Charles Xuereb

storiku u ġurnalist Malti

Charles Xuereb (twieled fil-Ħamrun fl-4 ta' Mejju 1948)[1] huwa storiku, kittieb, akkademiku, xandar, ġurnalist, u lekċerer Malti fl-Università ta' Malta.

Charles Xuereb
Ħajja
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Ingliż
Franċiż
Taljan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni storiku
għalliem fl-università
ġurnalist
xandar
kittieb
Impjegaturi Università ta' Malta
Gvern ta' Malta
Premjijiet

Huwa ħadem fil-qasam tax-xandir[2] u tal-ġurnaliżmu, l-ewwel fuq ir-rediffusion u mis-snin 60 tas-seklu 20 fit-televiżjoni, ftit qabel ma beda fuq ir-radju.[1] Huwa ħadem mal-BPC International li ġiet stabbilita mill-pijunier tal-komunikazzjoni Joseph Brockdorff.[3][4] Xuereb ħadem għal diversi snin ukoll mal-Gvern ta' Malta fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Attwalment huwa lekċerer fl-Università ta' Malta u President tal-Bord Editorjali ta' Campus FM.[5]

Karriera

immodifika

Charles Xuereb ħadem mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni ta' Malta u kien għalliem tal-Malti u tal-Franċiż. Bejn l-1964 u l-1965 huwa kien l-editur tar-rivista Malteen, l-ewwel rivista għaż-żgħażagħ f'Malta.[6] Bejn l-1965 u l-1968, Xuereb ħadem ukoll bħala ġurnalist mal-ġurnal The Times of Malta .[7] F'Jannar 1969 beda jipproduċi u jippreżenta programmi kulturali u taż-żgħażagħ, u mill-1976 beda jipproduċi u jippreżenta kwiżżes fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni nazzjonali.

F'Diċembru 1984, Charles Xuereb beda jippreżenta l-programm Bonġu Malta li baqa' għaddej sal-25 ta' Mejju 1986. Kien programm maratona mid-9 ta' filgħodu sas-2 ta' waranofsinhar tal-Ħadd. Permezz ta' dan il-programm, l-ekwipaġġ televiżiv tal-programm kien dar 64 raħal f'Malta u kienet l-ewwel darba li kienu nħarġu l-kameras mill-istudjos għal programm televiżiv li ma kienx l-aħbarijiet. Kien ukoll l-ewwel programm televiżiv li kien jixxandar il-Ħadd filgħodu. Għalkemm il-programm Bonġu Malta ma kienx fih kontenut kontroversjali, ma kienx nieqes minn kontroversji, meta fis-snin 80 tas-seklu 20 sar bojkott fuq ix-xandir mill-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, skonthom minħabba nuqqas ta' bilanċ. Fil-qasam tax-xandir Charles Xuereb dejjem żamm 'il bogħod mill-politika.[8]

Fis-snin 80 tas-seklu 20, Xuereb kien jieħu sehem fil-konferenzi tal-Ministri Ewropej responsabbli għaż-żgħażagħ fil-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu, Franza. Għal 6 snin huwa kellu r-rwol ta' konsulent dwar l-affarijiet taż-żgħażagħ għall-Ministeru Malti tal-Affarijiet Barranin, il-Kultura u ż-Żgħażagħ.[9]

Wara l-promulgazzjoni tal-Att dwar ix-Xandir fl-1991 sabiex jiddaħħlu r-riformi fix-xandir f'Malta kif imħabbra mill-Gvern fil-White Paper imsejħa "Ix-Xandir: Impenn għall-Pluraliżmu",[10] Xuereb ġie inkarigat mill-Gvern ta' Malta biex jaħdem fil-qasam tat-televiżjoni edukattiva u mill-1996 kien l-ewwel persuna li mexxa l-istazzjon lokali Education 22.[11] Fl-2001 Charles Xuereb inħatar bħala maniġer ġenerali tal-Audiovision Productions li kienu jipproduċu bosta programmi fuq it-televiżjoni.[11][12] Fost id-diversi programmi popolari li ppreżenta matul is-snin hemm Għal Fuq Ġbin, Kalejdoskopju, Mas-16, Imħabba u Sess, Persocom, Tuffieħ, Narak Fis-Seba', Il-Ħadd mal-Maltin, Sitta Sitta, Tbissima u Werqa.[12]

Charles Xuereb qatt ma ried ikun assoċjat ma' prodotti kummerċjali u għaldaqstant sostna li qatt ma aċċetta li jagħmel reklami ta' prodotti kummerċjali għax kien jippreferi li jibqa' assoċjat biss mal-programmi li kien jagħmel.[8] Xuereb għadu jikkontribwixxi fil-qasam tax-xandir bħala mistieden f'diversi programmi televiżivi fosthom Kieku Kien li jixxandar fuq TVM kif ukoll f'intervisti fuq poddati fosthom ta' Jon Mallia.[13] Ħa sehem ukoll fuq dibattitu mxandar fuq Go TV dwar l-effetti tal-kolonjaliżmu Brittaniku f'Malta fejn il-maġġoranza tal-udjenza vvutat li l-effetti kienu negattivi.[14]

Charles Xuereb huwa wkoll storiku[15] u lekċerer fl-Università ta' Malta, fejn jagħti lekċers dwar il-memorja u l-identità kollettiva kif ukoll dwar l-istudji postkolonjali, il-ħsieb kritiku u l-komunikazzjoni.[16] Huwa l-President tal-Bord Editorjali ta' Campus FM u jmexxi l-programm Isfar u Nnuklat fuq Campus 103.7.[17]

Studji u riċerka

immodifika

Charles Xuereb kiseb l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fil-Kulleġġ Edukattiv ta' San Mikiel. Huwa studja wkoll għall-Masters fil-Ġestjoni tal-Midja fl-Università ta' Stirling fl-Iskozja.[18] Fl-2013 huwa ggradwa b'dottorat fil-filosofija fl-Università ta' Malta bit-teżi investigattiva France in the Maltese collective memory (Franza fil-memorja kollettiva tal-Maltin) dwar kif il-memorja transġenerazzjonali jaf influwenzat l-identità nazzjonali Maltija attwali.[5]

Huwa kiteb għadd ta' kotba dwar dan il-qasam b'rabta mal-identità Maltija bit-tir li jqanqal dibattitu san, fejn tiġi rikonoxxuta l-istorja awtentika ta' Malta fi żmien il-kolonjaliżmu tal-imgħoddi sabiex b'mod responsabbli wieħed ikun jista' tassew iħares lejn il-ġejjieni taċ-ċittadini Maltin.[5][13] L-aħħar ktieb ta' riċerka tiegħu f'dan il-qasam li ġie ppubblikat fl-2022 huwa Decolonising the Maltese Mind, in search of identity (Id-Dekolonizzazzjoni ta' Moħħ il-Maltin, tfittxija ta' identità).[16]

Fl-2011 Charles Xuereb ġie nnominat bħala Kavallier tal-Leġjun tal-Unur (bil-Franċiż: Légion d'honneur) tal-Ordni Nazzjonali Franċiż mill-Gran Mastru tal-Ordni u l-President ta' Franza ta' dak iż-żmien Nicolas Sarkozy bħala rikonoxximent għas-servizz fit-tul u ddedikat tiegħu għat-tixrid tal-kultura Franċiża u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-Franċiżi u l-Maltin.[2][19]

Barra minn hekk, fl-1 ta' Diċembru 2022 f'Pariġi, l-Academie française (l-Akkademja Franċiża), li ġiet stabbilita mill-Kardinal Richelieu fl-1635 u li hija l-ogħla awtorità akkademika li storikament ħadet ħsieb il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-lingwa u tal-letteratura Franċiża madwar id-dinja, onorat lil Dr. Xuereb u erba' rebbieħa internazzjonali oħra (Osvalde Lewat, Jennifer Montagu, Denis Vaugeois u Frantz Voltaire) bil-Prix du Rayonnement de la Langue française (Premju għat-Tixrid tal-Lingwa Franċiża) għall-kontribut tiegħu għat-tixrid tal-lingwa Franċiża f'Malta.[20][21][22]

  • Mas-16. 1975.[23]
  • Imħabba u Sess, 1985.
  • France in the Maltese Collective Memory, Perspectives, Perceptions, Identities after Bonaparte in British Malta (Malta University Press, 2014/2021); teżi tad-dottorat tal-filosofija fl-Università ta' Malta.
  • Decolonising the Maltese Mind, in search of identity, Midsea Books, Malta, 2022, ISBN: 978-99932-7-905-1.[24]
  • Bellilote u l-Bjar ta' Napuljun, Klabb Kotba Maltin, 2024.[25][26]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "Jiċċelebra Għeluq Is-76 Sena X-Xandar Lokali Charles Xuereb – Nawgurawlu!". www.gwida.mt (bil-Malti). Miġbur 2024-10-04.
  2. ^ a b "Légion d'Honneur for broadcaster". Times of Malta (bl-Ingliż). 2011-11-13. Miġbur 2024-10-04.
  3. ^ "Joseph Brockdorff, 77, has died". Times of Malta (bl-Ingliż). 2015-04-09. Miġbur 2024-10-04.
  4. ^ "BPC International – Advertising and Public Relations Agency in Malta". www.bpc.com.mt. Miġbur 2024-10-04.
  5. ^ a b ċ "Charles Xuereb graduates Doctor of Philosophy". Times of Malta (bl-Ingliż). 2013-12-29. Miġbur 2024-10-04.
  6. ^ "How I Write - Charles Xuereb - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2024-10-11.
  7. ^ "Articles by Charles Xuereb's Profile".
  8. ^ a b "Rajt lil Malta tinbidel minn ġol-kamera tat-TV". Newsbook.
  9. ^ "Conseil de l'europe - 20th January 1986 conference".
  10. ^ "Att Nru XII tal-1991 - Att dwar ix-Xandir".
  11. ^ a b ""Jalla sehmi fix-xandir jissokta b'mod pożittiv sakemm indum ħaj" – Charles Xuereb".
  12. ^ a b "Charles Xuereb jagħlaq sninu".
  13. ^ a b Podcast, Jon Mallia (2023-09-15). "Episodju 115 ma' Charles Xuereb – Jon Mallia Podcast – Podcast". Podtail (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-04.
  14. ^ "Shifting perceptions of British rule in Malta". Times of Malta (bl-Ingliż). 2024-07-30. Miġbur 2024-10-11.
  15. ^ Newsroom, T. V. M. (2022-07-14). "Thanks to the French Revolution we were able to become a Republic – Dr Charles Xuereb" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-11.
  16. ^ a b "Dr Charles Xuereb decorated by the Academie française in Paris". University of Malta. Miġbur 2024-10-11.
  17. ^ "OAR@UM: Browsing OAR@UM". www.um.edu.mt. Miġbur 2024-10-11.
  18. ^ "Charles Xuereb - Newsbook".
  19. ^ "IdRef - Xuereb, Charles".
  20. ^ "Dr Charles Xuereb decorated by the Academie française in Paris". University of Malta. Miġbur 2024-10-04.
  21. ^ "Charles XUEREB | Académie française". www.academie-francaise.fr. Miġbur 2024-10-04.
  22. ^ "Charles Xuereb reçoit le prix du rayonnement de la langue française". La France à Malte (bil-Franċiż). Miġbur 2024-10-04.
  23. ^ "The national face of Djalogu". Times of Malta (bl-Ingliż). 2018-04-01. Miġbur 2024-10-04.
  24. ^ Keszthelyi, Christian (2023-07-24). "Decolonising the Maltese Mind" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-10-11.
  25. ^ "'Bellilote u l-Bjar ta' Napuljun': A Historical Novel pertinent to the French Period". University of Malta. Miġbur 2024-10-04.
  26. ^ "Napoleon's wells in St Julian's inspire Charles Xuereb's historical novel - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2024-10-11.