Toni Abela
Toni Abela (2 ta’ Lulju, 1957) huwa Imħallef fil-Qrati Maltin. Kien President tal-Partit Laburista fis-snin tmenin, ko-fundatur tal-Alternattiva Demokratika fl-1989 u Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista mill-2008 sal-2016. Ħafna jirrikonoxxu l-pożizzjonijiet qawwija li ħa tul iż-żmien rigward kontabilità, trasparenza u governanza korretta. Kien wieħed minn dawk li fassal l-Att dwar il-Whistleblower, l-Att dwar il-finanzjament ta’ partiti politiċi u l-liġi li neħħiet il-preskrizzjoni tal-politiċi f’każijiet ta’ abbuż u korruzzjoni li daħlu fis-seħħ fl-2016. Fil-21 ta' Novembru 2016, huwa nħatar Imħallef.
Toni Abela | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | 1 Lulju 1957 (67 sena) |
Nazzjonalità | Malta |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
politiku avukat imħallef |
Politika
immodifikaPresident tal-Partit Laburista (1988–1989)
immodifikaFl-1988, huwa ġie elett President tal-Partit Laburista u serva f’din il-kariga sal-1989 meta kellu jirriżenja mill-partit wara li ħa pożizzjoni kontra l-korruzzjoni u l-elementi kriminali fi ħdan il-partit.
Ko-fundatur tal-Alternattiva Demokratika (1989)
immodifikaF’din l-istess sena, huwa waqqaf l-Alternattiva Demokratika, pressure group (li iktar tard saret Partit) flimkien mal-eks whip ta’ dak iż-żmien tal-Partit Laburista, Wenzu Mintoff, li wkoll kien tkeċċa mill-Partit, flimkien ma' Carmen Spiteri. Fl-Alternattiva, Abela ħadem għal kwistjonijiet ambjentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-trasparenza politika u sistema elettorali aktar ġusta bl-introduzzjoni ta’ kwota nazzjonali li tippermetti lill-partiti politiċi żgħar li jkunu rappreżentati fil-Parlament f’konformità mal-mudell Ġermaniż. Huwa kkampanja favur l-introduzzjoni tal-att tal-Whistle Blower, l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, it-tneħħija tal-preskrizzjoni għall-uffiċjali pubbliċi f’każ ta’ abbuż ta’ poter u korruzzjoni u favur il-ħtieġa ta’ Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti.
Viċi Sindku tal-Ħamrun (1993)
immodifikaFl-1993 huwa ġie elett Viċi Sindku tal-Ħamrun, belt ewlenija f’Malta, u kien responsabbli mill-infurzar tal-liġi u l-ġestjoni tal-uffiċju tal-ilmenti taċ-ċittadini, Huwa introduċa l-ewwel ordinamenti (bye-laws) u stabbilixxa l-ewwel qorti lokali.
Deputat Mexxej tal-Partit Laburista (Affarijiet tal-Partit) (2008-2016)
immodifikaHuwa ġie elett Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit fit-12 ta’ Ġunju 2008. Minbarra r-responsabbiltajiet ġenerali tiegħu tat-tmexxija u l-ġestjoni tal-affarijiet interni tal-Partit, huwa mexxa wkoll il-65 fergħa politika tal-Partit Laburista. Huwa stabbilixxa standards ta’ tmexxija tajba fid-39 Kunsill Lokali bi tmexxija Laburista u ra li dawn l-istandards ikunu rispettati. Matul il-mandat tiegħu, il-Partit Laburista għadda minn bidliet radikali fil-livelli kollha ta’ organizzazzjoni.
Attakk fuq Toni Abela matul il-Kampanja Elettorali tal-2013
immodifikaAbela kien wieħed mill-miri ewlenin tal-attakki tal-Partit Nazzjonalista matul il-kampanja għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2013 li rat lill-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni b’rekord ta’ voti u differenza ta’ 11.4% bejn iż-żewġ partiti. Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li Toni Abela waqqaf barman ta’ ċentru politiku tal-Partit Laburista milli jiġi investigat mill-pulizija, wara allegat użu ta’ kokaina fil-bar, waqt il-ħin tax-xogħol.[1]
Wara l-elezzjoni, kien hemm qbil ġenerali li dan ma kienx għajr attakk politiku skorrett waqt kampanja elettorali, bil-Partit Nazzjonalista stess jiddikjara fl-analiżi ta’ wara r-riżultat elettorali li l-attakk fuq Toni Abela kkontribwixxa għat-telfa tiegħu.[2] Matul il-kampanja elettorali nnifisha, il-Kummissarju tal-Pulizija ddikjara li ma kien hemm ebda każ x’jittella’ kontra Toni Abela.[3]
Iktar milli ħamġitlu r-reputazzjoni, l-attakk fuq Toni Abela żvela l-korrettezza politika li mexa biha, fejn ħa azzjoni mill-ewwel u keċċa lill-barman. Fl-istess waqt Toni Abela ma aċċettax li din il-persuna tidħol lura fiċ-ċentru politiku, minkejja numru ta’ ġustifikazzjonijiet li dan ipprova jagħmel. Toni Abela ma ħa l-ebda riskju u mingħajr esitazzjoni, keċċa lill-persuna kkonċernata minnu fih.[4]
Televiżjoni
immodifikaFl-2003 ippreżenta l-programm ''Robin Hood'' flimkien ma' Wenzu Mintoff, fuq ONE TV, waħda mill-ftit drabi li stazzjon offra alternattiva vera għal Xarabank ta' TVM.
Abela ppreżenta ukoll ''Obelisk'' flimkien ma' Joe Mifsud, li fih intervisti personaġġi eċċentriċi bħal Ċikku Fenech, Norman Lowell u Emmy Bezzina fost l-oħrajn.
Mill-2006 sal-2016 ippreżenta rokna darba fil-ġimgħa fil-programm ''Kalamita'' li fiha kien jitratta każ legali ma' panel ta' nies komuni.
Ħajja Personali
immodifikaHuwa miżżewweġ lil Marisa u għandu tlett itfal.
Referenzi
immodifika- ^ "COCAINE DEALING AT A LABOUR PARTY CLUB – and Labour deputy leader Toni Abela covers it up. LISTEN TO THE VOICE RECORDING HERE. | Daphne Caruana Galizia" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Dissecting the PN's dramatic defeat". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
- ^ "Police commissioner found no wrongdoing in Abela tape - Mallia". MaltaToday.com.mt (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-06.
- ^ "The government we deserve - The Malta Independent". www.independent.com.mt. Miġbur 2021-07-06.