhsiyar (1713-1719), jingħad li nqatlu hawnhekk. Il-Mużew ta' Mafkar tal-Gwerra tal-Indja jinsab fit-tieni sular tal-binja. L-arkata bil-volti taċ-Chhatta Chowk tintemm fiċ-ċentru tal-bitħa esterna, b'qies ta' 540 pied b'360 pied (160 metru b'110 metri). L-arkati laterali u t-tank ċentrali tneħħew wara r-ribelljoni tal-1857.

Diwan-i-Aam

immodifika
 
Is-sala tal-udjenzi tad-Diwan-i-Aam illum il-ġurnata.

Il-bitħa interna prinċipali li fiha kienet tagħti n-Nakkar Khana kienet wiesgħa 540 pied (160 metru) u twila 420 pied (130 metru), u kienet imdawra b'galleriji bl-għassa. Fuq in-naħa l-iktar fil-bogħod, hemm id-Diwan-i-Aam, is-Sala tal-Udjenzi Pubbliċi. F'din il-binja kienu jsiru l-affarijiet uffiċjali tan-nies komuni li kienu jindirizzaw kwistjonijiet legali bħat-taxxi, kumplikazzjonijiet marbuta mal-wirt u l-awqaf.

Il-kolonni tas-sala u l-ħnejjiet qishom bil-pizzi ttundjati juru l-ħila eċċellenti ta' min bnihom, u oriġinarjament is-sala kienet imżejna bi stukko abjad ta' chunam. Fuq in-naħa ta' wara fil-parti olzata tal-binja, l-imperatur kien jilqa' lill-udjenza tiegħu fil-gallarija tal-irħam (jharokha).

Id-Diwan-i-Aam kienet tintuża wkoll għall-funzjonijiet statali. Il-bitħa (mardana) ta' warajha tagħti għall-appartamenti imperjali.

 
Il-Mumtaz Mahal.

Mumtaz Mahal

immodifika

Iż-żewġ paviljuni l-iktar fin-Nofsinhar tal-palazz huma zenanas (kwartieri tan-nisa), u jikkonsistu mill-Mumtaz Mahal li nbena għal Arjumand Banu Begum (Mumtaz Mahal), il-mara tal-imperatur Mugal Shah Jahan u r-Rang Mahal kemxejn ikbar, li kien jilqa' lin-nisa rjali. Il-Mumtaz Mahal issa jospita l-Mużew Arkeoloġiku tal-Forti l-Aħmar.

Rang Mahal

immodifika

Ir-Rang Mahal kien jospita n-nisa leġittimi u illeġittimi tal-imperatur. L-isem ifisser "Palazz tal-Ilwien", peress li fl-imgħoddi kien miżbugħ b'kuluri jgħajtu u kien imżejjen b'mużajk magħmul minn mirja. Il-vaska ċentrali tal-irħam hija alimentata min-Nahr-i-Bihisht ("Xmara tal-Ġenna").

Khas Mahal

immodifika

Il-Khas Mahal kien l-appartament tal-imperatur. Kien imberred permezz tan-Nahr-i-Bihisht. Ikkollegat miegħu hemm il-Muthamman Burj, torri ottagonali fejn l-imperatur kien jitfaċċa quddiem niesu li kienu jistennewh bil-ħerqa fix-xatt tax-xmara. Din kienet prassi li kienet issir mill-biċċa l-kbira tar-rejiet ta' dak iż-żmien.

 
Is-sala tal-udjenzi tad-Diwan-i-Aam f'nofs is-seklu 19.

Diwan-i-Khas

immodifika

Id-Diwan-i-Khas (Sala tal-Udjenzi Privati) kienet binja għall-affarijiet uffiċjali u għat-talbiet tan-nobbli u tal-familja rjali. Daħla fuq in-naħa tat-Tramuntana tad-Diwan-i-Aam tagħti għall-iżjed bitħa fuq ġewwa tal-palazz (Jalau Khana) u għad-Diwan-i-Khas. Inbniet bl-irħam abjad, ingastat bil-ħaġar prezzjuż. I-saqaf li fl-imgħoddi kien tal-fidda ġie rrestawrat bl-injam. François Bernier iddeskriva li fis-seklu 17 kien ra t-Tron tal-Paguni fiha miżgħud ġojjelli. Fuq kull naħa tas-sala, fuq iż-żewġ arkati ta' barra, hemm kitba mnaqqxa tal-poeta Persjan Amir Khusrow:

Li kieku l-ġenna teżisti fuq wiċċ din l-art, Bla dubju, bla dubju, bla dubju, tinsab hawnhekk. 

 
Id-Diwan-i-Khas f'nofs is-seklu 19.

Il-ħammam (bl-Għarbi: حمّام) kien banjijiet imperjali, li kienu jikkonsistu fi tliet kmamar imsaqqfa bl-art tal-irħam abjad bid-disinni. Fihom tliet appartamenti separati permezz ta' kurituri u msaqqfa bil-koppli. L-appartamenti huma mdawla b'panewijiet tal-ħġieġ ikkulurit fis-saqaf. Huwa maħsub li ż-żewġ kmamar fuq kull naħa tad-daħla attwali kienu jintużaw mit-tfal irjali biex jiffriskaw fil-banjijiet. L-appartament tal-Lvant, li fih tliet vaski tal-funtani, kien jintuża primarjament bħala kamra għat-tbiddil.

 
Il-ħammam tal-Forti l-Aħmar minn ġewwa f'nofs is-seklu 19.

Fiċ-ċentru ta' kull kamra kien hemm funtana, u waħda mill-kmamar kien fiha ġibjun tal-irħam mibni fil-ħajt. Skont leġġenda, fl-imgħoddi minnha kien joħroġ ilma jfuħ b'riħa ta' ward. L-appartament tal-Punent kien jintuża għall-banjijiet tal-ilma sħun jew tal-fwar, u l-arranġament tat-tisħin kien mibni fil-ħajt tal-Punent tiegħu.

 
Il-Baoli tal-Forti l-Aħmar illum il-ġurnata.

Il-baoli jew bir imtarraġ huwa wieħed mill-ftit monumenti li ma tkissrux mill-Brittaniċi wara r-Ribelljoni Indjana tal-1857. Il-komportimenti fi ħdan il-baoli ġew ikkonvertiti f'ħabs. Matul il-Proċessi tal-Armata Nazzjonali Indjana, magħrufa bħala l-Proċess tal-Forti l-Aħmar) fl-1945-1946, kien jospita l-uffiċjali tal-Armata Nazzjonali: il-Ġeneral Shah Nawaz Khan, il-Kurunell Prem Kumar Sahgal u l-Kurunell Gurbaksh Singh Dhillon. Il-baoli tal-Forti l-Aħmar għandu disinn uniku b'żewġ settijiet ta' taraġ li jagħtu 'l isfel għall-bir.

 
Il-Moti Masjid fil-Forti l-Aħmar ta' Delhi.

Moti Masjid

immodifika

Fil-Punent tal-ħammam hemm il-Moti Masjid, il-Moskea tal-Ġawhar. Din inbniet ferm wara, fl-1659, bħala moskea privata għall-Imperatur Aurangzeb. Din hija moskea żgħir imsaqqfa bi tliet koppli u mnaqqxa bl-irħam abjad. Barra minn hekk, għandha ħajt diviżorju bi tliet ħnejjiet li jagħti għal bitħa.

 
Il-paviljun ta' Shahi Burj.

Hira Mahal

immodifika

Il-Hira Mahal ("Palazz tad-Djamanti") huwa paviljun li jinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-forti, mibni taħt Bahadur Shah II, li jinsab fit-tarf tal-ġnien ta' Hayat Baksh. Il-Moti Mahal fuq it-tarf tat-Tramuntana, binja tewmija tagħha, twaqqgħet matul (jew wara) ir-ribelljoni tal-1857. Ix-Shahi Burj kienet is-sala tal-istudju prinċipali tal-imperatur; l-isem ifisser "Torri tal-Imperatur", u oriġinarjament kellha chhatri fuq nett tagħha. It-torri ġarrab ħsarat kbar u ġie rikostruwit. Quddiemu hemm paviljun tal-irħam li ġie miżjud mill-Imperatur Aurangzeb.

Hayat Bakhsh Bagh

immodifika

Il-Hayat Bakhsh Bagh (bil-Persjan: حیات بخش باغ, litteralment "Ġnien li Jagħti l-Ħajja") jinsab fin-naħa tal-Grigal tal-kumpless. Fih ġibjun, issa qoxqox, u kanali li minnhom tnixxi n-Nahr-i-Bihisht. Fuq kull tarf tiegħu hemm paviljun tal-irħam abjad, imsejħa l-Paviljun ta' Sawan u ta' Bhadon għax-xhur tal-Induiżmu. Fiċ-ċentru tal-ġibjun hemm iż-Zafar Mahal tal-ġebel ramli aħmar, li ġie miżjud għall-ħabta tal-1842 minn Bahadur Shah Zafar, u ngħata ismu.

 
Iż-Zafar Mahal u l-paviljun abjad ta' Sawan/Bhadon warajh fil-Hayat Bakhsh Bagh.

Fl-imgħoddi kienu jeżistu wkoll ġonna iżgħar (bħall-Mehtab Bagh jew il-Ġnien tad-Dawl tal-Qamar) fil-Punent tiegħu, iżda dawn tneħħew meta nbnew il-barrakki Brittaniċi. Hemm pjanijiet biex il-ġonna jinbnew mill-ġdid. Lil hinn minnhom, it-triq fit-Tramuntana tagħti għal pont bl-arkati u għall-Forti ta' Salimgarh.

Kwartier tal-Prinċpijiet

immodifika

Lejn it-Tramuntana tal-Hayat Bakhsh Bagh u tax-Shahi Burj hemm il-kwartier tal-prinċpijiet imperjali. Dan kien jintuża mill-membri tal-familja rjali tal-Mugal u fil-biċċa l-kbira twaqqa' mill-qawwiet Brittaniċi wara r-ribelljoni tal-1857. Wieħed mill-palazzi ġie kkonvertit f'sala tat-te għas-suldati.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta panoramika tal-binjiet interni tal-Forti l-Aħmar.

Il-Kumpless tal-Forti l-Aħmar ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Ara wkoll

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Red Fort Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-21.
  2. ^ "Small-Group Tour: Jama Masjid, Red Fort and Humayun's Tomb in Greater Delhi, India - Lonely Planet". web.archive.org. 2012-04-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-29. Miġbur 2023-06-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "क़िला - Meaning in English - क़िला in English - Shabdkosh | शब्दकोश". web.archive.org. 2013-11-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-11-11. Miġbur 2023-06-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "qila | Definition of qila in English by Oxford Dictionaries". web.archive.org. 2018-04-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-04-03. Miġbur 2023-06-21.
  5. ^ "Monarchies 1000-2000 - W. M. Spellman - Google Books". web.archive.org. 2011-12-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-12-14. Miġbur 2023-06-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Social Science Resources in the Electronic Age: World history - Elizabeth H. Oakes, Mehrdad Kia - Google Books". web.archive.org. 2014-01-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-01-11. Miġbur 2023-06-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Delhi's Red Fort was originally white". www.telegraph.co.uk. Miġbur 2023-06-21.
  8. ^ "building the Taj - who designed the Taj Mahal". web.archive.org. 2014-02-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-02-18. Miġbur 2023-06-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)