Dar u Studjo ta' Luis Barragán

istituzzjoni kulturali u mużew fil-Belt tal-Messiku, il-Messiku

Id-Dar u l-Istudjo ta' Luis Barragán, magħrufa wkoll bħala Casa Luis Barragán, hija l-eks residenza tal-arkitett Luis Barragán fid-distrett ta' Miguel Hidalgo, fil-Belt tal-Messiku, il-Messiku.[1] Is-sjieda hija tal-Fundación de Arquitectura Tapatía u tal-Gvern tal-Istat ta' Jalisco. Issa hija mużew fejn jintwera x-xogħol ta' Barragán u tintuża wkoll minn arkitetti li jżuru l-belt.[2] Fiha għad hemm l-għamara oriġinali u l-oġġetti personali ta' Barragán. Dawn jinkludu kollezzjoni tal-arti l-iktar Messikana tas-sekli 16 sa 20, b'xogħlijiet ta' Picasso, Diego Rivera, José Clemente Orozco, Jesús Reyes Ferreira u Miguel Covarrubias.

Id-Dar u l-Istudjo ta' Luis Barragan minn barra.

Ir-residenza tinsab fil-Punent tal-Belt tal-Messiku u nbniet fl-1948 wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Tirrifletti l-istil tad-disinn ta' Barragán matul dak il-perjodu u baqgħet ir-residenza tiegħu sa mewtu fl-1988. Fl-1994 ġiet ikkonvertita f'mużew amministrat mill-istat ta' Jalisco fejn twieled Barragán u mill-Fundación de Arquitectura Tapatía, bi żjarat disponibbli biss permezz ta' prenotazzjoni. Fl-2004 tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO peress li hija waħda mill-iżjed eżempji influwenti u rappreżentattivi tal-arkitettura Messikana moderna.[3]

 
Veduta tal-Casa Luis Barragán minn barra.

Iż-żona fejn tinsab id-dar oriġinarjament kienet eżatt 'il barra mir-raħal storiku ta' Tacubaya.[4] Id-dar inbniet f'proprjetà li x'aktarx Barragán xtara fl-1939 bħala parti minn żvilupp ikbar fi żmien meta l-karriera tiegħu kienet qed tgħaddi mill-proprjetà immobbli għall-arkitettura. Eventwalment huwa bigħ il-kumplament tal-art, iżda żamm dik iż-żona għalih innifsu. Il-predeċessur tad-dar kienet id-"Dar ta' Ortega", li kienet użat binja li kienet teżisti qabel. Barragán għex hemmhekk mill-1943 sal-1947. Id-dar ġiet iddisinjata u nbniet fl-1947 għal Luz Escandón de R. Valenzuela, iżda fl-1948, Barragán iddeċieda li jmur jgħix ġo fiha hu stess, minkejja l-fatt li dak iż-żmien kien qed jiżviluppa s-suddiviżjoni tal-elit Jardines del Pedregal fin-Nofsinhar tal-belt.[5] Barragán baqa' jgħix hemmhekk sa mewtu fl-1988, u matul dak iż-żmien id-dar sarulha diversi modifiki, u ffunzjonat qisha xi tip ta' laboratorju għall-ideat tiegħu.[6][7]

Fl-1993, il-gvern tal-istat ta' Jalisco u l-Fondazzjoni Arquitectura Tapatía Luis Barragán xtraw id-dar u kkonvertewha f'mużew fl-1994.[8] Fl-2004, tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[3], l-unika residenza privata fl-Amerka Latina b'dan it-titlu. Tniżżlet fil-lista bis-saħħa li tirrappreżenta l-arkitettura tas-seklu 20, bl-integrazzjoni ta' elementi tradizzjonali u vernakolari, u bit-taħlit ta' diversi tendenzi filosofiċi u artistiċi ta' nofs is-seklu 20. Ġiet imsemmija bħala waħda mill-għaxar l-iżjed djar importanti li nbnew fis-seklu 20. Barra minn hekk, kienet is-suġġett ta' bosta pubblikazzjonijiet, inkluż il-ktieb, La casa de Luis Barragán, li nkiteb minn tliet esperti dwar ix-xogħol ta' Barragán. Minkejja l-importanza tagħha, id-dar ma tantx hi magħrufa fost it-turisti tal-Belt tal-Messiku, u ġeneralment iżuruha l-arkitetti u dawk li jkollhom għal qalbhom l-arti mid-dinja kollha.[9]

 
It-taraġ fil-kamra tal-qari, wieħed mill-iżjed dettalji magħrufa fid-dar.

Id-dar ġiet irrestawrata għalkollox fl-1995 u x-xogħlijiet swew 250,000 pesos biex tibda tiffunzjona bħala mużew. Il-flus tar-restawr ġew minn CONACULTA, il-lotterija nazzjonali u l-gvern ta' Jalisco. Bħala kapulavur tal-arkitettura tas-seklu 20 fil-Messiku, id-dar stess hija l-attrazzjoni prinċipali. Għad għandha l-għamara oriġinali u l-oġġetti personali ta' Barragán ġo fiha. Dawn jinkludu kollezzjoni l-iktar ta' arti Messikana ta' bejn is-sekli 16 u 20, b'xogħlijiet ta' Picasso, Diego Rivera, José Clemente Orozco, Jesús Reyes Ferreira u Miguel Covarrubias. Reyes Ferreria kien partikolarment apprezzat u fil-kollezzjoni hemm waħda mill-ftit pitturi tiegħu biż-żejt fuq it-tila. Jiġu offruti żjarat iggwidati iżda wieħed irid jagħmel prenotazzjoni minn sew qabel.[10] Il-mużew huwa mmexxi mill-istat ta' Jalisco (l-istat fejn twieled Barragán) u mill-Fondazzjoni Arquitectura Tapatía Luis Barragán. Fiha librerija ta' madwar 3,000 pubblikazzjoni kif ukoll dokumenti u ritratti personali.[11] Barra minn hekk, issieħbet mal-Istitut tat-Teknoloġija u tal-Edukazzjoni Għolja ta' Monterrey sabiex tinħoloq kariga fil-fakultà msemmija għall-arkitett.[12]

Il-mużew jospita wkoll avvenimenti bħal konferenzi, preżentazzjonijiet u wirjiet tal-arti. Fost il-preżentazzjonijiet tal-kotba kien hemm dawk dwar l-arkitett u x-xogħlijiet tiegħu bħal "Barragán, obra completa". Fost il-wirjiet temporanji li ttellgħu fid-dar hemm dik ta' Jorge Yázpk (2008), Azul Pacífico ta' Sofía Taboas (2008), Homenaje al cuadrado ta' Josef Albers (2007), Equus ta' Teresas Zimbrón (2007), Little did he know ta' Aldo Chaparro, Mauricio Garcia Torre u Mauricio Limón (2007), Frederic Amat (2006), Luciano Matus (2006), La mancha ta' Santiago Borja (2006), Valeria Florescano (2004)[13], Alberto Moreno (2008), José Limón (2008), Intervenciones a la aquitectura ta' Humberto Spindola (2009), SANAA ta' Kazuyo Sejima u Ryue Nishizawa (2009) u waħda ta' Francisco Ugarte (2010).

Fil-bidu tas-snin 2000, id-dar ospitat proġett li dam sena sħiħa li kien imsejjaħ El aire es azul (L-arja hija blu) b'wieħed u għoxrin artist internazzjonali li qattgħu ż-żmien fid-dar joħolqu l-arti ispirata mid-dar. Dawn l-artisti kienu jinkludu Pedro Reyes, Claudia Fernandez, Damian Ortega, Anri Sala u Koo Jeon-A.[14]

Luis Barragán

immodifika
 
Il-kamra ta' wara l-entrata b'uħud mill-karatteristiċi ewlenin tax-xogħol ta' Luis Barragán: l-użu tiegħu tad-dawl naturali, il-forom ġeometriċi, il-kuluri puri u t-taraġ mingħajr poġġaman.

Luis Barragán Morfin twieled fl-1902 f'Guadalajara f'familja sinjura. Huwa trabba f'ranch kbir ħdejn ir-raħal żgħir ta' Mazamitla f'Jalisco.[15] Huwa kiseb lawrja fl-inġinerija ċivili fl-1925, u mbagħad qatta' sentejn fl-Ewropa. Hemmhekk ġie f'kuntatt max-xogħol tal-ħolqien tal-pajsaġġi ta' Ferdinan Bac. Meta reġa' lura l-Messiku, huwa beda jibni d-djar f'Guadalajara, u għadd minnhom dehru f'pubblikazzjonijiet fl-Istati Uniti u fl-Italja. Fl-1936, huwa mar jgħix fil-Belt tal-Messiku. Hemmhekk huwa ħadem fl-iżvilupp tal-proprjetà immobbli, inkluż fiż-żona fejn tinsab id-dar. Matul il-karriera tiegħu, huwa żviluppa proġetti fil-Belt tal-Messiku, f'Manzanillo, f'Guadalajara, f'Acapulco, f'La Jolla, California, iżda l-iżjed xogħol magħruf tiegħu huwa dak tas-Ciudad Satélite. Ix-xogħol arkitettoniku tiegħu ġeneralment huwa marbut mad-djar u kiseb il-ħilied tiegħu l-iktar bħala awtodidatta. Fl-1976, il-Mużew tal-Arti Moderna f'New York tella' wirja ta' xogħlu u huwa rċieva wkoll il-Premio Nacional de Ciencias y Artes. Fl-1980, huwa ngħata l-Premju Pritzker. Ftit wara, huwa żviluppa l-marda tal-Parkinson's li xekklet il-kapaċità tiegħu li jibqa' jaħdem. Huwa rċieva wkoll żewġ premjijiet oħra, il-Premio Jalisco u l-Premio Nacional de Arquitectura qabel mewtu, kif ukoll ingħatat ħarsa retrospettiva lejn xogħlu fil-Museo Tamayo de Arte Contemporáneo. Barragán miet f'daru fit-22 ta' Novembru 1988.

Ix-xogħol ta' Barragan huwa notevoli għall-użu ta' materjali tradizzjonali, spazji rikki, forom wesgħin u għall-wita, u għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-kontemporanji tiegħu, għall-użu ta' kuluri jgħajtu. Għad għandha influwenza qawwija fuq l-arkitettura Messikana, speċjalment fil-qasam tad-djar, u b'hekk djar bi stili iktar moderni spiss ma jkunux jistgħu jinbigħu faċilment.[16]

Deskrizzjoni

immodifika
 
Veduta mill-ġnien.

Id-dar tinsab f'Colonia Ampliación Daniel Garza fid-distrett ta' Miguel Hidalgo tal-Belt tal-Messiku. Il-faċċata prinċipali tinsab f'Calle General Francisco Ramírez numri 12 u 14, trejqa qrib iċ-ċentru storiku tal-eks raħal ta' Tacubaya. Illum il-ġurnata ż-żona hija tal-klassi tal-ħaddiema, u ġiet integrata għalkollox fl-iżvilupp urban tal-Belt tal-Messiku. Id-Dar ta' Ortega tinsab bieb ma' bieb magħha. Id-dar inbniet bil-konkos miksi bit-tkaħħil. Fin-naħa tat-Tramuntana hemm l-istudjo, b'daħla separata fin-numru 12, u l-kumplament, fin-numru 14, kienet ir-residenza privata ta' Barragan. Il-biċċa l-kbira tal-influwenza arkitettonika fuq id-dar hija Messikana iżda kien hemm ukoll xi influwenzi internazzjonali. L-influwenzi Messikani tal-arkitett jinkludu l-binjiet ta' żgħożitu f'Jalisco, l-użu tal-bini bil-ġebel u t-tradizzjoni ta' diviżjoni netta bejn l-ispazju pubbliku u l-ispazju privat. L-użu tal-kulur huwa bbażat fuq il-kuluri vibranti tradizzjonali tal-Messiku, flimkien mal-influwenzi artistiċi ta' Rufino Tamayo u b'mod partikolari ta' Jesús Reyes Ferreira. Reyes kien influwenti biex id-disinn Messikan tal-ispazji fuq ġewwa jitbiegħed mid-disinn Franċiż u joqrob iktar id-dehriet indiġeni fis-snin 30 u 40 tas-seklu 20. Bl-eċċezzjoni tal-kamra tal-kolazzjon, id-dar hija ddisinjata biex ma jkollhiex bżonn dawl artifiċjali binhar, u t-twieqi u l-aperturi l-oħra ġew iddisinjati f'postijiet fejn l-iktar iħallu dawl naturali jidħol minnhom.[17]

Il-faċċati tad-dar jallinjaw mat-triq u huma sempliċi ħafna, b'ħitan tal-konkos aħrax u b'kuluri u b'kompożizzjoni simili ħafna għad-djar tal-ġirien. L-unika distinzjoni hi li l-ħitan huma iktar għoljin. Għandha ftit twieqi żgħar biss u żewġ bibien li jagħtu għat-triq fuq in-naħa tal-Lbiċ. Għal din ir-raġuni d-dar ma tantx hi faċilment viżibbli. Peress li l-faċċata hi sempliċi u ċatta, ma hemm l-ebda mod kif wieħed jista' jaqta' t-tqassim tad-dar minn ġewwa. Minflok, id-dar tiffoka 'l ġewwa, u hija ċċentrata fuq ġnien imdawwar b'ħitan għoljin għajr fuq il-Punent. Id-dar ġiet imqabbla ma' oażi b'ħitan għoljin sabiex tħalli l-"kaos urban" barra.”

 
Il-kamra tas-salott, b'veduta tal-ġnien.

Il-kwalitajiet tal-arkitettura tad-dar huma espressi fuq ġewwa, inkluż l-ispazju tal-ġnien. L-arkitett uża skemi mhux armoniċi ta' kuluri jgħajtu. Id-dar hija ddisinjata għall-użu massimu tad-dawl naturali kif ukoll bħala spazju bi fluss ħieles, permezz tal-użu tal-forom ġeometriċi. L-erja totali tal-kostruzzjoni hi 1,161m2, b'żewġ sulari, terrazza fuq il-bejt u ġnien privat. Id-dar tirrappreżenta integrazzjoni tal-istili arkitettoniċi moderni u tradizzjonali, u mill-kostruzzjoni tagħha kienet influwenti, speċjalment fid-disinn tal-ġonna, tal-pjazez u tal-pajsaġġi. Is-sulari mhumiex regolari u l-kmamar għandhom għoli differenti.

Wara li wieħed jidħol mill-bieb tan-numru 14, wieħed jasal f'kamra spartana, żgħira u mdallma ta' lqugħ, li għandha l-iskop prinċipali ta' separazzjoni bejn id-dinja ta' barra u l-parti ta' ġewwa tad-dar. L-art hija magħmula b'ġebel vulkaniku li jkompli anke fl-ewwel sala. Din il-ġebla normalment tintuża għall-artijiet fuq barra, għaldaqstant iż-żona tagħtik sensazzjoni qisek qiegħed f'xi terrazzin. Minn hemm wieħed jasal f'vestibolu b'saqaf għoli, b'dawl isfar fuq l-art tal-ġebel vulkaniku, u b'ħajt wieħed miżbugħ b'kulur fuksja.

 
It-tieqa tagħti aċċess għal ammonti kbar ta' dawl naturali.

Wara ħajt diviżorju baxx u tal-parċmina hemm is-salott, b'saqaf b'għoli doppju bix-xorok tal-injam u b'art tal-arżnu. Il-ħitan huma bojod b'bibien żgħar li jagħtu għal spazji tas-servizzi. It-tieqa prinċipali tħares fuq il-ġnien. Spazji oħra fil-pjan terran jinkludu l-kamra tal-qari jew il-librerija, kamra tal-ikel, b'saqaf baxxa u b'ħajt b'kulur fuksja, b'diversi skutelli taċ-ċeramika minn bosta partijiet tal-Messiku għall-wiri. L-ispazji ta' dan is-sular huma maqsuma permezz ta' turġien u ħitan diviżorji li jistgħu jintwew.

Il-kamra tal-ikel, is-salott, il-kamra tal-kolazzjon u l-kċina kollha jagħtu għaż-żona tal-ġnien fejn hemm funtana. Oriġinarjament il-ġnien kien se jkollu ħaxix biss, iżda l-arkitett ħalla għadd ta' pjanti jikbru semiliberament, u b'hekk il-veġetazzjoni tagħti sensazzjoni iktar tas-selvaġġ. Il-ġnien huwa żgħir iżda jidher ikbar milli hu minħabba li jinsab maġenb il-ġnien tal-ġirien. It-twieqi li jħarsu lejn dan il-ġnien ġew imċaqilqa wara li l-binja tlestiet u l-marki ta' fejn kienu jwasslu biex din il-faċċata għandha dehra pjuttost mhux pulita. It-twieqi ġew imċaqilqa u ppożizzjonati biex jikkomplementaw l-ispazji fuq ġewwa. Tieqa minn dawk li ġew imċaqilqa kienet dik tal-kamra tal-ikel, x'aktarx biex wieħed ikollu veduta aħjar meta jkun bilqiegħda mal-mejda.

Spazju ieħor fuq barra hu l-Patio de las ollas (il-Bitħa tal-Qsari), li tinsab fuq in-naħa tal-Punent tal-binja. Ma kinitx parti mill-pjanta oriġinali iżda kienet ir-riżultat ta' modifiki li saru wara biex l-istudjo jiġi sseparat mill-ġnien. Dan l-ispazju huwa żgħir iżda jipprovdi d-dawl u l-ħdura fiċ-ċentru tal-istruttura.

 
Id-disinn u l-kuluri tal-bejt tad-dar.

Is-sular ta' fuq huwa spazju iktar privat b'persjani ħoxnin tal-injam għat-twieqi. L-aċċess għal din iż-żona u għat-terrazza fuq il-bejt hu permezz ta' taraġ tal-ġebel mingħajr poġġaman, li hija karatteristika tipika ta' Barragán. Is-sular ta' fuq fih kamra tas-sodda prinċipali b'kompartiment separat għall-ħwejjeġ, kamra għall-mistednin u "kamra għal waranofsinhar". Il-kamra tas-sodda prinċipali għandha tieqa li tagħti għal fuq il-ġnien u kienet il-post fejn kien jorqod l-arkitett, li kien isejħilha sempliċement "il-kamra l-bajda". Fiha pittura msejħa Anunciación kif ukoll ħajt diviżorju għoli 30 ċentimetru kollox li seta' jintewa b'immaġnijiet ta' mudella Afrikana li ġew imqasqsa mir-rivisti. Il-kompartiment separat għall-ħwejjeġ fi ħdan il-kamra tas-sodda prinċipali kien jissejjaħ ukoll il-cuarto del Cristo jew il-kamra ta' Kristu, minħabba li fiha kurċifiss. Il-kamra għall-mistednin tħares lejn il-Lvant għal fuq it-triq u oriġinarjament kienet terrazza. Din u l-kmamar tas-sooda għandhom dehra qisha monastika minħabba li huma pjuttost spartani u minħabba t-tip ta' għamara ta' ġo fihom, li tirrifletti t-twemmin Franġiskan ta' Barragán.

It-terrazza ta' fuq il-bejt għandha ħitan għoljin ħomor kulur id-demm, u griżi skuri fil-kannella u bojod, u l-artijiet għandhom madum aħmar taċ-ċeramika. Il-ħitan għandhom effett qishom qed jagħmluha ta' gwarniċ għas-sema, apparti li jaħbu ċ-ċumnija, it-tank tal-ilma u t-taraġ tas-servizzi. It-terrazza sservi bħala punt żgħir biex wieħed ikun jista' jara l-madwar, 'il fuq mill-bitħa, l-osservatorju, il-kappella u l-ġnien. In-naħa li tħares lejn il-ġnien għandha poġġaman sempliċi tal-injam.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Id-Dar u l-Istudjo ta' Luis Barragán ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[3]

Referenzi

immodifika
  1. ^ "La Casa Luis Barragán". Secretaría de Cultura/Sistema de Información Cultural (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-11-14.
  2. ^ "Casa Barragan". web.archive.org. 2010-09-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-09-24. Miġbur 2022-11-14.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Luis Barragán House and Studio". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-11-14.
  4. ^ "La Casa Luis Barragán". Secretaría de Cultura/Sistema de Información Cultural (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-11-15.
  5. ^ "CASA LUIS BARRAGÁN". www.casaluisbarragan.org. Miġbur 2022-11-15.
  6. ^ "Otro libro describe el caos en la Casa Blanca". El Economista (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-11-15.
  7. ^ "CASA LUIS BARRAGÁN". www.casaluisbarragan.org. Miġbur 2022-11-15.
  8. ^ Lopez, Maria Luisa (May 31, 1995). "Abriran este ano Casa-Museo Luis Barragan". Reforma (bl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. p. 12.
  9. ^ Perez-Gil, Javier (September 1, 2007). "PURSUITS; Leisure & Arts -- Masterpiece: The House Barragan Built; Each room in the late architect's home is a calculated surprise". Wall Street Journal. New York. p. 12.
  10. ^ "Líneas y luz: la Casa Luis Barragán | Glamour Mexico". web.archive.org. 2013-01-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-01-27. Miġbur 2022-11-16.
  11. ^ Garcia, Omar (2002). "Intervienen artistas Casa Luis Barragan". Reforma (bl-Ispanjol). Il-Belt tal-Messiku. p. 4.
  12. ^ Alvarez, Ricardo (2000). "Reuniran acervo de Luis Barragan". Mural (bl-Ispanjol). Guadalajara. p. 1.
  13. ^ "La Jornada". www.jornada.com.mx. Miġbur 2022-11-16.
  14. ^ "Books And Arts: The colours of serenity; Luis Barragan". The Economist. 366 (8308): 79–80, 2003.
  15. ^ Tim Street-Porter (1997). "Architecture of Mexico: the houses of Luis Barragan". Il-Belt tal-Messiku: Mexconnect newsletter. ISSN 1028-9089.
  16. ^ Barreneche, Raul A (January 1999). "Suburban sophisticate: The AIA Journal The AIA Journal". Architecture. 88 (1): 100–105.
  17. ^ Canizaro, Vincent B. (2007). Architectural Regionalism : Collected Writings on Place, Identity, Modernity, and Tradition. New York, NY: Princeton Architectural Press. p. 77. ISBN 9781568986166.