Wenzu Mintoff
Wenzu Mintoff (Pietà, 11 ta' Diċembru 1959) huwa Imħallef fil-Qrati Superjuri ta' Malta.
Wenzu Mintoff | |||
---|---|---|---|
| |||
Ħajja | |||
Twelid | Tal-Pietà, 11 Diċembru 1959 (64 sena) | ||
Nazzjonalità | Malta | ||
Edukazzjoni | |||
Alma mater |
Università ta' Malta Kulleġġ De La Salle | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
avukat politiku |
Bin Daniel (ħu l-Perit Dom Mintoff) u Astrid imwielda Chetcuti, Wenzu studja l-Liċeo, il-Kulleġġ De La Salle, u l-ekonomija fl-Università ta’ Malta u wara l-liġi. Iggradwa bħala Nutar Pubbliku fl-1983 u bħala Avukat fl-1984.
Karigi
immodifikaFl-1983 kien jifforma parti mill-istaff tal-Ambaxxata ta’ Malta fi New York fi żmien li Malta kienet tokkupa l-Presidenza tal-Kunsill tas-Siġurtà tal-Ġnus Magħquda.
Bħala student, ħadem bħala skrivan u bħala deputat reġistratur fil-Qrati ta’ Malta. Bħala avukat ħadem għal xi żmien fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fl-uffiċċju legali tal-Mid-Med Bank u fl-uffiċċju legali tal-Malta Development Corporation.
Huwa okkupa l-kariga ta’ kap tal-uffiċċju legali tal-Malta Development Corporation u tal-Malta Enterprise Corporation. F’din il-kariga kien ifforma parti mit-tim li nnegozja diversi trattati għall-ħarsien tal-investimenti bejn Malta u ħmistax-il pajjiż differenti. Huwa kien responsabbli għall-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni prinċipali u sussidjarja, l-aktar fil-qasam fiskali.
Bħala avukat fil-qorti, ipprattika l-aktar fil-kamp tal-liġi ċivili, il-liġi kummerċjali, u l-liġi amministrattiva.
Politika
immodifikaFl-1977 kien intgħażel President tal-Għaqda Studenti Soċjalisti. Fl-1985 irriżenja wara li xi studenti kienu vjolenti mal-ambjentalisti. Bejn l-1987 u l-1992, kien ukoll deputat parlamentari f'isem il-Partit Laburista fuq it-tieni distrett wara li tela' minn elezzjoni każwali. Huwa ngħażel whip u segretarju tal-grupp parlamentari Laburista, karigi li rriżenja minnhom fit-8 ta' April 1989 wara nuqqas ta' qbil mal-Partit. Fit-13 ta' Ottubru tkeċċa mill-Partit flimkien ma' Toni Abela u Carmen Spiteri, iżda baqa' jżomm is-siġġu parlamentari u jirrappreżenta lil grupp politiku li twaqqaf fl-istess żmien, l-Alternattiva Demokratika, li tiegħu kien iċ-chairman sal-1999 meta rriżenja mill-istess grupp u reġa' resaq lejn il-Partit Laburista. Iktar tard sar editur tal-ġurnal tal-Partit Laburista Kulħadd. Qabel kien ukoll editur tal-ġurnal L-Alternattiva. Huwa kkontesta l-ewwel elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-2004 f'isem il-Partit Laburista iżda ma kienx elett.
Imħallef
immodifikaNhar is-16 ta' Lulju 2014, huwa nħatar Imħallef fil-Qrati Superjuri u dan wara li l-Kabinett tal-Ministri approva din il-ħatra. Mintoff kien is-sitt ħatra fil-ġudikatura fil-leġiżlatura preżenti wara l-ħatra ta’ żewġ Imħallfin u tliet Maġistrati.
Ħajja Personali
immodifikaMintoff huwa miżżewweġ lil Geraldine u għandhom tifla, Franziska.