Bażilika Ewfrasjana ta’ Poreč

bażilika Kattolika Rumana fir-raħal ta’ Poreč, fin-naħa tal-Peniżola ta’ Istria li tagħmel mal-Kroazja

Il-Bażilika Ewfrasjana ta’ Poreč (bil-Kroat: Eufrazijeva bazilika) jew il-Bażilika Katidral tat-Tlugħ is-Sema ta’ Marija hija bażilika Kattolika Rumana fir-raħal ta’ Poreč, fin-naħa tal-Peniżola ta’ Istria li tagħmel mal-Kroazja. Il-kumpless episkopali, li jinkludi l-bażilika nnifisha, sagristija, battisterju u t-torri tal-kampnar tal-palazz tal-Arċisqof, huwa eżempju eċċellenti ta’ arkitettura Biżantina bikrija fir-reġjun tal-Mediterran.

Il-Bażilika Ewfrasjana ta’ Poreč minn ġewwa

Il-Bażilika Ewfrasjana, fil-biċċa l-kbira tagħha, żammet l-għamla oriġinali tagħha, iżda xi inċidenti, nirien u terremoti li seħħew tul is-snin alteraw kemxejn xi dettalji żgħar. Peress li hija t-tielet knisja li nbniet fl-istess sit, tħaddan fiha partijiet mill-binjiet preċedenti, bħala pereżempju l-art bil-mużajk tal-bażilika preċedenti mis-seklu 5 W.K. Minħabba l-valur eċċezzjonali tagħha, fl-1997 tniżżlet fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Il-Bażilika hija wkoll il-Katidral tad-Djoċesi Kattolika Rumana ta’ Poreč-Pula.

StorjaEdit

 
Il-Bażilika Ewfrasjana ta’ Poreč mill-kjostru

L-iktar bażilika bikrija kienet iddedikata lil San Maurus ta’ Parentium u tmur lura għat-tieni nofs tas-seklu 4 W.K. L-art bil-mużajk fl-oratorju tagħha, oriġinarjament parti minn dar Rumana kbira, għadha ppreservata fil-ġnien tal-knisja. Dan l-oratorju kien diġà ġie estiż fl-istess seklu fi knisja magħmula minn navata waħda u kuritur wieħed (basilicae geminae). Il-ħuta fl-art bil-mużajk tmur lura għal dak il-perjodu. Barra minn hekk, fl-istess post instabu wkoll muniti bl-Imperatur Valens (365-378) fuq wiċċ minnhom, li jikkonfermaw li d-dati huma tajbin.

 
Il-mużajk ta’ ħuta ta’ nofs is-seklu 4 W.K.

Il-bażilika attwali, iddedikata lil Marija Assunta, inbniet fis-seklu 6 matul il-perjodu tal-Isqof Ewfrasju. Bdiet tinbena fil-553 fuq is-sit fejn kien hemm il-bażilika ta’ qabel li kienet qed taqa’ biċċa biċċa. Għall-kostruzzjoni tagħha, intużaw partijiet mill-knisja preċedenti u l-blokok tal-irħam ġew importati mill-kosta tal-Baħar ta’ Marmara. Il-mużajk ta’ mal-ħajt twettaq minn artisti Biżantini filwaqt li l-art bil-mużajk sar minn esperti lokali. B’kollox, il-kostruzzjoni damet għaxar snin. Fuq mużajk partikolari fl-apsida, l-Isqof Ewfrasju jidher qed iżomm il-Bażilika f’idejh, ħdejn San Maurus.

Il-ħajt tan-Nofsinhar tan-navata ċentrali tal-Bażilika ġie rrestawrat wara t-terremot tal-1440. It-twiequ kienu nqerdu u għaldaqstant minflok inbnew oħrajn bi stil Gotiku.[2]

DeskrizzjoniEdit

Il-bażilika hija parti minn kumpless magħmul minn:

  • Battisterju ottagonali tas-seklu 6 W.K., li oriġinarjament kien inbena fis-seklu 5 W.K. flimkien mal-bażilika iżda sarulu alterazzjoni konsiderevoli;
  • Torri tal-kampnar tas-seklu 16;
  • Atriju bil-kolonni, li nbena wara l-bażilika, u li huwa mgħotti fuq l-erba’ naħat kollha b’portiku li jħaddan fih kollezzjoni rikka ta’ monumenti tal-ġebel;
  • Residenza episkopali (il-Palazz tal-Isqof), li nbniet ukoll fis-seklu 6 W.K., għalkemm hemm biss ftit fdalijiet mill-binja oriġinali;
  • Kappella b’għamla ta’ trifolju, li nbniet fis-sekli 17 u 19.
 
It-torri tal-kampnar

Iż-żewġ kurituri fil-ġnub huma sseparati min-navata ċentrali permezz ta’ 18-il kolonna Griega eleganti tal-irħam b’kapitelli Biżantini u Rumaneski rikki, li huma skolpiti u ddekorati bi xbihat ta’ annimali. Kull kolonna għandha l-monogramma ta’ San Ewfrasju, filwaqt li l-ħnejjiet bejn il-kapitelli huma ddekorati bl-istukko.

Karatteristika innovattivi tal-Bażililka Ewfrasjana hi li minflok hija kkonfinata b’ħajt dritt, bħall-binjiet sagri kollha ta’ dak iż-żmien, tuża l-wisa’ u t-tul tal-apsida tan-navata ċentrali, mibnija f’għamla ta’ poligonu minn barra, filwaqt li ż-żewġ kurituri tal-ġnub jintemmu f’żewġ apsidi semiċirkolari iżgħar, imħaffrin ġol-ħajt. Għaldaqstant, il-Bażilika Ewfrasjana hija l-iktar eżempju bikri ta’ knisja bi tliet apsidi fl-Ewropa tal-Punent. L-atriju huwa eżempju tipiku tal-arkitettura Biżantina, bħalma huma l-kolonni, il-madum ħdejn l-artal u l-mużajk abbundanti kollu. L-iktar mużajk impressjonanti jinsab eżatt fuq l-artal u huwa rappreżentazzjoni ta’ Ġesù mal-appostli, u taħthom freġju ta’ 13-il medaljun bl-istampa tal-Ħaruf ta’ Kristu fin-nofs, imdawwar bi 12-il medaljun ieħor ta’ diversi martri.[1]

Il-knisja fiha wkoll oġġetti sagri u opri tal-arti oħra mill-perjodi Paleo-Kristjani, Biżantini u tal-Medju Evu. Ħdejn is-sagristija, hemm kappella bir-relikwi ta’ San Maurus u San Elewterju.

MużajkEdit

 
Il-mużajk fuq l-apsida tal-Bażilika

L-iktar karatteristika li tispikka tal-bażilika huma l-mużajk li jmur lura għas-seklu 6.

Il-mużajk fl-arkata trionfali fuq l-apsida jirrappreżenta lil Kristu bi ktieb miftuħ f’idejh bit-test bil-Latin Ego sum lux vera (Jien id-dawl ta’ vera) bl-Appostli maġenbu, kull wieħed bl-attribut tiegħu. Il-ħnejja taħt il-mużajk fiha medaljuni bil-mużajk bil-Ħaruf t’Alla u r-ritratti ta’ tnax-il martri mara. Il-volta fuq l-apsida hija ddekorata bil-mużajk tal-Madonna bil-Bambin, bilqiegħda fuq it-Tron tas-Smewwiet, taħt girlanda f’id - is-simbolu t’Alla l-Missier. Din hija l-unika xbieha ta’ Omm Alla f’bażilika tal-ewwel Kristjani tal-Punent. Maġenb il-Madonna hemm l-anġli, l-Isqof Ewfrasju, b’mudell tal-knisja f’idejh; hemm ukoll qaddisin lokali, fosthom San Maurus, l-ewwel isqof ta’ Poreč u d-djoċesi ta’ Istria, u l-arċidjaknu Claudius. It-tifel bejn Ewfrasju u Claudius huwa akkumpanjat bl-iskrizzjoni “Ewfrasju, iben l-arċidjaknu”. Ir-ritratti kollha jinsabu fuq mergħa miksija bil-fjuri.

 
L-art bil-mużajk tal-bażilika preċedenti

Il-mużajk ċentrali bejn it-twieqi tal-apsidi jirrappreżenta t-Tħabbira u ż-Żjara. Fil-mużajk tat-Tħabbira, anġlu jidher jgħolli idu biex jindika messaġġ. F’idu tax-xellug għandu ħatar ta’ messaġġier. Il-Madonna liebsa libsa blu fil-vjola u velu. F’idi tax-xellug għandha raden. Fuq in-naħa l-oħra, il-mużajk jirrappreżenta ż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta. It-tnejn jidhru libsin ilbies saċerdotali kontemporanju b’kappa mimlija żigarelli. Figura żgħira ta’ mara tidher qed tħares minn wara purtiera ta’ dar. It-tliet medaljuni żgħar juru lil San Ġwann Battista, lil Żakkarija u lil anġlu. Bejn dawn iż-żewġ mużajċi kbar hemm oħrajn iżgħar ta’ Kristu żagħżugħ bir-raġġiera, u żewġ martri bil-kuruna tagħhom ta’ martri. Fl-apsida tat-Tramuntana x’aktarx kemm Cosmas u Damjan, filwaqt li fl-apsida tan-Nofsinhar hemm Ursus (jew isqof ieħor ta’ Ravenna), u Severus.

Il-ħajt tal-faċċata tal-apsida għandu qisu gwarniċ b’faxx dejjaq iddekorat mimli tfaħħir lil Ewfrasju u x-xogħlijiet tiegħu. Il-parti t’isfel tal-apsida hija ddekorata b’ħaġriet tal-madreperla. Parti minn dawn ġew minn zokkli preċedenti. Jikkonsistu minn 21 għalqa bi 11-il dekorazzjoni differenti. Fin-nofs hemm it-tron tal-isqof, u maġenbu żewġ gandlieri.

CiboriumEdit

L-apsida hija ddominata miċ-ciborium tal-irħam, immudellat fuq dak tal-Bażilika ta’ San Mark f’Venezja[3], li nbena fl-1277 skont l-ordnijiet ta’ Otto, l-Isqof ta’ Poreč. Il-baldakkin, iddekorat bil-mużajk, iserraħ fuq erba’ kolonni tal-irħam li kienu l-istess taċ-ciborium preċedenti tas-seklu 6. Il-parti ta’ quddiem tal-baldakkin fiha rappreżentazzjonijiet ta’ xeni mill-ħajja ta’ Marija sat-Tħabbira. Fis-seklu 15, l-Isqof Johann Porečanin ordna mill-Italja riljiev Rinaxximentali għall-antependju tal-artal, magħmul mill-fidda. Il-polittiku tal-pittur Venezjan Antonio Vivarini jmur lura għall-istess perjodu. L-Aħħar Ċena, impittra minn Palma ż-Żgħir hija xogħol Barokk.

ReferenziEdit

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Episcopal Complex of the Euphrasian Basilica in the Historic Centre of Poreč". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-25.
  2. ^ Naklada Naprijed, The Croatian Adriadic Tourist Guide, pp. 12-13, Zagreb (1999), ISBN 953-178-097-8.
  3. ^ Jeanne Oliver, Croatia, pg. 146, Lonely Planet Publications (2005), ISBN 1-74059-487-8.