Cristofano Allori

pittur Taljan Manjerist (1577-1621)

Cristofano Allori (twieled f'Firenze fis-17 ta' Ottubru 1577 – miet f'Firenze fl-1 ta' April 1621) kien pittur Taljan, iben Alessandro Allori.

Cristofano Allori
Ħajja
Twelid Firenze, 17 Ottubru 1577
Nazzjonalità Gran Dukat tat-Toskana
Grupp etniku Taljani
Mewt Firenze, 1 April 1621
Familja
Missier Alessandro Allori
Għalliema Alessandro Allori
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
Post tax-xogħol Firenze
Ruma
Xogħlijiet importanti Giuditta b'ras Oloferne
Moviment Manjeriżmu
Moviment artistiku ritratt
pittura reliġjuża

Bijografija

immodifika

Allori twieled f'Firenze u kien iben Maria u l-pittur Alessandro di Cristofano Allori, student u dixxiplu tal-pittur magħruf Agnolo di Cosimo, imlaqqam il Bronzino, li huwa l-laqam li missier Allori wiret mingħandu u li għadda lil ibnu. Alessandro, li wara l-mewt tal-imgħallem tiegħu fl-1572 u ta' Giorgio Vasari fl-1574 seta' jiftaħar li kien fost l-ewwel pitturi ta' Firenze u jgawdi kunsiderazzjoni kbira mill-qorti, daħħal lil ibnu jaħdem miegħu ta' età żgħira, u saħansitra fl-1590 Cristofano ffirma l-ewwel tila tiegħu, ir-Ritratt tal-Konti Ugo di Toscana. Taħt missieru tgħallem ħafna, u ddedika ruħu jikkopja t-tili ta' Raffaello u ta' fra Bartolomeo, jistudja x-xogħlijiet ta' il Bronzino, l-imgħallem ta' missieru, u ta' Ligozzi, u jimpenja ruħu fil-ħolqien tar-ritratti: dak ta' Francesco u Caterina de' Medici huwa tal-1596.[1]

Cristofano, li kien iħares lejn l-eżempji ta' Cigoli u ta' Santi di Tito, maż-żmien u mal-evolviment tal-gosti tiegħu beda jippreferi bixra u kuluri inqas jgħajtu, u beda jħossu mhux sodisfatt bil-metodu bħal ta' Michelangelo u l-kuluri biedra ta' missieru, u beda jirrifjuta l-kritiki li beda jħoss li kienu qed jiskreditawlu xogħlu. Min-naħa tiegħu, Cristofano "kien ta' żaqqu f'ommu, u kien jgħid li missieru fl-arti tal-pittura kien eretiku". Fil-fatt, fis-sena 1600, ma baqax jaħdem taħt missieru u mar ipitter taħt Gregorio Pagani (1558-1605), esponent tal-iskola ta' Firenze tal-Manjeriżmu aħħari, li kien jipprova jgħaqqad il-kulur rikk tal-Venezjani mal-attenzjoni għad-disinn tipiku tal-Fjorentini.

Il-Beatu Manetto jfejjaq lil magħtub mutu huwa l-ewwel frott tal-attività indipendenti tiegħu mhux marbut ma' missieru, li skont Baldinucci huwa rrappreżentat fil-figura tal-Beatu Manetto, "xwejjaħ xagħru abjad u b'daqna żgħira", u għalkemm ħareġ minn taħt Pagani, "il-pittura ma fiha xejn għajr ftit traċċit tal-istil ta' Gregorio: il-partijiet essenzjali, bħall-andament tal-kompożizzjoni u s-suġġett dens u mdawwal, juru r-rwol deċiżiv u tradizzjonalment rikonoxxut li Cigoli kellu f'din l-ewwel maturazzjoni ta' Cristofano" mingħajr ma wieħed jinsa s-"severità kkonċentrata" tal-uċuħ, tipika ta' Passignano.

 
Giuditta b'ras Oloferne

Ix-xogħlijiet tiegħu huma distinti għall-aderenza stretta tagħhom man-natura u għad-delikatezza u l-perfezzjoni teknika tat-twettiq tagħhom. Il-ħila teknika ta' Cristofano toħroġ fid-dieher mill-fatt li xi kopji ta' pitturi ta' Correggio jidhru qishom magħmula minn Correggio stess. Ir-reqqa estrema għad-dettall illimitat l-għadd ta' xogħlijiet li wettaq; il-maġġoranza tagħhom jinsabu f'Firenze.

Il-kapulavur tiegħu x'aktarx li huwa Giuditta b'ras Oloferne. Din l-opra teżisti fi tliet verżjonijiet: waħda f'Palazz Pitti f'Firenze, it-tieni fil-Gallerija tar-Reġina f'Londra, ir-Renju Unit, u t-tielet f'kollezzjoni privata f'Arenzano fil-provinċja ta' Genova. Il-mudella għal Giuditta kienet il-maħbuba tiegħu, Maria di Giovanni Mazzafirri magħrufa bħala Mazzafirra, kortiġjana magħrufa għas-sbuħija tagħha. Hija rrappreżentata wkoll f'Maddalena u f'ritratt li jinsab fil-Mużew tal-Arti u l-Istorja ta' Ġinevra, l-Iżvizzera. Ras Oloferne titqies bħala awtoritratt ta' Allori li metaforikament "tilef rasu" wara l-isbuħija ta' Mazzafirra.[2]

Letteratura Taljana

immodifika

Il-kittieb Michele Mari, fir-rumanz tiegħu Rondini sul filo ("Ħuttaf fuq il-ħabel") tal-1999, jagħmel kemm-il darba referenza għar-ritratt ta' Giuditta b'ras Oloferne.

Xogħlijiet

immodifika
  • Ritratt tal-Konti Ugo di Toscana, żejt fuq it-tila, 150 x 183 cm, l-Uffizi, Firenze, 1590
  • Il-Beatu Manetto jfejjaq lill-magħtub mutu, żejt fuq it-tila, 193 x 139 cm, il-Knisja tal-Lunzjata, Firenze
  • San Franġisk miġbur fit-talb, żejt fuq it-tila, 144 x 112 cm, il-Galleria Borghese, Ruma
  • Ritratt meta kien żagħżugħ, żejt fuq it-tila, 51 x 39,5 cm, Bowdoin College Museum of Art, Brunswick, Maine
  • Giuditta b'ras Oloferne, abbozz, żejt fuq it-tila, 139 x 116 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • Iċ-Ċena f'Emmaws, żejt fuq it-tila, 54 x 39 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • David u Gulija, abbozz, żejt fuq it-tila, 48 x 37 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Il-Verġni tagħti r-rużarju lil San Duminku, żejt fuq ir-ram, 56 x 36 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Santa Marija Maddalena fid-deżert, żejt fuq ir-ram, 29,6 x 43 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • Madonna bil-Bambin, żejt fuq ir-ram, 14.5 x 12.5 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • Madonna bil-Bambin, abbozz, żejt fuq it-tila, 20.5 x 15.8 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Awtoritratt, żejt fuq it-tila, 53.3 x 40.3 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Santa Marija Maddalena tindem, żejt fuq it-tila, 145 x 91 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • Ritratt ta' Giulia Gonzaga, żejt fuq it-tila, 143.5 x 108.5 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • Ritratt ta' Maddalena tal-Awstrija, il-mara ta' Cosimo II, żejt fuq it-tila, 204 x 114 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Ritratt ta' Maddalena tal-Awstrija, il-mara ta' Cosimo II, żejt fuq it-tila, 63 x 49 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • Ritratt virili, żejt fuq il-landa, 67 x 51 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Ritratt ta' żagħżugħ, żejt fuq il-landa, 4,3 x 3,5 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Ritratt ta' Cosimo II, żejt fuq it-tila, 66 x 55 cm, il-Mużew tan-Natura Mejta, Poggio a Caiano
  • L-Irxoxt, abbozz, żejt fuq it-tila, 86 x 52 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Susanna u x-xjuħ, abbozz, żejt fuq it-tila, 49 x 34.4 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Il-Martirju ta' San Stiefnu, abbozz, żejt fuq it-tila, 78 x 63 cm, l-Uffizi, Firenze
  • L-Adorazzjoni tal-Maġi, żejt fuq it-tila, 337 x 220 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • San Franġisk, żejt fuq it-tila, 199 x 145 cm, il-Gallerija Palatina, Firenze
  • Ritratt ta' mara, żejt fuq ir-ram, 7.1 x 5.3 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Ritratt ta' Cosimo II, żejt fuq ir-ram, 5.4 x 4.2 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Ritratt virili, żejt fuq ir-ram, 4.3 x 5.6 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Ritratt virili, żejt fuq ir-ram, 4.8 x 6.2 cm, l-Uffizi, Firenze
  • Ritratt ta' mara, żejt fuq il-landa, 5.5 x 6.9 cm, l-Uffizi, Firenze

Biblijografija

immodifika
  • Lucy Whitaker, Martin Clayton, The Art of Italy in the Royal Collection; Renaissance and Baroque, Royal Collection Publications, 2007, ISBN 9781902163291
  • Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Allori, Alessandro". Encyclopædia Britannica (11th ed.). Cambridge University Press.
  • Filippo Baldinucci, Notizie de' professori del disegno da Cimabue in qua, Milan, 1812.
  • M. Gregori, Noti dwar Cristofano Allori fi Scritti di storia dell'arte in onore di G. Procacci, Milan, 1977.
  • AA. VV., Il Seicento fiorentino, Firenze, 1986, ISBN 88-7737-013-0.
  • C. Pizzorusso, Ricerche su Cristofano Allori, Firenze, 1982, ISBN 88-222-3067-1.
  • M. Horak, Ritratt importanti ta' Cristofano Allori identifikat minn Ferdinando Arisi fl-2012 f'L'Urtiga - Quaderni di cultura piacentina, nru 6, 2014.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Whitaker u Clayton, p. 270
  2. ^ Whitaker u Clayton, p. 275.