Il-Ġnus Magħquda għażlet din is-sena bħala s-Sena tal-Kristallografija (xjenza dwar il-Kristalli), tal-bdiewa fil-familja u tal-ġżejjer żgħar.

  • 1: Il-Latvja ddaħħal l-ewro. Jispiċċaw ir-restrizzjonijiet tas-suq fuq il-Bulgarija u r-Rumanija.
  • 4: L-Isqof Charles Scicluna, f'intervista ma' ġurnal Taljan, jgħid li politiku Nisrani għandu dover morali li jivvota kontra l-unjoni ċivili ta' persuni omosesswali.
  • 7: Kesħa rekord fl-Istati Uniti tal-Amerika u fin-Nofsinhar tal-Kanada, b'temperaturi li niżlu sa -53°C f'Montana.
  • 22: Tiftaħ f'Montreux il-Konferenza ta' Paċi Ġinevra 2, mixtieqa min-Nazzjonijiet Magħquda biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi Sirjana. F'din il-gwerra ċivili, li ilha sejra iktar minn tliet snin, inqatlu kważi 300,000 ruħ; u 3 miljun ruħ spiċċaw refuġjati.
  • 22: Laqgħa kbira ta’ politiċi, negozjanti kbar u ċelebritajiet f’Davos, l-Iżvizzera, imsejħa mill-World Economic Forum.
  • 29: L-Unjoni Ewropea taċċetta l-programm ta' ċittadinanza tal-Gvern Malti, imsejjaħ Individual Investor Programme. Dan il-programm kien qajjem kontroversja kbira f'Malta u anke fl-Ewropa.
  • 31: Tibda s-sena Ċiniża taż-Żiemel. Dawk iċ-Ċiniżi li jitwieldu fis-Sena taż-Żiemel huma meqjusin bħala nies mill-aħjar fis-soċjetà, iżda jista’ jkun ukoll li jkunu bla sabar.

Dan ix-xahar mietu:

  • 5: Eusebio, plejer tal-futbol Portugiż;
  • 11: Ariel Sharon, eks Priministru Iżraeljan, li kien ilu 8 snin fi stat veġitattiv wara li sofra puplesija fl-2006;
  • 20: Claudio Abbado, direttur Taljan tal-orkestra;
  • 20: Wistin Abela, eks Deputat Priministru Malti. Huwa kien Ministru tal-Iżvilupp, Enerġija, Port u Telekomunikazzjoni, fis-snin sebgħin, u ħidmietu kienet importanti biex jitwaqqfu numru ta’ ażjendi kbar bħall-Air Malta, Sea Malta, TeleMalta li aktar tard inbidlet għal Maltacom, Enemalta, TugMalta, l-Malta Shipbuilding u Xandir Malta li illum sar PBS. Kien ukoll fi żmienu li Xandir Malta beda jxandar bil-kulur.
  • Tfaqqa' l-epidemija tal-virus Ebola fl-Afrika tal-Punent, li matul din is-sena infettat iktar minn 18,000 ruħ u qatlet mill-inqas 7,000 ruħ. L-iktar li hija kkonċentrata hija fl-Afrika tal-Punent: fil-Guinea, f'Sierra Leone u fil-Liberja.
  • 2: Is-Super Bowl XLVIII, il-finali tal-futbol Amerikan, jintlagħab fil-Metlife Stadium, New Jersey, l-ewwel darba li din il-finali ntlagħbet fi stadium miftuħ għall-elementi.
  • 7: F’Sochi, fil-Baħar l-Iswed tar-Russja, jibda bil-kbir il-Logħob Olimpiku tax-Xitwa. Minkejja li kien suċċess kbir, il-Logħob kien imdawwar b'ħafna kontroversji, fosthom allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, preokuppazzjoni fuq is-sigurtà ta' atleti u spettaturi LGBT wara liġijiet kontriehom li għaddew fir-Russja ftit qabel, protesti min-nies ta' Circassia li qalu li fejn sar il-logħob kien seħħ ġenoċidju, u theddid minn gruppi Jihadisti marbutin mar-ribelli tal-Kawkasu.
  • 12: F'Malta jinqatel it-tielet raġel fi żmien ġimgħa. Dan inqatel b'żewġ tiri fil-garaxx tiegħu f'Ħaż-Żabbar. Fil-5 ta' Frar kien inqatel b'tir raġel f'karozza fil-Marsa. Fil-11 tax-xahar, raġel Serb inqatel b'daqqa f'qalbu.
  • 13: Il-Belġju jsir l-ewwel pajjiż fid-dinja li jdaħħal l-ewtanażja mingħajr limitu ta' età. Sitt pajjiżi biss fid-dinja għandhom l-ewtanażja legalizzata, u dawn jinsabu kollha fl-Ewropa: l-Olanda, il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Iżvizzera, l-Estonja, u l-Albanija. Hija legali ukoll fi tliet stati fl-Amerika: Washington, Oregon u Montana, mis-sena dieħla anke fil-Quebec, fil-Kanada.
  • 14: Il-Prim Ministru Taljan Enrico Letta jirriżenja wara nuqqas ta' fiduċja fih mill-Partit tiegħu stess, il-Partito Democratico.
  • 22: Matteo Renzi, eks sindku ta' Firenze, isir Prim Ministru tal-Italja. Huwa l-iżgħar Prim Ministru tal-Italja, fl-età ta' 39 sena.
  • 22: Papa Franġisku jaħtar 19-il Kardinal ġdid, fosthom isqfijiet minn pajjiżi foqra bħal Chibly Langlois mill-Ħaiti u Philippe Nakellentuba Ouedraogo mill-Burkina Faso.
  • 26: Il-Parlament Ukren ineħħi mis-setgħa lill-President Viktor Yanukovych u jqiegħed minfloku lil Oleksandr Turchynov, wara jiem ta' protesti li ħallew mitt ruħ mejta fi Kiev.
  • 28: Ir-Russja tinvadi l-Krimea, reġjun awtonomu tal-Ukrajna.

Dan ix-xahar mietu:

  • 2: Philip Seymour Hoffman, attur Amerikan. Huwa miet ta' 46 sena, b'intossikazzjoni ta' drogi. Fiċ-ċinema bħalissa qed jintwera l-aħħar film li ma rnexxilux iwasslu sat-tmiem: The Hunger Games: Mockingjay.
  • 10: Shirley Temple, attriċi Amerikana, magħrufa l-iktar għall-films li ħadmet meta kienet tifla żgħira: Bright Eyes, Curly Top u Heidi. Meta kibret, daħlet fil-politika u saret Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għall-Ghana u wara għaċ-Ċekoslovakkja.
  • 2: Jitħabbru r-rebbieħa tal-Academy Awards jew l-Oscars kif inhuma magħruf. L-aqwa film tas-sena kien ippremjat 12 Years A Slave. Film storiku epiku, adattament ta' bijografija tal-1853 bl-istess isem ta' Solomon Northup, iswed ta' New York State li twieled ħieles iżda nħataf f'Washington fl-1841 u nbigħ bħala lsir. Dan ħadem fi pjantaġġuni ta' Louisiana għal tnax -il sena qabel ma nħeles. Film mibni fuq storja vera u maħdum b’sengħa kbira, juri l-kefrija li l-ilsiera suwed kellhom jgħaddu minnha sakemm inħelsu tant snin wara. Kienu ipprmejati bħala l-aqwa attur: Matthew McConaughey (Dallas Buyers Club); u l-aqwa attriċi: Cate Blanchett (Blue Jasmine).
  • 5: Il-250 Anniversarju mit-Twelid ta' Mikiel Anton Vassalli, Missier l-Ilsien Malti.
  • 8: It-titjira Malaysia Airlines 370 tgħib fi vjaġġ lejn Bejing, b'227 persuna abbord. It-tfittxija għall-ajruplan kienet l-ikbar waħda u l-iktar waħda li swiet flus fl-istorja tad-dinja. Madankollu dan baqa' qatt ma nstab għalkemm huwa maħsub li jinsab f'qiegħ l-Oċean Indjan. Erba' xhur wara waqa' ajruplan ieħor tal-Malaysia Airlines, imma għax intlaqat minn missila fil-gwerra tal-Ukrajna.
  • 9: Kim Jong-un iġib 100% tal-voti fl-elezzjonijiet fil-Korea ta' Fuq.
  • 11: Il-Prim Ministru tal-Libja Ali Zeidan jitwarrab mis-setgħa mill-Parlament. Jaħrab mill-pajjiż. Iktar tard jiġi rrapurtat li kien Malta taħt il-protezzjoni tal-Gvern Malti li iżda jiċħad.
  • 24: Ir-Russja sospiża mill-G8 wara l-okkupazzjoni tal-Krimea.
  • 27: Il-Kometa Holmes, l-ikbar kometa fis-sistema solari, li f’Ottubru tas-sena 2007, wieħed seta’ jaraha mingħajr teleskopju, tasal fl-iktar naħa qrib ix-xemx.
  • 29: Il-Gvern Malta jiffirma ftehim ma’ dawk li se jipprovdu s-servizzi taċ-childcare b’xejn għal dawk il-ġenituri li jaħdmu. 1,800 omm mistennija jibbenifikaw minn dan is-servizz bla ħlas mill-1 ta’ April.
  • 29: Godfrey Farrugia jirriżenja minn Ministru tas-Saħħa wara li l-Prim Ministru ried jagħtih ministeru ieħor. Minfloku jinħatar Konrad Mizzi.
  • 31: Malta tfakkar 35 sena mill-ħelsien tagħha, meta spiċċat l-bażi Ingliża f'Malta fl-1979.
  • 23: Imut, Adolfo Suarez, l-ewwel Prim Ministru ta' Spanja demokratika wara d-dittatura ta' Franco.
  • 3: Malta u n-Niġerja jiffirmaw ftehim ta' ripatrijazzjoi ta' immigranti Niġerjani li jaslu Malta regolarment. Dan jiġi iffirmat fi Brussel mill-Ministru George Vella u l-Ministru Niġerjan Aminu Wali.
  • 4: In-Nutar Marie Louise Coleiro Preca, eks Ministru tal-Familja, issir id-disa' President ta' Malta.
  • 5: Elezzjonijiet presidenzjali fl-Afghanistan.
  • 7: Elezzjonijiet fl-Indja. L-ikbar elezzjonijiet fl-istorja tad-dinja. 815 miljun ruħ imsejħa biex jivvutaw. Jirbaħ l-elezzjonijiet Narendra Modi, tal-partit tal-lemin reliġjuż Bharatiya Janata.
  • 14: Tgħaddi mill-Parlament Malti l-liġi tal-Unjoni Ċivili ta' Persuni tal-istess sess. L-Oppożizzjoni tastjeni.
  • 14: Fin-Niġerja, il-Boko Haram, moviment Iżlamista militanti, jaħtaf 276 studenta Insara. Uħud minnhom jinqatlu u oħrajn stuprati. L-oħrajn għadhom sal-lum ma nħelsux.
  • 16: Il-vapur Korean MV Sewol jinqaleb u jegħreq, b'iktar minn 290 ruħ mejta, ħafna minnhom studenti universitarji.
  • 26: L-450 sena mit-twelid ta’ William Shakespeare jiġi ċċelebrat mad-dinja kollha. Kien fis-26 ta’ April, 1564, meta John Bretchgirdle Viċi-Kappillan niż­żel fir-reġistru tal-parroċċa ta’ Stratford il-magħmudija tal-poeta: “Gulielmus filius Joannes Shakespeare”. Il-festival “Globe to Globe” jibda fit-23 ta’ April. Jippreżentaw id-dramm “Ha­mlet” f’200 pajjiż l-istess atturi. Dan it-‘tour’ jispiċċa fit-23 ta’ April 2016 – l-400 sena mill-mewt ta’ Shakespeare.
  • 27: Papa Ġwanni XXIII u Papa Ġwanni Pawlu II jiġu ddikjarati qaddisin.
  • 29: Eklissi sħiħ tal-qamar jidher fl-Awstralja, fil-Paċifiku u fl-Amerika.
  • 30: Elezzjonijiet fl-Iraq.

Dan ix-xahar mietu:

  • 6: Mickey Rooney, attur Amerikan.
  • 17: Gabriel García Márquez, awtur Kolumbjan. Meqjus bħala wieħed mill-akbar awturi tas-seklu 20 u rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1982. Magħruf l-iktar għar-rumanzi tiegħu, fosthom Mitt Sena ta' Solitudni (1967), Ħarifa ta' Patrijarka (1975) u Imħabba fi żmien il-Kolera (1985). Xogħlijietu ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-kritiċi u mill-pubbliku, l-iktar għal-istil tar-realiżmu maġiku, li juża elementi maġiċi f'sitwazzjonijiet ordinarji.
  • 1: Malta u Ċipru jfakkru l-għaxar anniversarju tas-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea.
  • 7: Elezzjonijiet fl-Afrika t’Isfel. Jacob Zuma jibqa’ President.
  • 10: Fid-Danimarka jsir il-Eurovision Song Contest. Tirbaħ il-kanzunetta tal-Awstrija Rise Like a Phoenix, interpretata minn Conchita Wurst, li hija raġel omosesswali u drag queen li tħalli l-leħja. Malta tiġi fit-23 post, bil-kanzunetta Coming Home tal-grupp Firelight fost is-26 finalisti.
  • 14: Jibda l-Festival tal-Films ta' Cannes. Il-Palme d'Or tingħata lill-film Tork Winter Sleep dirett minn Nuri Bilge Ceylan. Il-film jeżamina l-qasma kbira bejn is-sinjuri u l-foqra, is-setgħana u dawk bla poter fit-Turkija.
  • 18: Kolp ta' Stat fil-Libja. Il-Ġeneral Khalifa Haftar jibbumbardja Bengażi u jokkupa Tripli. Il-Parlament jiġi ddikjarat xolt, fost ġlied bejn il-forzi armati u l-milizzji Iżlamiċi.
  • 22: Kolp ta' Stat fit-Tajlandja mill-Eżerċtu, wara sitt xhur ta' kriżi politika. Il-Kmandant Prayuth Chan-ocha inħatar Prim Ministru taħt it-tmexxija ta' ġunta militari li għadha fis-setgħa b'setgħat dittatorjali.
  • 24: Papa Franġisku jibda żjara f'Israel, il-Ġordan u l-Palestina. B'rasu baxxuta fit-talb, u b'idu magħfusa fuq il-ħajt "tal-firda" tal-konkrit u mimli graffiti impost minn Israel, u maġenbu tifla Palestinjana żżomm bandiera f'idha, il-Papa għamel dikjarazzjoni siekta kontra simbolu ta' firda u konflitt.
  • 24: Elezzjonijiet għall-Parlament tal-Ewropa fi 28 pajjiż. F'Malta ż-żewġ partiti l-kbar iġibu 3 siġġijiet kull wieħed, bil-Partit Laburista iġib maġġoranza assoluta ta' voti: 53%, 33,675 vot iktar mill-Partit Nazzjonalista, li ġab 40% tal-voti. Alfred Sant, eks Prim Ministru, ikun l-iktar wieħed li jġib voti: madwar 49,000 vot.
  • 25: Elezzjonijiet fl-Ukrajna u Petro Oleksijovyč Porošenko isir President. Isiru ukoll elezzjonijiet għal President fil-Kolumbja u l-Malawi.
  • 25: Imut Wojciech Jaruzelski, li kien l-aħħar mexxej Komunista tal-Polonja. Fl-1981 kien impona l-liġi marzjali f'pajjiżu biex isikket il-movimenti favur id-demokrazija, bħal Solidarnosc. Ftit qabek miet talab li jingħata l-aħħar sagramenti minn saċerdot Kattoliku.
  • 2: Titħabbar l-abdikazzjoni tar-Re ta' Spanjol Juan Carlos, li ħalla x-xettru f'idejn ibnu Felipe.
  • 3: Bashar al Assad ikkonfermat President tas-Sirja, bi gwerra ċivili għaddejja.
  • 11: Malta u s-Somalja jibdew relazzjoni diplomatiċi bejniethom.
  • 12: Id-dilettanti tal-futbol jibdew isegwu t-Tazza tad-Dinja fil-Brażil. It-tieni darba għall-Brażil li organizza t-Tazza tad-Dinja (ta' qabel kienet fl-1950) Il-goal-line technology tarma għall-ewwel darba 14-il high speed cameras biex juru tassew jekk il-ballun ikunx daħal fix-xibka. Intuża ukoll għall-ewwel darba il-vanishing foam għall-free kicks. Bdew jingħataw ukoll il-cooling breaks jekk it-temperatura taqbeż it-32 grad Celsius.
  • 13: L-ewwel unjoni ċivili bejn koppja omosesswali f'Malta.
  • 17: Tliet għaddasa barranin jegħrqu f'Għawdex: koppja Ingliża u Awstraljan, f'żewġ inċidenti separati.
  • 21: Fi Piana di Sibari, fil-Kalabrija, l-Italja, Papa Franġisku jikkundanna l-mafja bla tlaqliq u jgħid li l-mafjużi huma skumnikati mill-Knisja.
  • 25: Isir l-Isle of MTV fuq il-Fosos tal-Furjana f'Malta. Fost il-kantanti li jieħdu sehem ikun hemm Enrique Iglesias, Kiesza, u Hardwell.
  • 24: L-Iskoċċiżi jfakkru s-700 sena tar-rebħa tagħhom fuq l-Ingliżi fil-Battalja ta’ Bannockburn.
  • 28: Il-belt ta’ Sarajevo tfakkar il-100 sena minn meta ġie maqtul l-eredi tat-tron tal-Imperu Aw­stro-Ungeriż, l-Arċiduka Franz Ferdinand u l-mara tiegħu Sofia, Dukessa ta’ Hohenberg. Il-qtil tagħhom kien waħda mill-kawżi tal-Ewwel Gwerra Dinjija.
  • 29: Il-grupp terroristiku ISIS (Stat Iżlamiku tas-Sirja u tal-Iraq) ħabbar it-twaqqif ta' Kaliffat mondjali u ħa l-isem ta' Stat Iżlamiku, bil-Kaliff Abu Bakr al-Baghdadi bħala l-mexxej tiegħu. Dan huwa grupp Iżlamiku estremista u jihadistista li jikkontrolla territorju fl-Iraq u s-Sirja. Jopera ukoll fil-Libja tal-Lvant, fil-Peniżola tas-Sinaj fl-Eġittu, u nħawi oħra fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta' Fuq, u fl-Asja t'Isfel u tax-Xlokk. Tikser ħafna d-drittijiet tal-bniedem u t-tindif etniku li tagħmel ġie deskritt minn Amnesty International bħala wieħed fuq "skala storika".
  • 30: Miet Anton Cassar, ġurnalist u kittieb Malti.

Lulju u Awwissu kienu ddominati mill-Ice Bucket Challenge, li fiha wieħed jitfa' barmil ilma bis-silġ fuq rasu biex iqajjem kuxjenza fuq marda jisimha "amyotrophic lateral sclerosis" (ALS) u jħeġġeġ għal donazzjonijiet għar-riċerka. Dan jiġbdu fuq film u jitfgħu fil-media soċjali. Imbagħad suppost jagħti donazzjoni lill-Assoċjazzjoni tal-Isklerożi jew xi assoċjazzjoni oħra. F'Malta għamluha eluf, fosthom il-President, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker, u l-Isqof Charles Scicluna.

  • 1: L-Italja tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
  • 3: Peter Paul Zammit jispiċċa minn Kummissarju tal-Pulizija Maltija. Ray Zammit jinħatar Aġent Kummissarju
  • 5: It-Tour de France jibda f’Yorkshire, l-Ingilterra. Din hi l-101 edizzjoni tat-tellieqa tar-roti. Ir-rotta hi twila 3,600 kilometru u tispiċċa f’Pariġi.
  • 8: Israel tibda operazzjoni militari bl-isem ta' Operation Protective Edge fl-Istrixxa ta' Gaża mmexxija mill-Hamas. Wara seba' ġimgħat ta' bumbardamenti Israeljani, attakki bir-rockets mill-Palestinjani u ġlied fuq l-art, inqatlu iktar minn 2,200 ruħ, kważi kollha Palestinjani ta' Gaża.
  • 8: Il-Brażil jitilfu 7-1 fis-Semi-Finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Ġermanja.
  • 8: It-tennista Spanjol Rafael Nadal jirbaħ id-disa' titlu tiegħu tar-Roland Garros (rekord assolut) meta rebaħ lil Novak Djokovic f'4 sets.
  • 9: Malta u ċ-Ċina jiffirmaw Memorandum of Understanding fuq koperazzjoni ekonomika bl-għan li jikber l-investiment Ċiniż f'Malta. Dan kien iffirmat mill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u dak Ċiniż Li Keqiang f'Beijing.
  • 9: Elezzjoni għal President fl-Indoneżja. Rebaħha l-Gvernatur ta' Jakarta, Joko Widodo.
  • 13: Il-Ġermanja tirbaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Futbol, b'gowl wieħed kontra l-Arġentina. Din kienet l-ewwel darba li rebħitha wara l-unifikazzjoni tal-pajjiż.
  • 16: Wenzu Mintoff jinħatar Imħallef fil-Qrati Superjuri. Huwa kien Deputat Parlamentari fis-snin tmenin u wieħed mill-fundaturi tal-Alternattiva Demokratika fl-1989.
  • 17: It-titjira Malaysia Airlines 17 b'298 persona abbord titwaqqa' b'missila waqt li kienet għaddejja minn fuq l-Ukrajna u r-Russja.
  • 17: Israel jibda invażjoni fuq l-art fuq l-Istrixxa ta' Gaża biex jeqred is-sistema ta' mini tal-Palestinjani.
  • 21: Fil-Filippini jiftaħ l-ikbar stadium imsaqqaf “Philippine Are­na” u jesa’ 55,000 ruħ.
  • 23: Il-Logħob tal-Com­monwe­alth jibda fi Glasgow, l-Iskozja. Dan il-logħob ilu jsir 20 sena. L-Ingilterra tirbaħ l-ikbar numru ta' midalji.
  • 24: It-titjira Air Algérie 5017 tikkraxxja fil-Mali, u toqtol 116-il ruħ.

Dan ix-xahar mietu:

  • 4: Giorgio Faletti, attur, kantant u awtur Taljan
  • 7: Eduard Shevardnadze, l-aħħar Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Sovjetika, u wara President tal-Ġorġja.
  • 20: Gino Camilleri, imħallef u membru tal-Forum Ewropew tal-Imħallfin għall-Ambjent. Kien ukoll President tal-Kumitat Olimpiku Malti.
  • 30: Alexander Cachia Zammit, eks Ministru tax-Xogħol u tas-Saħħa fis-snin sittin.
  • 1: Il-Brigata Ansar al Sharia, milizzja Iżlamika, twaqqaf emirat Iżlamiku f'Bengażi. Il-Ġenerale Haftar jitlaq lejn l-Eġittu.
  • 4: Jitfakkar il-100 anniversarju tal-Gwerra tal-Ingilterra kontra l-Ġermanja. Jitwaqqaf monument fil-White Cliffs ta’ Dover li jfakkar is-seba’ miljun ruħ li mietu fiż-żewġ Gwerer Dinjija.
  • 7: Il-mexxejja tal-Khmer Rouge, Nuon Chea u Khieu Samphan jinstabu ħatja bi krimini kontra l-umanità u jingħataw sentenzi ta' għomorhom il-ħabs.
  • 8: L-Istati Uniti u alleati Għarab jibdew kampanja militari fit-tramuntana tal-Iraq biex iwaqqfu lill-militanti tal-ISIS.
  • 9: Darren Wilson, pulizija abjad Amerikan jispara u joqtol lill-Afro-Amerikan Michael Brown f'Ferguson, Missuori. Dan wassal għal protesti vjolenti fl-inħawi li ġew imrażżna b'mod militari mill-pulizija.
  • 10: Elezzjonijiet fit-Turkija. Recep Tayyip Erdoğan isir President.
  • 14: Papa Franġisku jibda żjara fil-Korea t'Isfel.
  • 15: Festi f’għeluq il-mitt sena tal-Panama Canal.
  • 16: Madwar 3,500 atleta żgħa­żagħ bejn il-15 u t-18-il sena jikkompetu fil-logħob Olimpiku tas-Sajf f’Nanjing, fiċ-Ċina.
  • 24: Isiru l-MTV Video Music Awards f'Kalifornja fl-Istati Uniti. Il-kantanta Beyoncé u r-rapper Awstraljan Iggy Azalea kisbu 8 nominazzjonijiet kull wieħed, segwiti mir-rapper Amerikan Eminem b'sebgħa.
  • 25: Jinstabu fdalijiet Puniċi fil-baħar Malti li għandhom 2700 sena.
  • 26: Jitħabbar waqt ta' ġlied fl-Istrixxa ta' Gaża. Fuq elfejn Palestinjan inqatlu (fosthom 513 tfal) u 11,000 feruti. Inqatlu 66 suldat Israeljan u 5 Israeljani ċivili. 520,000 Palestinjan saru refuġjati f'arthom, u 485,000 minnhom kienu qegħdin imutu bil-ġuħ u 273,000 sabu kenn fid-disgħin skola tan-NM. 17,200 dar tal-Palestinjani nqerdu, u 37,650 dar saru inabitabbli. F'Israel, madwar 6,000 Israeljan kellhom iħallu djarhom minħabba l-biża' li se jiġu attakki mir-rockets.
  • 27: Jitfakkar il-50 anniversarju ta’ “Mary Poppins”, il-famuż film ta’ Disney.
  • 27: L-atturi Amerikani Angelina Jolie u Brad Pitt jaslu Malta għall-ġbid tal-film By the Sea.
  • 29: Tiġi inawgurata l-ewwel edizzjoni tal-Valletta International Visual Arts Festival (VIVA) 2014 bl-iżvelar ta’ tliet xogħlijiet artistiċi prinċipali, bl-iktar waħda li tqanqal kontroversja tkun "Żieme" ta’ Austin Camilleri, skultura fil-bronż ta' żiemel bi tliet saqajn.

Dan ix-xahar mietu:

  • 11: Robin Williams, attur Amerikan. Huwa kiseb l-ewwel suċċess bil-karattru aljen Mork fis-serje televiżiva Mork & Mindy (1978–1982), il-bidu ta' karriera ta' suċċess bħala stand-up comedian u attur tal-films. Il-karriera tiegħu ta' films tinkludi fost l-oħrajn: Popeye (1980) li nħadem Malta u kien il-film li tah l-ispinta fil-karriera ċinematografika tiegħu, Good Morning, Vietnam (1987), Dead Poets Society (1989), Mrs. Doubtfire (1993), Jumanji (1995), Good Will Hunting (1997), Flubber (1997), Patch Adams (1998), Bicentennial Man (1999), Jakob the Liar (1999), Night at the Museum (2006), Insomnia (2002) u Happy Feet (2006). Fil-perjodu tal-Milied 2014 Williams se jerġa’ jinterpreta l-parti ta’ Teddy Roosevelt fil-film “Night at the Museum: Secret of the Tomb”. Il-produzzjoni ta’ dan il-film spiċċat f’Mejju, iżda l-film inħareġ għall-wiri fid-19 ta’ Diċembru. M'ilux deher ukoll f’kummiedja relatata mal-Milied bl-isem ta’ “Mer­ry Friggin’ Christmas”. Sadanittant Williams kien qiegħed jiltaqa’ wkoll mal-kittieb David Berenbaum dwar sequel għall-film kummiedja li kisbitlu suċċess enormi fl-1993, Mrs Doubtfire.
  • 13: Hugh Harding, eks Prim Imħallef tal-Qrati Maltin. Miet ġurnata wara li mietet martu. Jibqa’ magħruf ukoll għall-ħidma li wettaq bħala avukat tat-Tarznari qabel ma sar Imħallef u għall-istudji storiko-legali li wettaq fiż-żmien li għamel jgħallem u jirriċerka fl-Istorja tal-Legiżlazzjoni fl-Università ta’ Malta.
  • 24: Richard Attenborough, attur u direttur Ingliż tal-films .

Settembru

immodifika
  • 6: Jegħrqu 500 immigrant Afrikan li mill-Eġittu kienu ġejjin Malta. Matul is-sena 2014 għerqu madwar 3,000 immigrant fil-Baħar Mediterran.
  • 16: Il-mexxejja tad-dinja jinġabru fi New York għall-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħ­quda. Il-Prim Ministru Malti jindirizza l-Assemblea fis-26 tax-xahar.
  • 18: Votazzjoni f’re­feren­dum fl-Iskozja biex jagħżlu jekk l-Iskozja tibqax parti mir-Renju Unit tal-Ingilterra. 55% tal-Iskoċċiżi jivvutaw li l-Iskozja tibqa' parti.
  • 18: Il-President ta' Malta tiltaqa' ma' Malala, attivista Pakistana Rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, f'Birmingham l-Ingilterra.
  • 18: Il-film Serena, dirett minn Eric Lamhene mil-Lussemburgu rebaħ bħala l-aqwa film fis-sitt edizzjoni tal-Malta Short Film Festival, li kien ilu għaddej 10 ġimgħat. Ħadu sehem 1,700 film ġejjin minn 50 pajjiż.
  • 19: Il-Logħob tal-Asja iżanżnu s-slogan “Id-Diversità tinsab hawn” waqt il-ftuħ tal-Logħob f’Inc­heon fil-Korea t’Isfel.
  • 20: L-Amerikani jfakkru l-kant u l-mużika ta’ “The Star-Spangled Banner”, miktuba minn Francis Scott Key kif intemmet il-gwerra mal-Ingilterra ġo Fort Mc­Henry, mitejn sena ilu.
  • 20: Wara l-każi ta' sparar fuq tajr protett, il-Gvern Malti ħa d-deċiżjoni li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa sal-10 ta' Ottubru, meta tkun spiċċat il-passa tal-għasafar protetti. L-għada fil-Belt Valletta numru ta' kaċċaturi ħarġu jipprotestaw kontra l-Gvern.
  • 21: Malta tfakkar il-50 sena mill-indipendenza tagħha bi spettaklu kbir fil-Port il-Kbir. Il-Prinċep William tal-Ingilterra jagħmel żjara uffiċjali f'Malta.
  • 21: Papa Franġisku jagħmel żjara fl-Albanija.
  • 22: L-Istati Uniti u alleati Għarab jibdew kampanja militari fis-Sirja.
  • 23: Dilettanti tal-golf mid-dinja kollha jinġabru fi Gleneagles, l-Iskozja, għar-Ryder Cup.
  • 26: Is-Summit Dinji tar-Rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċe li kellu jsir fl-Afrika t'Isfel jiġi sospiż wara li dan il-pajjiż jiċħad li joħroġ visa lid-Dalai Lama.
  • 29: Il-President ta' Malta tiltaqa' mal-Papa Franġisku fil-Vatikan u tagħmillu stedina biex iżur Malta.
  • 5: Papa Franġisku jiftaħ is-Sinodu Staordinarju tal-Isqfijiet fuq il-Familja. Ħadu sehem 253 isqof u ħafna mistidnin oħra. Iddiskutew problemi li tiffaċċja l-familja bħal l-effetti tal-gwerra, l-immigrazzjoni, il-vjolenza domestika, il-poligamija, iż-żwieġ inter-reliġjużi, il-ko-abitazzjoni, iż-żwiġijiet li jfallu, id-divorzju u dawk li jerġgħu jiżżewġu.
  • 10: Il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji jiltaqgħu f’Washington DC, l-Istati Uniti għal-laqgħa annwali tagħhom.
  • 18: Fi tmiem is-Sinodu tal-Isqfijiet, Papa Franġisku qal lill-Isqfijiet li l-Knisja trid "issib triq tan-nofs bejn ir-'riġidità ostili' u 'sens falz ta' ħniena'”.
  • 18: Mons. Pawlu Cremona jirriżenja minn Arċisqof ta' Malta minħabba raġunijiet ta' saħħa. L-Isqof Charles Scicluna jinħatar Amministratur tal-Arċidjoċesi sakemm jinħatar Arċisqof ġdid mill-Papa.
  • 19: Il-Knisja tiddikjara lil Papa Pawlu VI Beatu.
  • 21: Oscar Pistorius, atleta bla saqajn mill-Afrika t'Isfel, jingħata sentenza ta' ħames snin ħabs għall-qtil tal-għarusa tiegħu Reeva Steenkamp fi Frar tas-sena l-oħra.
  • 26: Dilma Rousseff ikkonfermata President tal-Brażil fil-ballottaġġ tal-elezzjonijiet.
  • 26: Malta u l-Ġordan jiffirmaw ftehim bilaterali ta' koperazzjoni.
  • 27: Swansea, l-Ingilterra, tfakkar il-100 sena mit-twelid tal-poeta Dylan Thomas.
  • 27: Karmenu Vella jirriżenja mill-Parlament Malti wara 38 sena biex isir Kummissarju Ewropew għall-ambjent, is-sajd u l-affarijiet marittimi.
  • 29: Jitressaq quddiem il-Parlament Malti, l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, biex jagħti drittijiet lil persuni transgender.
  • 31: Il-President tal-Burkina Faso jirriżenja wara protesti kbar kontrieh fil-pajjiż.

Novembru

immodifika
  • 3: New York tiftaħ il-One World Trade Centre 13-il sena wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru, 2001.
  • 7: F'Malta tagħmel maltempata kbira b'ċiklun qawwi u xita.
  • 9: Ċelebrazzjonijiet biex ifakkru l-25 anniversarju mill-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin.
  • 15: Fi Brisbane, l-Awstralja, issir il-laqgħa tal-G20, l-20 pajjiżi kbar.
  • 15: Isir għall-ewwel darba f'Malta l-Junior Eurovision Song Contest. Il-kantanta Maltija Federica Falzon tiġi fir-raba' post.
  • 17: Il-Ministru tal-Finanzi Malti jaqra l-itwal Budget fil-Parlament Malti. Huwa dam jaqrah 3 sigħat u 45 minuta.
  • 19: Ix-xufier tal-Ministru tal-Intern Manwel Mallia jispara żewġ tiri fuq karozza mill-karozza tal-Ministru. Il-Ministeru joħroġ stqarrija li fiha jingħad li dawn kienu warning shots u mhux tiri fuq karozza. Dan iwassal għal pressjoni mill-media għar-riżenja tal-Ministru u biex ħamest ijiem wara, il-Prim Ministru jaħtar inkjesta mmexxija minn tliet eks maġistrati.
  • 24: Jerġgħu jqumu irvelli kbar f'Ferguson, Missuori fl-Istati Uniti, wara li grand jury tiddeċiedi li ma tinkriminax lill-pulizija abjad li kien qatel raġel iswed f'Awwissu.
  • 24: Iż-żbib ta' Pantellerija isir Patrimonju tal-Umanità mill-UNESCO.
  • 25: Papa Franġisku jindirizza lill-Parlament Ewropew u jċanfar lill-Ewropa: "Ma rridux inħallu 'l-Mediterran isir ċimiterju kbir."
  • 28: Papa Franġisku jagħmel żjara fit-Turkija.
  • 29: L-Isqof Charles Scicluna jitlob maħfra għall-abbużi li saru minn xi saċerdoti u jħabbar proċeduri ġodda fir-rigward tal-każijiet irrapurtati.

Diċembru

immodifika
  • 1: Il-Ministri tal-Ambjent jiltaqgħu fil-Perù għal-laqgħa annwali tal-Ġnus Magħquda biex jiddiskutu t-tibdil fil-klima.
  • 6: Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Malti jingħata lil Walid Nabhan għar-rumanz tiegħu "L-Eżodu taċ-Ċikonji", lil Alfred Sant għan-novelli tiegħu "Ċpar" u lil Immanuel Mifsud għall-poeżiji "Penelopi Tistenna".
  • 8: Wara li l-Prim Ministru Malti rċieva r-rapport tal-inkjesta fuq il-każ tax-xufier tal-Ministru tal-Intern, Ray Zammit jitneħħa minn Aġent Kummissarju u Michael Cassar jinħatar Kummissarju tal-Pulizija. Il-Ministru Manwel Mallia jintalab jirriżenja.
  • 9: Il-Prim Ministru ineħħi lil Mallia minn Ministru. Minfloku jinħatar l-avukat Carmelo Abela.
  • 10: Malala u Kailash Satyarthi jirċievu l-Premju Nobel għall-Paċi. Malala, attivista Pakistana għall-edukazzjoni, ta' 17-il sena, hija l-iżgħar rebbieħa tal-Premju Nobel. Kailash Satyarthi huwa Indjan li jikkampanja għad-drittijiet tat-tfal.
  • 12: Jiġi iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Enerġija ta' Malta u x-Shangai Electric. Dan kien l-akbar investiment li qatt sar f'Malta, b'total ta' €320 miljun. Il-kumpanija Ċiniża se tinvesti mitt miljun ewro fl-Enemalta u b'hekk se tkun azzjonist minoritarju bi 33.3% tal-ishma. Dan il-ftehim se jwassal biex l-Enemalta tqum fuq saqajha, u jitnaqqas id-dejn tal-istess kumpanija li barra s-sisa huwa ta' €840 miljun.
  • 12: Joħroġ il-film tant mistenni “The Hobbit: The Battle of the Five Armies”, it-tielet u l-aħħar film mis-sensiela bbażata fuq The Hobbit miktub minn J. R. R. Tolkien.
  • 13: Malta tfakkar l-40 sena minn meta saret Repubblika b'ċelebrazzjoni spettakolari quddiem il-Palazz tal-President.
  • 15: l-Ministru Malti għall-Enerġija, Konrad Mizzi u l-Ministru tal-Enerġija tal-Azerbaijan, iffirmaw Memorandum of Understanding dwar koperazzjoni strateġika fil-qasam tal-enerġija. Dan sar waqt żjara fl-Azerbaijan mill-Prim Ministru ta' Malta, Joseph Muscat.
  • 16: It-talibani ta’ Tehrek-e-Taliban Pakistan (TTP) jattakkaw skola f’Peshawar, immexxija mill-militar, u joqtlu 145 persuna, 132 minnhom tfal.
  • 17: Il-President Amerikan Barack Obama u l-President Kuban Raúl Castro ħabbru l-bidu ta' proċess biex jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Vatikan u Papa Franġisku għenu ħafna fil-medjazzjoni.
  • 31: It-truppi Amerikani mistennija jmorru lura lejn pajjiżhom għax l-International Security Force tispiċċa l-missjoni tagħha fl-Afghanistan.

Dan ix-xahar mietu:

  • 3: Abraham Galea, psikjatra li ħadem ħafna biex titneħħa l-istigma tal-mard mentali f'Malta
  • 3: Maryrose Bonello, attriċi Maltija, magħrufa sew għall-parti tagħha ta' Rożi fil-produzzjoni televiżiva Wenzu u Rożi (1975) u bħala n-Nanna Katrin f'Simpatiċi (1999).
  • 7: Mango, kantant Taljan. Huwa miet ta' 60 sena b'attakk ta' qalb li tah fl-aħħar ta' kunċert li kien qed jagħti.
  • 10: Maurice Tanti Burlò, wieħed mill-aktar karikaturisti Maltin ta' ħila.
  • 18: Virna Lisi, attriċi Taljana.
  • 22: Joe Cocker, kantant Ingliż tar-rock.