Béguinage
Béguinage (bl-Olandiż u bil-Fjamming: Begijnhof) hija kumpless arkitettoniku maħluq mill-beguines domestiċi, li kienu nisa reliġjużi lajċi li kienu jgħixu f'komunità mingħajr ma jieħdu l-voti jew jirtiraw mid-dinja.
Oriġinarjament l-istituzzjoni tal-beguines kienet il-kunvent, assoċjazzjoni ta' beguines li kienu jgħixu flimkien jew qrib ħafna ta' xulxin taħt il-gwida ta' superjura unika, imsejħa pirjola jew madre. Għalkemm normalment ma kinux jissejħu bħala "kunventi", f'dawn l-abitazzjonijiet kienu jgħixu għadd żgħir ta' nisa flimkien: id-djar ta' komunitajiet żgħar, informali u spiss foqra feġġew madwar l-Ewropa wara s-seklu 12. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-beguines li kienu jgħixu f'kunvent kienu jaqblu li jobdu ċerti regolamenti matul is-soġġorn tagħhom u kienu jikkontribwixxu għal fond kollettiv.[1]
Fl-ewwel deċennji tas-seklu 13, ħafna tipi akbar u iktar stabbli ta' komunitajiet feġġew fl-inħawi tal-Pajjiżi l-Baxxi: ġew iffurmati béguinages kbar b'bitħa interna li kienu jikkonsistu minn diversi djar għall-beguines mibnija madwar kappella jew knisja ċentrali fejn kienu jsiru l-attivitajiet reliġjużi tagħhom. Spiss dawn kienu jinkludu binjiet funzjonali bħal birrerija, forn, sptar u xi binjiet agrikoli. Bosta minn dawn il-béguinages tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Għall-ħabta ta' nofs is-seklu 13, ir-Re Franċiż Lwiġi IX stabbilixxa béguinage f'Pariġi, li ġiet immudellata fuq il-bèguinages il-kbar b'bitħa interna tal-Pajjiżi l-Baxxi.[4]
L-Oxford English Dictionary jikkwota lil Du Cange u jsostni li l-oriġini tal-kelma beguine ġiet minn Lambert le Bègue, "Lambert li Jtemtem", li kien sostenitur bikri tal-moviment li miet għall-ħabta tal-1180.
Deskrizzjoni
immodifikaFilwaqt li béguinage normalment kienet tkun magħmula minn dar waħda fejn kienu jgħixu n-nisa flimkien, béguinage kbira b'bitħa interna tipika tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet tkun magħmula minn bitħa waħda jew iktar imdawra bid-djar, u kienet tinkludi wkoll knisja, infermerija u għadd ta' djar komunali jew "kunventi". Mis-sekli 12 sa 18, kull belt kbira jew raħal kbir fil-Pajjiżi l-Baxxi kellu mill-inqas béguinage waħda: il-komunitajiet naqsu bil-mod il-mod u spiċċaw fix-xejn matul is-sekli 19 u 20. Il-béguinage kienu jkunu mdawra b'ħitan u kienu jkunu sseparati mill-belt jew mir-raħal b'diversi xatbiet, li kienu jingħalqu billejl, iżda binhar il-beguines setgħu jidħlu u joħorġu minnhom kemm riedu. Il-beguines kienu jiġu minn firxa wiesgħa ta' klassijiet soċjali, minkejja li n-nisa tassew foqra kienu jiġu ammessi biss jekk kien ikollhom benefattur għani li kien jipprovdi għall-ħtiġijiet tagħhom.
Il-fehim tal-motivazzjonijiet tan-nisa li kienu jmorru jgħixu fil-béguinages inbidel b'mod drammatiku fl-aħħar deċennji. L-iżvilupp ta' dawn il-komunitajiet huwa marbut b'mod ċar mal-preponderanza tan-nisa fiċ-ċentri urbani fil-Medju Evu, iżda għalkemm studjużi iktar bikrin bħall-istoriku Belġjan Henri Pirenne kienu jemmnu li dan is-"surplus" ta' nisa kien ikkawżat mill-ammont ta' rġiel li kienu jmutu fil-gwerra, dik it-teorija ġiet skreditata. Mix-xogħol rivoluzzjonarju ta' John Hajnal, li wera li għall-biċċa l-kbira tal-Ewropa, iż-żwieġ kien isir iktar tard fil-ħajja u bi frekwenza iktar baxxa mit-twemmin preċedenti, l-istoriċi stabbilew li n-nisa waħedhom kienu jittrasferixxu ruħhom fil-bliet żviluppati l-ġodda peress li f'dawk il-bliet kienu jsibu opportunitajiet ta' xogħol. Simons (2001) wera kif il-béguinages iż-żgħar kif ukoll il-béguinages il-kbar kienu jwieġbu għal tali ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi tan-nisa, minbarra li kienu joffrulhom ħajja reliġjuża u indipendenza personali, li kienet xi ħaġa diffiċli għal mara dak iż-żmien.
Fil-Belġju
immodifika- Aarschot
- Anderlecht
- Anversa
- Bruges‡
- Brussell
- Dendermonde‡
- Diest‡
- Diksmuide
- Ghent:
- Béguinage antika ta' Santa Eliżabetta
- Béguinage ġdida ta' Santa Eliżabetta f'Sint-Amandsberg‡
- Béguinage tal-Madonna ta' Ter Hooyen‡
- Hasselt
- Herentals
- Hoogstraten‡
- Lier‡
- Leuven:
- Béguinage kbira‡
- Béguinage żgħira
- Mechelen:
- Béguinage kbira‡
- Béguinage żgħira
- Kortrijk‡
- Oudenaarde
- Sint-Truiden‡
- Turnhout‡
- Tongeren‡
‡ tindika t-tlettax-il "Béguinages Fjammingi" li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[3]
Béguinages oħrajn
immodifika- Begijnhof ta' Amsterdam, in-Netherlands
- Begijnhof ta' Delft, in-Netherlands
- Begijnhof ta' Utrecht, in-Netherlands
- Breda, in-Netherlands
- Leeuwarden, in-Netherlands
- Haarlem, in-Netherlands
- Sittard, in-Netherlands
- Béguinage ta' la rue Quentin-Barré, et al., Saint-Quentin, Franza
- Béguinage ta' Saint Vaast, Cambrai, Franza
- Béguinage ta' Valenciennes, Franza
- Béguinage ta' Pariġi, Franza
Sit ta' Wirt Dinji
immodifikaIl-Béguinage Fjammingi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]
Iktar qari
immodifika- Swan, Laura (2014). The Wisdom of the Beguines: the Forgotten Story of a Medieval Women's Movement. BlueBridge. ISBN 978-1933346977.
- van Eck, Xander (2000). "Between Restraint and Excess: The Decoration of the Church of the Great Beguinage at Mechelen in the Seventeenth Century". Simiolus: Netherlands Quarterly for the History of Art. 28 (3): 129–162.
Referenzi
immodifika- ^ Simons, Walter (2001). Cities of Ladies: Beguine Communities in the Medieval Low Countries, 1200–1565. Pennsylvania UP. ISBN 978-0812236040.
- ^ "Het begijnhof Sint Aubertus (Poortacker) te Gent". lib.ugent.be. Miġbur 2023-05-21.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Flemish Béguinages". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-21.
- ^ Miller, Tanya Stabler (2014). Beguines of Medieval Paris: Gender, Patronage, and Spiritual Authority. Pennsylvania UP. ISBN 978-0812246070.