Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja

Sit ta' Wirt Dinji fl-Awstralja

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-Tażmanja, l-Awstralja.[1][2] Din hija waħda mill-ikbar żoni ta' konservazzjoni fl-Awstralja u tkopri 15,800 km2 (6,100 mil kwadru), jew kważi 25 % tat-Tażmanja. Kienet ukoll waħda mill-aħħar irqajja' ta' natura selvaġġa miti fid-dinja, u tinkludi ż-Żona Naturali Selvaġġa tal-Lbiċ.

Il-Lag Judd mill-muntanja Eliza, fil-Park Nazzjonali tal-Lbiċ.

L-industrija prinċipali taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja hija t-turiżmu, iżda r-reġjun għandu nuqqas ta' żvilupp parzjalment minħabba t-trikkib tal-iżvilupp mal-idea ta' natura mhux mittiefsa. Ma hemm l-ebda abitazzjoni permanenti fiż-żona għajr xi nħawi żgħar fil-periferija. Ir-reġjun huwa magħruf għal attivitajiet bħall-mixi fin-natura, il-whitewater rafting u t-tixbit.

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja ntgħażlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO abbażi ta' seba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO. Flimkien mal-muntanja Tai fiċ-Ċina, għandha l-ogħla ammont ta' kriterji għar-rikonoxximent bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-ewwel darba fl-1982 permezz ta' arranġamenti konġunti bejn il-gvern federali tal-Awstralja u l-gvern tat-Tażmanja matul il-kontroversja tad-Dig ta' Franklin, u s-sit ġie estiż fl-1989 wara l-Inkjesta ta' Helsham, deċiżjoni li permezz tagħha ġiet protetta foresta tas-siġar tal-ewkaliptu mill-qtugħ tas-siġar. Minħabba li l-ippjanar u l-ġestjoni taż-żona matul is-snin 90 tas-seklu 20 ma kinux skont l-istandard għoli mistenni, tfassal pjan ta' ġestjoni u ġie ppromulgat fl-1992, u mbagħad iktar 'il quddiem ġie sostitwit bi pjan ta' ġestjoni ġdid fl-1999. Fl-2014, il-gvern ta' Abbott ippropona li ż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja titneħħa mil-lista tal-UNESCO sabiex ikun jista' jitħalla l-qtugħ tas-siġar fi ħdan iż-żona protetta. Din il-proposta ġiet irrifjutata mill-Kumitat tal-Wirt Dinji fl-istess sena. Fl-2016, il-gvern tat-Tażmanja rtira l-proposta li jiġi permess il-qtugħ tas-siġar fiż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja.

It-Tażmanja hija wieħed mill-istati tal-Awstralja. Hija gżira fl-Oċean tan-Nofsinhar, ftit fin-Nofsinhar tal-Awstralja kontinentali. Għandha klima marittima miti, sostanzjalment differenti mill-biċċa l-kbira tal-Awstralja kontinentali.[4] L-Awstralja għandha diversi Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u l-ewwel wieħed ġie ddeżinjat fl-1981.[5] L-iżjed magħrufa x'aktarx li huma Kakadu, Uluru (li qabel kien magħruf bħala Ayers Rock) u l-Iskoll il-Kbir tal-Qroll. Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja probabbilment hija r-raba' l-iktar magħrufa.[6]

It-Tażmanja hija madwar 296 kilometru (200 mil) mit-Tramuntana san-Nofsinhar u 315-il kilometru mil-Lvant sal-Punent[7], u tinsab madwar 300 kilometru fin-Nofsinhar tal-Awstralja kontinentali. Madwar 30 % tal-art tal-istat hija rriżervata taħt xi kategorija ta' konservazzjoni tal-art. Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tkopri madwar 20 % tal-istat. Tinkludi l-ikbar erba' parks nazzjonali tat-Tażmanja u diversi żoni iżgħar ta' żoni ta' konservazzjoni oħra. 3.4 miljun ettaru minn 6.8 miljun ettaru tal-art tat-Tażmanjan hija miksija bil-foresti, u 70 % minnhom jinsabu f'art pubblika (40 % minnhom huma foresti kummerċjali) u 30 % minnhom jinsabu f'art pubblika protetta.[8] It-Tażmanja għandha popolazzjoni ta' ftit inqas minn 500,000 ruħ. Għandha l-iżjed ekonomija dgħajfa mill-istati Awstraljani kollha, u t-turiżmu jitqies bħala wieħed mill-ftit oqsma ta' tkabbir ekonomiku. Il-kummerċjalizzazzjoni tat-turiżmu tat-Tażmanja tippromwovi l-ekoturiżmu abbażi tal-valuri naturali tal-istat; b'mod partikolari dawk taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja. It-turiżmu jkollu pressjoni ambjentali konsiderevoli fuq iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja minkejja li l-biċċa l-kbira tal-akkomodazzjonijiet għat-turisti jinsabu 'l barra mill-konfini u l-biċċa l-kbira tat-turiżmu jsir fi ftit siti żviluppati sew qrib il-periferija taż-żona.[6]

Ġeografija

immodifika

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja hija żona estensiva, miti u li tesperjenza ħafna preċipitazzjoni (l-iktar xita). Tkopri l-biċċa l-kbira tan-Nofsinhar u tal-Punent tat-Tażmanja. Bejn wieħed u ieħor hija 200 kilometru mit-Tramuntana san-Nofsinhar u xi 70 kilometru bħala medja mil-Lvant sal-Punent (120 b'40 mil), jew 1.38 miljun ettaru (3.42 miljun akru) qabel l-estensjonijiet fl-2013.[9] Iż-żona ta' lqugħ tar-reġjun sar għandha erja ta' 15,800 km2, jew kważi 25 % tat-Tażmanja wara l-estensjonijiet fl-1989 u fl-2013.[10][11] Għalkemm l-ogħla punt huwa 1,600 metru (5,000 pied) biss 'il fuq mil-livell tal-baħar u ma hemm l-ebda post fejn il-borra tkun preżenti matul is-sena kollha, il-biċċa l-kbira taż-żona fiha qċaċet ippuntati mingħajr wisq wita u fiha l-unika żoni glaċjali estensivi fl-Awstralja. L-aħħar glaċjazzjoni ntemmet bejn 10,000 u 12,000 sena ilu. Iż-żona tikkostitwixxi waħda mill-aħħar żoni naturali selvaġġi miti fid-dinja, u tinkludi ż-Żona Naturali Selvaġġa tal-Lbiċ.[12][13]

Żvilupp u turiżmu

immodifika

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja ma fiha l-ebda abitazzjoni umana permanenti, għajr xi akkomodazzjonijiet qrib il-periferija. Xi toroq jippenetraw fiż-żona.[14] Hemm ukoll żona tat-troti (speċi introdotta mill-emisferu tat-Tramuntana) fil-lagi tal-Promontorju Ċentrali. Għad-differenza tal-kumplament taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja, is-sezzjoni tal-Promontorju Ċentrali għandha storja twila ta' użu min-nies lokali. Apparti s-sajd, tkompli l-kaċċa, l-irkib taż-żwiemel, is-sewqan fuq l-imħarbat u l-użu assoċjat ta' xi għorfiet. Xi wħud iqisu li dawn il-prattiki stabbiliti jmorru kontra l-għanijiet tal-konservazzjoni. B'hekk tneħħew diversi toroq, għorfiet u traċċi umani oħra favur l-idea ta' natura selvaġġa kemm jista' jkun mhux mittiefsa.[15]

It-turiżmu u r-rikreazzjoni huma l-industrija predominanti fiż-żona. Hemm madwar nofs miljun viżitatur li jżuru ż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja kull sena. Fost l-attivitajiet fi ħdan iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja hemm il-kruċieri, it-titjiriet u l-inżul kummerċjali[16], il-mixi fin-natura (iż-żona ġiet deskritta bħala l-Mekka tal-Awstralja għal dawk li jħobbu jimxu fin-natura), il-whitewater rafting, u t-tixbit. Reġjuni iktar remoti taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja ma għandhomx portijiet, u b'hekk jintużaw vapuri tal-ispedizzjonijiet għall-attivitajiet ibbażati fuq l-art. Madankollu, minħabba l-linji gwida dwar il-ġestjoni fiż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja, ir-reġjun ma tantx iżuruh wisq vapuri tal-ispedizzjonijiet, għalkemm hemm ukoll vapuri kummerċjali iżgħar li jżuru ż-żona.[17]

Bijoloġija

immodifika
Foresta niexfa tal-isklerofilla fit-Tażmanja.
Lagarostrobos franklinii: siġra li tikber bil-mod u li tinstab fiż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja biss.

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tinstab fl-Oċeanja. Wieħed mill-fatturi ta' sostenn ta' dan is-sit bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO hu l-kwalitajiet naturali u tal-bijodiversità tiegħu. Hemm sitt gruppi ta' ekosistemi fiż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja: foresti tropikali, komunitajiet tal-isklerofilla, veġetazzjoni Alpina mingħajr siġar, veġetazzjoni subalpina mingħajr siġar, u komunitajiet tal-artijiet mistagħdra. Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tinkludi bosta speċijiet ta' oriġini antika, tassonomija primittiva, u grad għoli ta' diversità tal-pjanti, b'karatteristiċi mhux tas-soltu bħal arbuxelli skleromorfiċi li jevolvu fi klima marittima f'ekosistemi Alpini u subalpini mingħajr siġar. Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja fiha wkoll l-itwal rekord ta' trab dakkari kontinwu fl-Awstralji fil-Krater ta' Darwin.[18]

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tinkludi 1,397 speċi minn 293 familja. Hemm 30 speċi ta' annimali terrestri, 120 speċi ta' għasafar terrestri, 14-il speċi ta' rettili terrestri, seba' speċijiet ta' żrinġijiet, 16-il speċi ta' ħut tal-ilma ħelu, u 68 speċi ta' ħut tal-baħar. Il-biċċa l-kbira tal-fawna li jinstabu fiż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja huma uniċi u jokkorru f'din iż-żona biss, bħaż-żrinġ żgħir tal-muski u x-xaħmet l-art ta' Pedra Branca.[19] Bħala invertebrati, iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tinkludi 904 speċi ta' Uniramia, 179 speċi ta' Chelicerata, 90 speċi ta' Aschelminthes, 88 speċi ta' krustaċji, 69 speċi ta' molluski, 57 speċi ta' annelidi, tmien speċijiet ta' Platyhelminthes, speċi waħda ta' Onychophora u speċi waħda ta' Nemertea.[20]

Qabel is-seklu 20

immodifika
L-Awstralja kontinentali u t-Tażmanja xi 14,000 sena ilu kienu magħqudin permezz ta' biċċa art.
Kap Aboriġenu tat-Tażmanja ta' tribù ta' Port Davey.

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja, li hija network ta' parks u ta' riżervi bi fniedaq fondi, għaddiet minn glaċjazzjoni qawwija. Fdalijiet umani li jmorru lura iktar minn 20,000 sena nstabu f'għerien tal-ġebla tal-ġir fiż-żona. Iż-żona kienet tintuża għal millenji sħaħ mill-Aboriġeni, li ħallew l-impronta tagħhom fiż-żona fl-għamla ta' ekoloġija influwenzata ferm mill-prattiki tal-ħruq tagħhom, kif ukoll fdalijiet fiżiċi fosthom demel u opri tal-arti. Il-preżenza tal-Aboriġeni fiż-żona tmur lura għall-Plejstoċen, 35,000 sena ilu. Demel mill-Oloċen instab fiż-żona.[21] L-ebda Aboriġenu ma jgħix b'mod permanenti fiż-żona llum il-ġurnata, iżda xi postijiet huma ta' importanza kbira għall-Komunità Aboriġena tal-preżent, u dawn influwenzaw it-tniżżil taż-żona bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Storikament, iż-żona ġiet esplorata u sfruttata matul is-seklu 19, bi storja ta' priġuniera fiż-żona, iżda l-unika attività ekonomika fiż-żona kienet l-estrazzjoni u l-qtugħ tas-siġar fuq skala żgħira, ammont limitat ta' nsib (għall-pil tal-annimali) u, f'żona limitata, ir-ragħa, li kompliet sa żmien reċenti ħafna. Iż-żona fiha wkoll skema idroelettrika kbar u diversi skemi idroelettriċi żgħar. Apparti l-infrastruttura idroelettrika (digi), l-ebda waħda minn dawn l-attivitajiet ma' ħalliet wisq traċċi.[22]

Status bħala Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Snin 80 tas-seklu 20

immodifika

Iż-żona tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'żewġ stadji, fl-1982 u fl-1989.[1] Fl-1982 id-deżinjazzjoni saret qalb għagħa politiku minħabba l-kostruzzjoni proposta ta' diga idroelettrika maġġuri fi ħdan iż-żona. Il-kostruzzjoni tad-diga ma twettqitx bis-saħħa ta' intervent tal-gvern federali li uża l-awtorità tiegħu li kiseb permezz tad-deżinjazzjoni. Il-fatturi li jinfluwenzaw id-deżinjazzjoni jinkludu l-wirt tal-Aboriġeni fis-sit, il-valuri ġeomorfiċi, u l-bijodiversità.[23]

Iż-żona ġiet estiża fl-1989 permezz tal-Inkjesta ta' Helsham, fejn ittieħdet id-deċiżjoni li żona kbira ta' foresti bis-siġar tal-ewkaliptu tiġi protetta mill-qtugħ tas-siġar. Dan wassal għal kunflitt rigward l-inklużjoni ta' żoni oħra - l-opinjoni tal-maġġoranza sostniet li ħames żoni biss kien jistħoqqilhom id-deżinjazzjoni, filwaqt li l-kumplament kienu tal-fehma li kien hemm żoni addizzjonali apparti dawk il-ħamsa, u b'hekk iż-żona ġiet estiża b'600,000 ettaru addizzjonali. Fl-istess sena, ir-reġjun ingħata pjan ta' ġestjoni statutorju. Mill-ġdid, l-istatus taż-żona bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ta lill-gvern federali d-dritt li jkun involut, u saħħaħ mill-ġdid il-perċezzjoni f'xi sezzjonijiet tal-komunità tat-Tażmanja li d-deżinjazzjoni kienet komplott biex il-gvern federali jkun jista' jintervjeni fil-ġestjoni tal-art, li mingħajr id-deżinjazzjoni kienet tkun kwistjoni li jieħu ħsiebha l-gvern statali waħdu.

Matul is-snin 80 tas-seklu 20, il-finanzjament tal-ġestjoni taż-żona żdied ferm minn madwar miljun dollaru Awstraljan fil-bidu tas-snin 80 tas-seklu 20 għal tliet miljun dollaru Awstraljan sa nofs id-deċennju. F'nofs is-snin 90 tas-seklu 20, il-finanzjament laħaq id-disa' miljun dollaru Awstraljan, filwaqt li fl-2008 il-baġit laħaq il-11-il miljun dollaru Awstraljan. Din iż-żieda fil-finanzjament kienet importanti għaliex ippermettiet l-impjieg ta' iktar ħaddiema.

Kien hemm ukoll nuqqas ta' fiduċja fis-Servizz tal-Parks u tan-Natura Selvaġġa minn xi wħud, li fil-biċċa l-kbira oriġinat meta l-Promontorju Ċentrali żdied maż-Żona tan-Natura Selvaġġa tat-Tażmanja fl-1989. Bosta nies stabbiliti b'attivitajiet tax-xogħol kienu ħasbu li l-attivitajiet kollha li kienu jsiru fiż-żona qabel id-deżinjazzjoni kienu se jitħallew ikomplu wara d-deżinjazzjoni. Ftit wara d-deżinjazzjoni, uħud mill-attivitajiet tagħhom li kienu l-iktar inaċċettabbli ambjentalment ġew ristretti jew ipprojbiti sabiex jiġi rifless l-istatus il-ġdid taż-żona (pereżempju, diversi mogħdijiet imħarbta għall-vetturi li jingranaw fuq erba' roti li kienu jinsabu f'żoni sensittivi ngħalqu). Dan irriżulta f'polarizzazzjoni ta' dawk li kellhom fehma kontra ż-żona fil-komunità tat-Tażmanja rigward il-ġestjoni futura taż-żona, u xi drabi saħansitra antagoniżmu konsiderevoli fil-konfront tas-Servizz tal-Parks u tan-Natura Selvaġġa. Bosta nies fil-komunitajiet lokali kienu affettwati mill-ftit kunsiderazzjoni li ngħataw mill-"ideoloġija taż-żona naturali selvaġġa", u dan wassal biex jaġixxu kontra l-prattiki ta' ġestjoni tajba minħabba n-nuqqas ta' fiduċja li kellhom fis-Servizz tal-Parks u tan-Natura Selvaġġa.

Snin 90 tas-seklu 20

immodifika
 
An at least 80 metre tall Tażmanjan Eucalyptus regnans nicknamed "El grande" which was accidentally burned in 2003.

Fl-1990, l-ippjanar taż-żona kien għadu ma ġiex ikkoordinat sew. Wieħed biss mill-parks nazzjonali maġġuri kellu pjan ta' ġestjoni finalizzat u, għalkemm il-pjanijiet kienu jinsabu fi stadji varji ta' tlestija għal diversi partijiet taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja, ittieħdet id-deċiżjoni li jitħejja pjan ta' ġestjoni uniku għaż-żona kollha. Diversi stadji ta' kummenti pubbliċi, akkumpanjati xi drabi minn kontroversji konsiderevoli fil-mezzi tax-xandir lokali, wasslu għal abbozz ta' pjan ta' ġestjoni favur ħafna taż-żona naturali selvaġġa. Sensiela ta' alterazzjonijiet tal-aħħar minuta fil-pjan, wara bidla fil-gvern statali u wara l-għeluq tal-kummenti pubbliċi, dgħajfu n-natura tal-pjan u b'hekk dan antagonizza lil dawk li kienu favur il-konservazzjoni, iżda fl-istess waqt taffa ħafna mill-oġġezzjonijiet ta' utenti stabbilit, li wħud minnhom kienu saħansitra heddew b'diżordni ċivili b'rabta ma' xi restrizzjonijiet imposti mill-pjan. Madankollu, uħud minn dawn il-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-komunitajiet lokali biswit iż-żona, ħassew li l-kontribut tagħhom fil-proċess tal-ippjanar kien ġie injorat u baqgħu jgergru rigward xi aspetti tal-pjan, li ġie finalizzat f'Settembru 1992. Mill-bidu nett, xi aspetti tal-pjan tal-1992 ma tantx ġew aċċettati mill-utenti stabbiliti, u xi problemi oħra (bħan-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni tal-proposti l-ġodda tal-iżvilupp) ħarġu fid-dieher meta l-pjan ġie implimentat. Minkejja dan, il-pjan iggwida l-ġestjoni taż-żona għas-seba' snin ta' wara, sentejn iktar milli kien mistenni meta tħejja.

Il-pjan tal-1992 għen biex jiġi żviluppat qafas li permezz tiegħu tiġi vverifikata l-effettività tal-pjanijiet ta' ġestjoni. Taħt Dr. Helen Hocking, il-kisba tal-objettivi tal-pjan ġiet evalwata. Il-pjan ġie kkritikat li kien qed jittratta n-natura selvaġġa bħala l-iżjed valur importanti tar-reġjun filwaqt li kien qed jinjora l-valuri l-oħra kollha li s-Servizz tal-Parks u tan-Natura Selvaġġa kien iddeterminat li jegħleb għadd ta' kwistjonijiet pendenti li ġew identifikati mill-pjan tal-1992, għalhekk, fl-1994, ittieħdet id-deċiżjoni li jsir rieżami tal-pjan bl-għan li l-pjan il-ġdid jidħol fis-seħħ f'Settembru 1997. Din l-iskadenza ma ġietx issodisfata għal varjetà ta' raġunijiet, inkluż l-elezzjonijiet statali u federali li dewmu l-proċessi ewlenin tal-approvazzjoni. Il-pjan il-ġdid daħal fis-seħħ f'Marzu 1999. L-iżjed kwistjonijiet kontroversjali tal-ġestjoni li ġew indirizzati fl-iżvilupp tal-pjan il-ġdid kienu dawk marbuta mat-turiżmu, il-prattiki stabbiliti u l-ġestjoni tan-nirien; il-kwistjoni ewlenija tal-konservazzjoni tan-natura kienet jekk dawk li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-art għandhomx jużaw in-nirien b'mod attiv sabiex tinżamm id-diversità tal-ekosistema. Il-pjan żied ukoll il-kunsiderazzjoni tal-wirt kulturali tal-Aboriġeni u t-turiżmu.[24]

Seklu 21

immodifika
 
The government under Tony Abbott proposed delisting the heritage area in 2014.

F'Settembru 2004, ġie rilaxxat l-ewwel Rapport dwar l-Istat taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanjan, li ffoka fuq il-protezzjoni ekoloġika.[25]

Minkejja li avża lill-Kumitat tal-Wirt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2010 li ma kellu l-ebda intenzjoni li jestendi ż-żona iktar, il-gvern federali ressaq proposta għal modifika minuri fiż-żona ta' lqugħ tas-sit f'Jannar 2013 li ġiet aċċettata fis-37 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Ġunju 2013.[26]

Fl-2014, il-Gvern ta' Abbott ippropona li ż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja titneħħa mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO sabiex jitħalla l-qtugħ tas-siġar fi ħdan iż-żona protetta. Li kieku l-proposta ntlaqgħet, kienet tkun l-ewwel darba li nazzjon żviluppat ineħħi sit għal skopijiet ekonomiċi. Il-proposta ġiet irrifjutata mit-38 Sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Ġunju 2014, li saret f'Doha, il-Qatar. Il-Gvern ta' Abbott wara ddikjara li kien beħsiebu jirrispetta d-deċiżjoni tal-kumitat.[27]

Fl-2016, il-gvern tat-Tażmanja rtira l-proposta tiegħu biex jitħalla l-qtugħ tas-siġar fiż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja wara li rapport tal-UNESCO oppona l-idea.[28][29]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji mħallat (kulturali u naturali) tal-UNESCO fl-1982. Is-sit ġie estiż fl-1989. Iż-żona ta' lqugħ saritilha modifika minuri fl-2010, fl-2012 u fl-2013.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' seba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Ġestjoni

immodifika

Fl-Awstralja, il-ġestjoni tal-art hija responsabbiltà tal-istati. Madankollu, il-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji hija ftehim internazzjonali, iffirmat mill-gvern federali. B'hekk il-gvern federali għandu rwol fil-ġestjoni tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Awstralja. L-istatus tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jwassal ukoll biex it-Tażmanja tirċievi finanzjament federali konsiderevoli għall-ġestjoni taż-żona.

Iż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja tiġi ġestita b'mod konġunt mill-gvern federali u l-istat tat-Tażmanja permezz tas-Servizz tal-Parks u tan-Natura Selvaġġa tat-Tażmanja. L-arranġament żviluppati bejn it-Tażmanja u l-gvern federali jinkludu organizzazzjonijiet bħall-Kunsill Ministerjali taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja, Kumitat Permanenti, u l-Kumitat Konsultattiv taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja. Nofs il-membri tal-Kumitat Konsultattiv jinħatru mill-gvern statali tat-Tażmanja, filwaqt li n-nofs l-ieħor jinħatru mill-gvern federali.[30]

Parks u riżervi nazzjonali

immodifika

Il-parks u r-riżervi nazzjonali li ġejjin jagħmlu parti miż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja:

  • iż-Żoni ta' Konservazzjoni u Protetti tal-Promontorju Ċentrali;
  • il-Park Nazzjonali tal-muntanja Cradle u l-Lag ta' St Clair;
  • ir-Riżerva tal-Istat ta' Devils Gullet;
  • il-Park Nazzjonali ta' Franklin-Gordon Wild Rivers;
  • il-Park Nazzjonali tal-Muntanji Hartz;
  • il-Park Nazzjonali Karstiku ta' Mole Creek;
  • il-Gżejra tal-Għasafar ta' Mutton tax-Xlokk;
  • il-Park Nazzjonali tal-Lbiċ;
  • il-Park Nazzjonali tal-Ħitan ta' Ġerusalemm;
  • il-Park Nazzjonali tal-Muntanja Field.

Veduti panoramiċi taż-Żona Naturali Selvaġġa tat-Tażmanja

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Tasmanian Wilderness". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-29.
  2. ^ "Parks & Wildlife Service - Tasmanian Wilderness World Heritage Area". web.archive.org. 2016-11-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-11-26. Miġbur 2022-09-29.
  3. ^ "Tasmanian Wilderness World Heritage Area (TWWHA) | Parks & Wildlife Service Tasmania". parks.tas.gov.au. Miġbur 2022-09-29.
  4. ^ Williams, W.D. (6 December 2012). Biogeography and Ecology in Tasmania. Springer Science & Business Media. ISBN 978-94-010-2337-5.
  5. ^ Newsome, David (1 January 2017). Natural Area Tourism: Ecology, Impacts, and Management. Channel View Publications. ISBN 978-1-84541-276-0.
  6. ^ a b Wilderness Science in a Time of Change Conference: Wilderness ecosystems, threats, and management (bl-Ingliż). U.S. Department of Agriculture, Forest Service, Rocky Mountain Research Station. 2000. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  7. ^ "The Pocket Year Book of Tasmania - Google Books". web.archive.org. 2021-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-07-22. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Evans, Julian (15 April 2008). The Forests Handbook, Volume 2: Applying Forest Science for Sustainable Management. John Wiley & Sons. ISBN 978-0-470-75683-6.
  9. ^ Allan, Catherine; Stankey, George Henry (2009). Adaptive Environmental Management: A Practitioner's Guide. Springer Science & Business Media. ISBN 978-1-4020-9632-7.
  10. ^ "Trove". web.archive.org. 2021-07-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-07-29. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "archive.ph". archive.ph. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-03-30. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ Russell, J.A. (James Alexander); Matthews, J.H.; Jones, Richard; University of Tasmania. Board of Environmental Studies (1979), Wilderness in Tasmania, Board of Environmental Studies, University of Tasmania, ISBN 978-0-85901-120-4.
  13. ^ "Tasmanian Wilderness World Heritage Area management plan 1999 / Tasmania, Parks and Wildlife Service - Details - Trove". web.archive.org. 2012-05-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-05-02. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Tourism in Marine Environments - Google Books". web.archive.org. 2021-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-07-22. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ Allen, Steven; Møllegaard, Kirsten (12 December 2018). Narratives of Place in Literature and Film. Taylor & Francis. ISBN 978-1-351-01381-9. p. 112.
  16. ^ "Proceedings RMRS. - Google Books". web.archive.org. 2021-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-07-22. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ Dowling, Ross; Weeden, Clare (25 January 2017). Cruise Ship Tourism, 2nd Edition. CABI. p. 475. ISBN 978-1-78064-608-4.
  18. ^ Balmer, J.; Whinam, J.; Kelman, J.; Kirkpatrick, J.B.; Lazarus, E. (2004). Floristic Values of the Tasmanian Wilderness World Heritage Area (PDF). Nature Conservation Branch, Department of Primary Industries, Water and Environment.
  19. ^ Driessen, Michael M.; Mallick, Stephen A. (2003). "The vertebrate fauna of the Tasmanian Wilderness World Heritage Area". Pacific Conservation Biology (bl-Ingliż). 9 (3): 187–206.
  20. ^ Mallick, Stephen A.; Driessen, Michael M. (2005). "An inventory of the invertebrates of the Tasmanian Wilderness World Heritage Area". Pacific Conservation Biology. 11 (3): 198–211.
  21. ^ Russell, Jim; Jambrecina, Mirjana (2002). "Wilderness and Cultural Landscapes: Shifting management emphases in the Tasmanian Wilderness World Heritage Area". Australian Geographer. 33 (2): 125–139.
  22. ^ Russell, Jim; Jambrecina, Mirjana (2002). "Wilderness and Cultural Landscapes: Shifting management emphases in the Tasmanian Wilderness World Heritage Area". Australian Geographer. 33 (2). p. 126.
  23. ^ Reynard, Emmanuel; Brilha, José (5 December 2017). Geoheritage: Assessment, Protection, and Management. Elsevier Science. ISBN 978-0-12-809542-3. p. 327.
  24. ^ "Wilderness Science in a Time of Change Conference: Wilderness ecosystems ... - Google Books". web.archive.org. 2021-10-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-10-01. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  25. ^ "TASMANIAN WILDERNESS - World Heritage Datasheet". web.archive.org. 2021-07-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-07-23. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  26. ^ "Tasmanian Wilderness World Heritage Area – Parliament of Australia". web.archive.org. 2017-04-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-04-15. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  27. ^ "The World Today - Federal Government will respect UN committee's Tasmanian forest ruling 24/06/2014". web.archive.org. 2014-09-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-09-01. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  28. ^ "Australia drops Tasmanian Wilderness logging campaign - BBC News". web.archive.org. 2016-03-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-20. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  29. ^ "UNESCO Managing Natural World heritage Properties". web.archive.org. 2021-05-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-05-16. Miġbur 2022-09-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  30. ^ MacLennan, W. (1996). Australians and the Environment. Australian Bureau of Statistics. ISBN 978-0-642-20690-9. p. 360.