Robin Williams
Robin McLaurin Williams (Illinois, Stati Uniti tal-Amerika, 21 ta' Lulju, 1951 – California, 11 ta' Awwissu, 2014) kien attur, stand-up comedian, produttur tal-films, u xeneġġjatur Amerikan.
Huwa kiseb l-ewwel suċċess bil-karattru aljen Mork fis-serje televiżiva Mork & Mindy (1978–1982), il-bidu ta' karriera ta' suċċess bħala stand-up comedian u attur tal-films. Il-karriera tiegħu ta' films tinkludi fost l-oħrajn: Popeye (1980) li nħadem Malta u kien il-film li tah l-ispinta fil-karriera ċinematografika tiegħu, The World According to Garp (1982), Good Morning, Vietnam (1987), Dead Poets Society (1989), Awakenings (1990), The Fisher King (1991), Hook (1991), Aladdin (1992), Mrs. Doubtfire (1993), Jumanji (1995), The Birdcage (1996), Good Will Hunting (1997), Flubber (1997), Patch Adams (1998), Bicentennial Man (1999), Jakob the Liar (1999), Night at the Museum (2006), Insomnia (2002), Happy Feet (2006), u Happy Feet Two (2011). Deher ukoll fil-video "Don't Worry, Be Happy" ta' Bobby McFerrin.
Kien nominat għall-Oscars bħala l-aqwa attur tliet darbiet, u rebaħ l-Oscar għal Best Supporting Actor fil-film Good Will Hunting. Rebaħ ukoll żewġ Emmy Awards, erba' Golden Globe Awards, żewġ Screen Actors Guild Awards u ħames Grammy Awards.
Tfulija
immodifikaOmmu kienet Laura McLaurin, mudella mill-Mississippi, li bużnannuha kien is-senatur u gvernatur Anselm J. McLaurin. Missieru, Robert Fitzgerald Williams, li miet fl-1987, kien senior executive mal-Ford Motor Company. Trabba fil-Knisja Episkopali. Kellu żewġ ħutu: Robert Todd Williams (1938–2007) u McLaurin Smith.
Sa minn età żgħira huwa kien ċajtier ħafna. Kien jeċċella fl-iskola u għażluh bħala president tal-klassi. Kien fit-tims tal-futbol u tar-wrestling tal-iskola. Fil-middle school, Williams soffra bullying u kien ibiddel it-triq lejn id-dar biex jevita lil min kien jaqbad miegħu. Biex ommu tagħti kasu kien jirrakkuntalha ċ-ċajt. Williams kien iqatta' ħafna mill-ħin waħdu fid-dar kbira li kellhom, jilgħab bl-elfejn suldat tal-logħob li kellu. "L-uniċi ħbieb li kelli meta kont tifel kienet l-immaġinazzjoni tiegħi," jgħid Williams.
Missier Williams ftit li xejn kien ikun id-dar, u meta kien ikun, Williams kien isibu "tal-biża'". Ommu ukoll kienet taħdem, u kienet tħallih mas-sefturi li kienet timpjega. Williams jgħdi li dan ħallieh b'biża' li jiġi abbandunat u b'kundizzjoni li hu sejħilha "Love Me Syndrome."
Studju
immodifikaMeta ggradwa fl-1969, is-senior class ivvutawlu bħala "l-Iktar Wieħed li mhux se jirnexxi" u "l-Ikbar Ċajtier."
Williams studja x-xjenza politika fi Claremont McKenna College. Williams kiseb borża ta' studju minn Juilliard School fi New York City. F'Marin County għamel tliet snin jistudja t-teatru fil-College of Marin, fejn skont l-għalliem tad-drama James Dunn, it-talent ta' Williams ħareġ mill-ewwel meta għamel il-parti ta' Fagin f'Oliver!.
Williams jgħid li kien tifel kwiet u l-ewwel darba li imita kien lil nanntu quddiem ommu. Il-mistħija tiegħu beda jegħlibha meta daħal fid-drama fil-high school. Fl-1973, Williams kien wieħed minn għoxrin student biss li ġie aċċettat f'Juilliard and u wieħed minn tnejn biss li ntgħażel minn John Houseman fl-Advanced Program tal-iskola ta' dik is-sena; l-ieħor kien Christopher Reeve. Williams ħalla Juilliard fl-1976 wara li Houseman, qallu, "M'hemm xejn iktar x'nistgħu ngħallmuk. Oħroġ u ibda aħdem."
Popeye Village f'Malta
immodifikaMalta għandha rabta speċjali mal-karriera ta’ Williams fiċ-ċinematografija. Dan għax Williams ħadem il-parti ewlenija ta’ Popeye fil-film li jġib l-istess isem, li nħadem fl-1980 f’Malta, proprjament f’Anchor Bay fil-Mellieħa. Biex il-film seta’ jinħadem anke nbena villaġġ li ngħata l-isem ta’ Popeye u għadu hemm sal-lum, jattira dilettanti tal-films, turisti, kif ukoll jorganizza diversi attivitajiet matul is-sena. Il-film Popeye jista’ jitqies id-debutt ta’ dan l-attur Amerikan. Il-film Popeye intwera għall-ewwel darba fis-6 ta’ Diċembru tal-1980 f’Los Angeles, Kalifornja. Ir-reazzjonijiet għal dan il-film kienu diversi, iżda ddiżappunta fil-box office għax għalkemm id-dħul kien meqjus diċenti, ma laħaqx dak mistenni minn Paramount u Disney.
Il-kritiku tal-films Lino Cassar kien strumentali biex il-Villaġġ ta’ Popeye għadu jitgawda sal-lum. Dan għax wara li ntemm il-ġbid tal-film, is-sett kollu kellu jinqered iżda minflok kien tbajjad kollu griż u tħalla hemm. Lino Cassar, li kien involut fil-Malta Film Facility ikkonvinċa lill-Prim Ministru Dom Mintoff, biex is-sett ma jinqeridx għax jista’ jintuża bħala attrazzjoni u jservi ta’ dħul għall-pajjiż. Għal għaxar snin il-Villaġġ ta’ Popeye kien irreklamat bħala attrazzjoni turistika mill-Malta Film Facility. Kienu ġew ingaġġati 165 persuna biex jibnu s-sett fejn intużaw mat-tmien tunnellati ta’ msiemer u 2,000 galluni ta’ żebgħa. Il-maġġoranza tal-ħaddiema kienu Maltin u Taljani u s-sett dam jinbena seba’ xhur matul l-1979. Inbnew 20 struttura tal-injam, b’ħafna minnhom għadhom eżistenti sal-lum.
Dwar il-film Popeye li nħadem f’Malta, il-kritiku tal-films Mario Azzopardi qal li għalkemm kien għadu fil-bidu tal-karriera tiegħu, Williams mill-ewwel wera x’potenzjal iħaddan meta ntgħażel jinterpreta l-parti prinċipali tal-film mid-direttur Robert Altman li kien rispettat immens u għalkemm m’għadux ħaj għadu jgawdi stima għolja. Huwa qal ukoll li bis-saħħa ta’ Williams, Malta tgawdi promozzjoni fost id-dilettanti tal-films u jservi ta’ dħul ekonomiku u turistiku.
Reazzjonijiet wara mewtu
immodifikaMartu, Susan Schneider qalet li tilfet lil żewġha u l-aqwa ħabib li kellha imma d-dinja tilfet wieħed mill-aqwa persuni u atturi.
L-attriċi Zelda Williams, bint Robin Williams tat l-aħħar tislima lil missiera pubblikament permezz ta’ messaġġ fuq Twitter: “Inħobbok. Se nimmisjak u se nipprova nibqa’ inħares ‘l fuq.” Mal-messaġġ kien hemm kwotazzjoni ta’ Antoine De Saint-Expury. L-aħħar messaġġ li kiteb Robin Williams fuq Twitter kien indirizzat lejn bintu biex jawguralha awguri f’għeluq sninha.
Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama għadda l-kondoljanzi lill-familja Williams u ddeskrivih bħala bniedem "li daħħakna u bikkiena. It-talent bla qies tiegħu tah b'ġenerożità lil dawk li l-iktar kellhom bżonn." Huwa miss b’idejh l-ispirtu uman filwaqt li bit-talent tiegħu għen lis-soċjetà Amerikana kollha mis-suldati li jinsabu stazzjonati barra mill-pajjiż sal-emarġinati fit-toroq.
Ben Affleck, li ħadem ma' Williams f'"Good Will Hunting" ikkummenta hekk: "Heartbroken. Thanks chief - for your friendship and for what you gave the world. Robin had a ton of love in him. He personally did so much for so many people. He made Matt and my dreams come true."
Matt Damon: "Robin brought so much joy into my life and I will carry that joy with me forever. He was such a beautiful man. I was lucky to know him and I will never, ever forget him."
Glenn Close, li ħadmet miegħu "The World According to Garp": "Robin was a world treasure. As we mourn his tragic death, we must remember him for the great waves of laughter that he was able to [e]llicit from us, how his humor and insights -- though they came from a place of pain and uncertainty -- connected us and reminded us of how flawed and fragile ... how human we are ... how we are capable of moments of inspired transcendence and others of unspeakable despair. Robin had it all. I am so deeply thankful that this dearly loved man graced this particular planet."
Il-kritiku tal-films Mario Azzopardi, iddeskrivieh bħala attur dixxiplinat u versatili u ddispjaċut bil-mod li bih miet wara li matul il-karriera tiegħu Williams dejjem ra kif iferraħ. Azzopardi qal li Williams dejjem kien attur differenti minn oħrajn tradizzjonali, fis-sens li dejjem ipprova jaħdem komiċità li n-nies mhumiex jistennew. Huwa qal ukoll li Williams għalkemm huwa magħruf l-iktar għall-kummiedja, huwa attur versatili u ħadem partijiet li mhux faċli wieħed jinterpretahom u dan joħroġ is-sens ta’ dixxiplina li kien iħaddan dan l-attur. Huwa jgħid li l-aħjar ta’ Williams bħala attur ħareġ fil-film Mrs Doubtfire u fost episodji interessanti li jiftakar matul il-karriera tiegħu kienet meta mar għall-interview għall-Mork & Mindy u meta ntqal lilu biex ipoġġi, Williams poġġa rasu ’l isfel fuq is-siġġu. Azzopardi qal li d-direttur għamel l-għażla minnufih u tenna li ltaqa’ għall-ewwel darba ma’ aljen.
Il-Malta Film Commission fi stqarrija wriet is-sogħba tagħha għall-mewt tal-attur Robin Williams li ddeksirivietu bħala attur leġġendarju. Stqarret li l-films u x-xogħlijiet tiegħu se jibqgħu jservu ta’ ispirazzjoni u jferrħu l-ġenerazzjonijiet futuri.
Films wara mewtu
immodifikaFil-perjodu tal-Milied 2014 Williams se jerġa’ jinterpreta l-parti ta’ Teddy Roosevelt fil-film “Night at the Museum: Secret of the Tomb”. Il-produzzjoni ta’ dan il-film spiċċat f’Mejju, iżda se jinħareġ għall-wiri fid-19 ta’ Diċembru.
Xahar qabel se jkun qed jidher ukoll f’kummiedja relatata mal-Milied bl-isem ta’ “Merry Friggin’ Christmas”. Din il-kummiedja mistennija tibda tintwera fis-7 ta’ Novembru.
Wara s-suċċess miksub bil-vuċi tiegħu f’“Aladdin”, Williams reġa’ uża l-vuċi tiegħu fil-parti ta’ “Dennis The Dog” fil-film animat ta’ “Absolutely Anything”. Dan mistennija jintwera matul is-sena d-dieħla.
Ir-raba’ film huwa “Boulevard” li għalkemm iddebutta fit-Tribeca Film Festival iktar qabel matul din is-sena, għad irid jintwera fis-swali ċinemtografiċi.
Sadanittant Williams kien qiegħed jiltaqa’ wkoll mal-kittieb David Berenbaum dwar sequel għall-film kummiedja li kisbitlu suċċess enormi fl-1993, Mrs Doubtfire.