Ferruccio Lamborghini

industrijalista Taljan u l-fundatur tal-Automobili Lamborghini

Ferruccio Lamborghini (pronunzja bit-Taljan: [ferˈruttʃo lamborˈɡiːni]; twieled fit-28 ta' April 1916 – miet fl-20 ta' Frar 1993) kien disinjatur tal-karozzi, inventur, mekkaniku, inġinier, produttur tal-inbid, industrijalista u negozjantli ħoloq l-Automobili Lamborghini fl-1963, ditta li tipproduċi karozzi sportivi u lussużi f'Sant'Agata Bolognese, l-Italja.

Ferruccio Lamborghini
Ħajja
Twelid Cento, 28 April 1916
Nazzjonalità Renju tal-Italja
Italja
Residenza Emilia-Romagna
Mewt Perugia, 20 Frar 1993
Kawża tal-mewt kawżi naturali (attakk tal-qalb)
Familja
Ulied
Edukazzjoni
Lingwi Spanjol
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni imprenditur
inġinier
mekkaniku
sewwieq tat-tlielaq tal-karozzi
industrijalista

Il-ġenituri tiegħu kienu jkabbru d-dwieli f'Renazzo, fil-komun ta' Cento, fir-reġjun ta' Emilia-Romagna. L-għarfien mekkaniku tiegħu wasslu biex jidħol għall-manifattura tat-tratturi fl-1948, meta stabbilixxa l-Lamborghini Trattori, li malajr saret manifattur importanti tat-tagħmir agrikolu qalb it-tkabbir ekonomiku tal-Italja wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Fl-1959 fetaħ fabbrika tal-lampi taż-żejt, il-Lamborghini Bruciatori, li iktar 'il quddiem bdiet tipproduċi t-tagħmir tal-ajru kkundizzjonata.

Lamborghini stabbilixxa r-raba' kumpanija, il-Lamborghini Oleodinamica, fl-1969 wara li kien ħoloq l-Automobili Lamborghini fl-1963. Lamborghini bigħ ħafna mill-ishma tiegħu sal-aħħar tas-snin 70 tas-seklu 20 u rtira f'villa fl-Umbria, fejn baqa' jipproduċi l-inbid.

Ħajja bikrija

immodifika

Ferruccio Lamborghini twieled fit-28 ta' April 1916. Il-ġenituri tiegħu kienu Antonio u Evelina Lamborghini, li kienu jkabbru d-dwieli fid-dar nru 22 f'Renazzo di Cento, fil-provinċja ta' Ferrara, fir-reġjun ta' Emilia-Romagna fit-Tramuntana tal-Italja.[1][2] Skont iċ-ċertifikat tal-magħmudija tiegħu, Ferruccio ġie mgħammed bħala Kattoliku Ruman erbat ijiem wara, fit-2 ta' Mejju.[3]

Bħala żagħżugħ, Lamborghini kien iktar interessat fil-makkinarju tal-biedja iktar milli fl-istil ta' ħajja tal-biedja stess. Huwa kompla jdakkar l-interess tiegħu fil-mekkanika u studja fl-Istitut Tekniku ta' Fratelli Taddia qrib Bologna. Fl-1940 huwa ngħaqad mal-Forza Rjali tal-Ajru tal-Italja[4][5], fejn ħadem bħala mekkaniku fil-gwarniġjon Taljan fuq il-gżira ta' Rodi (li kienet territorju tar-Renju tal-Italja mill-1911, wara l-Gwerra bejn l-Italja u t-Turkija), u sar superviżur tal-unità tal-manutenzjoni tal-vetturi.[6] Lamborghini ttieħed bħala priġunier meta l-gżira spiċċat f'idejn il-Brittaniċi fi tmiem il-gwerra fl-1945, u ma setax jerġa' lura lejn pajjiżu qabel is-sena ta' wara. Huwa żżewweġ, iżda martu mietet fl-1947 waqt li welldet lill-ewwel iben tiegħu Tonino.[7]

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija

immodifika

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Lamborghini fetaħ garaxx f'Pieve di Cento. Lamborghini mmodifika Fiat Topolino antika li kien xtara (l-ewwel waħda minn ħafna li kellu matul is-snin) u fil-ħin liberu tiegħu kien jipproduċi t-tratturi, li mbagħad saru l-ewwel Lamborghini li pproduċa. Huwa sfrutta l-kapaċitajiet mekkaniċi tiegħu biex jittrasforma l-karozza urbana żgħira f'vettura b'żewġ postijiet u bla saqaf b'ċilindrata ta' 750 cc u daħħal il-karozza fil-Mille Miglia tal-1948. Il-parteċipazzjoni tiegħu ntemmet wara 1,100 kilometru (680 mil) meta ħabat mal-ġenb ta' ristorant fir-raħal ta' Fiano qrib Torino.

Bidu tal-imprenditorija

immodifika

Fl-1947 Ferruccio Lamborghini induna li kien hemm suq emerġenti fl-Italja ta' wara l-gwerra fil-qasam tar-rivitalizzazzjoni agrikola u industrijali. Huwa uża partijiet minn magni ta' vetturi militari u differenzjali minn ċentri ARAR, u bena l-ewwel wieħed mit-tratturi "Carioca" tiegħu, li kienu bbażati fuq magni b'sitt ċilindri ta' trakkijiet Morris li jaħdmu bil-petrol.

Peress li l-petrol fl-Italja kien għali infern, Lamborghini saħħaħ il-magni Morris b'atomizzatur tal-fjuwil maħluq minnu stess, li ppermetta li t-tratturi jiġu startjati bil-petrol, imbagħad jaqilbu għad-diżil li kien orħos. Abbażi tas-suċċess inizjali tal-Carioca, Lamborghini stabbilixxa l-Lamborghini Trattori u beda jimmanifattura t-tratturi.[8]

 
Ferruccio Lamborghini bejn "Jarama" u trattur.

Involviment fid-dgħajjes

immodifika

Riva Aquarama Lamborghini (Buq #278) ġiet irreġistrata u tlestiet fis-7 ta' Ġunju 1968 għal Lamborghini. Id-dgħajsa kienet l-ewwel u l-unika waħda b'żewġ magni Lamborghini u kellha poġġamani laterali speċjali li wieħed seta' jżomm magħhom waqt l-iskijjar fuq l-ilma u tentattivi ta' ksur ta' rekords. Il-kompartiment tal-magna ġie mmodifikat biex joqogħdu ż-żewġ magni u nbena egżost miftuħ speċjali biex ilaħħaq mad-domanda tal-magni Lamborghini.

Lamborghini kien is-sid ta' din id-dgħajsa għal iktar minn 20 sena sa Lulju 1988, u mbagħad bigħha lil Angelo Merli, li kien ħabib kbir tiegħu.

Involviment fil-karozzi

immodifika
 
Mix-xellug għal-lemin: Giotto Bizzarrini, Ferruccio Lamborghini u Gian Paolo Dallara f'Sant'Agata Bolognese fl-1963, flimkien ma' prototip ta' magna Lamborghini V12.

Permezz tal-ġid dejjem jiżdied tiegħu, Lamborghini seta' jixtri karozzi iktar veloċi u iktar għaljin mill-Fiat iż-żgħar li kien immodifika matul żogħżitu. Huwa kellu karozzi Alfa Romeo u Lancia fil-bidu tas-snin ħamsin tas-seklu 20 u kien hemm żmien fejn kellu biżżejjed karozzi biex juża waħda differenti f'kull jum tal-ġimgħa, fosthom Mercedes-Benz 300SL, Jaguar E-Type coupé, u żewġ Maserati 3500 GT. Dwar din tal-aħħar, Lamborghini qal, "Adolfo Orsi, li dak iż-żmien kien is-sid tal-Maserati, kien raġel li kont nirrispetta ħafna: huwa beda ħajtu bħala tifel fqir, bħali. Iżda l-karozzi tiegħu ma tantx kienu jogħġbuni. Kont inħosshom tqal wisq u ma tantx kienu wisq veloċi".[8]

Fl-1958, Lamborghini vvjaġġa lejn Maranello biex jixtri Ferrari 250 GT: coupé b'żewġ postijiet u b'karrozzerija ddisinjata minn Pininfarina. Matul is-snin huwa sar is-sid ta' bosta karozzi oħra, inkluż 250 GT SWB Berlinetta ddisinjata minn Scaglietti u 250 GT b'erba' postijiet. Lamborghini kien tal-fehma l-karozzi Ferrari kienu tajbin, iżda storbjużi u aggressivi wisq biex tassew jitqiesu bħala karozzi tat-triq. Huwa kkategorizzahom bħala karozzi tat-trakka li fuq ġewwa ma kinux mibnija tajjeb.[9]

 
Il-karozzi Ferrari ta' dak iż-żmien ma tantx kellhom xinxilli fuq ġewwa, u ma kellhomx diversi affarijiet li Lamborghini kien tal-fehma li kienu essenzjali għal karozza tal-gran turismo.

Lamborghini kien tal-fehma l-karozzi Ferrari kienu mgħammra b'klaċċ inferjuri, u kienu jeħtieġu mawriet lejn Maranello u lura minħabba tbagħbis meħtieġ mill-fabbrika; it-tekniċi kienu jieħdu l-karozzi f'idejhom għal diversi sigħat fejn ħadd ma seta' jara x'kienu qed jagħmlu, u dan l-aspett kien idejjaq ħafna lil Lamborghini. Huwa kien diġà esprima li ma kienx sodisfatt bis-servizz tal-Ferrari wara l-bejgħ, li skontu kien inferjuri mill-istandard mistenni. Lamborghini ressaq l-ilmenti tiegħu lil Enzo Ferrari, iżda l-produttur famuż u kburi tal-karozzi minn Modena ma tax kasu. Wara li rnexxielu jimmodifika waħda mill-Ferrari 250 GT tiegħu biex itejjibha meta mqabbla mal-mudell tal-fabbrika, Lamborghini tħajjar li jibda impriża tal-manifattura tal-karozzi tiegħu stess, bl-għan li joħloq karozza sportiva perfetta li skontu ħadd ma kien kapaċi jibniha għalih. Lamborghini kien jemmen li karozza gran turismo kellu jkollha l-karatteristiċi li ma kinux preżenti fil-karozzi Ferrari tal-fabbrika, jiġifieri prestazzjoni għolja mingħajr ma jiġu kompromessi s-sewqan, il-kwalità tar-rikba u l-aċċessorji fuq ġewwa. Lamborghini kien negozjant bravu u kien jaf ukoll li seta' jittriplika l-profitti jekk il-komponenti li kien juża fit-tratturi tiegħu minflok jiġu installati fil-karozzi sportivi tiegħu ta' prestazzjoni għolja.

Automobili Lamborghini

immodifika

Tluq minn Macchina Lamborghini

immodifika
 
Lamborghini R 754, prodott ftit snin wara li Lamborghini bigħ il-fabbrika tat-tratturi lil SAME.

Matul is-snin 70 tas-seklu 20, il-kumpaniji ta' Ferruccio Lamborghini bdew jiltaqgħu ma' diffikultajiet finanzjarji. Fl-1971, il-Lamborghini Trattori, li kienet tesporta madwar nofs il-produzzjoni tagħha ta' tratturi, iffaċċjat problemi finanzjarji meta l-importatur tagħha tal-Afrika t'Isfel ikkanċella l-ordnijiet kollha. Fil-Bolivja, il-gvern militari l-ġdid, li kien għadu kemm wettaq kolp ta' stat, ikkanċella ordni kbira ta' tratturi li kienu qed jitħejjew għat-trasport f'Genova. L-impjegati tal-kumpanija kienu membri tat-trade unions u ma setgħux jitkeċċew; b'hekk il-kumpanija kellha ġġarrab telf kbir. Fl-1972, Lamborghini bigħ is-sehem kollu tiegħu fil-kumpanija lill-produttur rivali tat-tratturi SAME. F'qasir żmien, il-grupp kollu ta' kumpaniji ta' Lamborghini esperjenza għawġ finanzjarju. L-iżvilupp tal-kumpanija tal-produzzjoni tal-karozzi majna biex jitnaqqsu l-kostijiet. Ferruccio Lamborghini beda jħajjar lix-xerrejja għal Automobili e Trattori, u daħal f'negozjati ma' Georges-Henri Rossetti, negozjant Żvizzeru sinjurun u ħabib tiegħu. Ferruccio bigħ lil Rossetti 51 % tal-kumpanija għal 600,000 dollaru Amerikan, u b'hekk ċeda l-kontroll tal-kumpanija li huwa kien stabbilixxa. Huwa baqa' jaħdem fil-fabbrika ta' Sant'Agata; Rossetti qajla involva ruħu fl-affarijiet tal-kumpanija Automobili.

Il-qagħda ma qelbitx għall-aħjar: il-kriżi taż-żejt tal-1973 kienet flaġell fuq il-bejgħ tal-karozzi sportivi ta' prestazzjoni għolja fost il-manifatturi kollha minn madwar id-dinja. Il-maġġoranza tal-konsumaturi bdew jixtru mezzi tat-trasport iżgħar u iktar prattiċi, u li jaħlu ferm inqas fjuwil. Sal-1974 Ferruccio ma baqax daqshekk interessat iktar fin-negozju tal-karozzi. Huwa neħħa kull irbit mal-karozzi kollha li kellhom kunjomu u bigħ id-49 % ishma li kien għad fadallu. L-ishma nxtraw minn René Leimer, ħabib ta' Georges-Henri Rossetti.

Wara li telaq min-negozju tal-manifattura tal-karozzi, Lamborghini kompla l-attivitajiet tan-negozju tiegħu f'oqsma oħra, fosthom il-kumpanija tat-tisħin u tal-arja kkundizzjonata tiegħu, Lamborghini Calor. Fl-1969 huwa stabbilixxa l-Lamborghini Oleodinamica S.p.A., manifattur tal-valvoli idrawliċi u tat-tagħmir.[10]

Ħajja iktar 'il quddiem

immodifika
 
Ferruccio rtira fil-villa "La Fiorita" tiegħu fil-Lag ta' Trasimeno, u baqa' jġestixxi n-negozji l-oħra tiegħu u jdakkar l-interessi personali tiegħu.

Fl-1974 Lamborghini ħareġ għalkollox mid-dinja industrijali u rtira f'villa ta' 3 km2 (740 akru) jisimha "La Fiorita" max-xtut tal-Lag ta' Trasimeno, f'Castiglione del Lago, raħal fir-reġjun ta' Umbria fl-Italja ċentrali. Huwa reġa' lura għall-għeruq tiegħu tal-biedja, u kien iħobb il-kaċċa u jipproduċi l-inbejjed tiegħu stess. Lamborghini saħansitra ddisinja l-korsa tal-golf tiegħu stess, filwaqt li kien għadu jiġġestixxi diversi interess tan-negozju.

Lamborghini kellu tifla, Patrizia, meta kellu 58 sena.

Tal-età ta' 76 sena, fl-20 ta' Frar 1993, Lamborghini miet fl-Isptar ta' Silvestrini f'Perugia wara li tah attakk f'qalbu ħmistax qabel. Lamborghini ndifen fiċ-ċimiterju ta' Renazzo.[11]

Ġlied tal-barrin

immodifika

Id-dinja tal-ġlied tal-barrin hija parti ewlenija tal-identità ta' Lamborghini. Fl-1962, Ferruccio Lamborghini żar ir-ranch ta' Don Eduardo Miura f'Sivilja, nissiel rinomat tal-barrin tal-ġlied Spanjoli. Lamborghini, li twieled taħt is-sinjal taż-żodjaku tat-Tawr, tant baqa' impressjonat bl-annimali maestużi ta' Miura li ddeċieda li jadotta l-figura ta' barri rrabjat bħala l-emblema tal-kumpanija tal-karozzi tiegħu.

Wara li pproduċa żewġ karozzi b'deżinjazzjonijiet alfanumeriċi, Lamborghini reġa' rrikorra għand in-nissiel tal-barrin għall-ispirazzjoni. Don Eduardo kien tassew kburi meta sar jaf li Ferruccio kien semma karozza għall-familja tiegħu u n-nisel ta' barrin tiegħu; ir-raba' Miura li ġiet prodotta ġiet żvelata lil Eduardo nnifsu fir-ranch tiegħu f'Sivilja.

Il-manifattur tal-karozzi baqa' jispira ruħu mill-ġlied tal-barrin fis-snin ta' wara wkoll. L-Islero ssemmiet għall-barri ta' Miura li qatel it-toreru famuż Manolete fl-1947. Espada tfisser xabla bl-Ispanjol, u xi kultant tintuża b'referenza għat-toreru nnifsu. Isem il- Jarama kellu tifsira doppja; minkejja li Ferruccio ried jirreferi biss għall-ġlied storiku tal-barrin fi Spanja, huwa beda jitħasseb dwar il-konfużjoni mat-trakka storika ta' Jarama.

Wara li semma l-Urraco għal nisel ta' barrin, fl-1974 Lamborghini ma baqax iżomm ma' din it-tradizzjoni, u semma l-Countach mhux għal barra, iżda għal contacc, esklamazzjoni ta' stagħġib bid-djalett ta' Piemonte. Skont leġġenda, l-istilista Nuccio Bertone qal dik il-kelma bi stagħġib meta ra l-prototip tal-Countach, "Project 112", għall-ewwel darba. Il-vettura sportiva LM002 u s-Silhouette kienu eċċezzjonijiet oħra għal din it-tradizzjoni.

Il-Jalpa tal-1982 issemmiet għal nisel ta' barrin; id-Diablo għall-barri fferoċjat famuż tad-Duka ta' Veragua wara li ġġieled f'battalja magħrufa kontra "El Chicorro" f'Madrid fl-1869; il-Murciélago msemmija għall-barri leġġendarju li baqa' ħaj minkejja li ġie infilzat bi 28 daqqa ta' xabla u li ma nqatilx minn "El Lagartijo" għall-prestazzjoni tiegħu fl-1879; il-Gallardo ssemmiet għal waħda mill-ħames razez storiċi tan-nisel tal-barrin tal-ġlied Spanjoli; u r-Reventón issemmiet għall-barri li rebaħ kontra t-toreru żagħżugħ Messikan Félix Guzmán fl-1943. Il-prototip tal-Estoque tal-2008 issemmiet għall-estoc, ix-xabla li tintuża tradizzjonalment mill-matador fil-ġlied tal-barrin, filwaqt li s-sostitut tal-Murcielago, l-Aventador (li ġiet żvelata fl-2011) issemmiet għall-barri mnissel mill-ulied subien ta' Don Celestino Cuadri Vides. Dan il-barri nqatel f'battalja tassew ħarxa, fejn wara li nqatel, il-barri nqatgħetlu l-widna tax-xellug tiegħu u ngħatat lill-matador bħala tifkira għax-xorti tajba.

Il-kumpaniji ta' Ferruccio Lamborghini għadhom operattivi sa llum il-ġurnata f'xi forma jew oħra. Ibnu Tonino jiddisinja kollezzjoni ta' ilbies u ta' aċċessorji bid-ditta tiegħu ta' Tonino Lamborghini, u ddisinja t-Town Life, mikrokarozza elettrika li ġiet żvelata fil-Bologna Motor Show fl-1999. Bint Ferruccio, Patrizia Lamborghini, tiġġestixxi l-produzzjoni tal-inbid ta' Lamborghini fil-proprjetà tiegħu fl-Umbria. Fl-1995 iben Ferruccio, Tonino, fetaħ mużew li jagħti ġieħ lil-legat ta' Lamborghini, iċ-Centro Studi e Ricerche Ferruccio Lamborghini f'Dosso (Ferrara), li ġie ttrasferit lejn Argelato (Bologna) fl-2014 bl-isem ġdid, il-Mużew ta' Ferruccio Lamborghini.

Il-personaġġ ta' Ferruccio Lamborghini nħadem minn Frank Grillo fil-film bijografiku tal-2022 Lamborghini: The Man Behind the Legend.

Biblijografija

immodifika
  • Cockerham, Paul W. (1996). Lamborghini: The Spirit of the Bull (Hardcover ed.). Il-Belt ta' New York, New York: Smithmark Publishers. ISBN 978-0765196262.
  • Cowell, Alan (1993). "Ferruccio Lamborghini, 76, Dies; A Top Maker of Stylish Sports Cars". New York Times. Il-Belt ta' New York, New York. ISSN 0362-4331.
  • Jolliffe, David; Willard, Tony (2004). Lamborghini: Forty Years (Hardcover ed.). St. Paul, Minnesota: Motorbooks. doi:10.1007/b62130. ISBN 978-0760319451.
  • Lawrence, Mike (1996) [1991]. A to Z of Sports Cars, 1945–1990: The Encyclopaedic Guide to More Than 850 Marques and Thousands of Models (Paperback ed.). St. Paul, Minnesota: MBI Publishing Company. ISBN 978-1870979818.
  • Lyons, Pete; The Auto Editors of Consumer Guide (9 June 1988). The Complete Book of Lamborghini (Hardcover ed.). Woodstock, New York: Beekman House. ISBN 9780854297351.
  • Sackey, Joe (2008). The Lamborghini Miura Bible (Hardcover ed.). Dorchester, England: Veloce Publishing. ISBN 978-1845841966.
  • Schleifer, Jay (1993). Lamborghini: Italy's Raging Bull. Crestwood House. ISBN 978-0896866980.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Lyons, Pete; The Auto Editors of Consumer Guide (9 June 1988). The Complete Book of Lamborghini (Hardcover ed.). Woodstock, New York: Beekman House. ISBN 9780854297351. p. 11.
  2. ^ Jolliffe, David; Willard, Tony (19 September 2004). Lamborghini: Forty Years (Hardcover ed.). St. Paul, Minnesota: Motorbooks. doi:10.1007/b62130. ISBN 978-0760319451. p. 15.
  3. ^ "Personaggi illustri di Renazzo". web.archive.org. 2012-02-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-02-26. Miġbur 2023-02-20.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Sackey, Joe (2008). The Lamborghini Miura Bible (Hardcover ed.). Dorchester, l-Ingilterra: Veloce Publishing. ISBN 978-1845841966. p. 14.
  5. ^ Wood, Jonathan (23 February 1993). "Obituary: Ferruccio Lamborghini". The Independent. Londra, ir-Renju Unit: independent.co.uk. ISSN 0951-9467.
  6. ^ "History of Automobili Lamborghini Holding S.p.A. – FundingUniverse". www.fundinguniverse.com. Miġbur 2023-02-20.
  7. ^ Jolliffe, David; Willard, Tony (2004). Lamborghini: Forty Years (Hardcover ed.). St. Paul, Minnesota: Motorbooks. doi:10.1007/b62130. ISBN 978-0760319451. p. 16.
  8. ^ a b "400gt.com - 400gt Resources and Information". ww1.400gt.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-20. Miġbur 2023-02-20.
  9. ^ Jolliffe, David; Willard, Tony (2004). Lamborghini: Forty Years (Hardcover ed.). St. Paul, Minnesota: Motorbooks. doi:10.1007/b62130. ISBN 978-0760319451. p. 18.
  10. ^ Lyons, Pete; The Auto Editors of Consumer Guide (1988). The Complete Book of Lamborghini (Hardcover ed.). Woodstock, New York: Beekman House. ISBN 9780854297351. p. 30.
  11. ^ Cowell, Alan (22 February 1993). "Ferruccio Lamborghini, 76, Dies; A Top Maker of Stylish Sports Cars". New York Times. New York City, New York. ISSN 0362-4331.