Uluru
Uluru (/ˌuːləˈruː/, Pitjantjatjara: Uluṟu; pronunzja bil-Pitjantjatjara: [ˈʊ.lʊ.ɻʊ]), magħrufa wkoll bħala l-Blata ta’ Ayers (/ˌɛərz -/, bħal airs) u mniżżla uffiċjalment bl-Ingliż bħala Uluru / Ayers Rock[1], hija formazzjoni kbira tal-blat ramli fil-parti tan-Nofsinhar tat-Territorju tat-Tramuntana fl-Awstralja. Uluru tinsab 335 kilometru fil-Lbiċ ta’ Alice Springs, li huwa l-eqreb raħal kbir.
Uluru hija sagra għall-Pitjantjatjara, il-poplu Aboriġenu taż-żona, magħrufa aħjar bħala l-Aṉangu. Iż-żona madwar il-formazzjoni tal-blat fiha abbundanza ta’ fawwara, ġibjuni, għerien tal-blat u tpittir antik mal-blat. Uluru u Kata Tjuta (magħrufa kollettivament bħala Olgas) huma żewġ formazzjonijiet kbar tal-blat tal-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu-Kata Tjuṯa[2], li huwa mniżżel bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Uluru hija waħda mill-iktar għeġubijiet naturali u ikoniċi magħrufa fl-Awstralja u ilha destinazzjoni popolari għat-turisti mill-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20. Barra minn hekk, hija wkoll wieħed mill-iktar siti indiġeni importanti fl-Awstralja.
Isem
immodifikaL-Aṉangu lokali, mill-poplu tal-Pitjantjatjara, lil din il-formazzjoni tal-blat isejħulha Uluṟu (bil-Pitjantjatjara: [ʊlʊɻʊ]). Il-kelma hija nom proprju, bl-ebda tifsira partikolari ulterjuri bid-djalett tal-Pitjantjatjara, għalkemm tintuża wkoll bħala kunjom lokali mis-Sidien Tradizzjonali għoljin ta’ Uluru.[4]
Fid-19 ta’ Lulju 1873, is-servejer William Gosse lemaħ il-formazzjoni tal-blat u semmiha l-Blata ta’ Ayers biex jagħti ġieħ lill-Kap Segretarju tan-Nofsinhar tal-Awstralja ta’ dak iż-żmien, Sir Henry Ayers. Minn dak iż-żmien ’l hawn, baqgħu jintużaw iż-żewġ ismijiet.
Fl-1993, ġiet adottata politika ta’ tismija doppja: bl-isem Aboriġenu tradizzjonali (bil-Pitjantjatjara, bil-Yankunytjatjara u b’lingwi lokali oħra) u bl-isem bl-Ingliż. Fil-15 ta’ Diċembru 1993, l-isem uffiċjali sar “Ayers Rock / Uluru” u l-formazzjoni tal-blat saret l-ewwel post b’isem uffiċjali doppju fit-Territorju tat-Tramuntana fl-Awstralja. Madankollu, l-ordni tal-isem uffiċjali doppju ġiet invertita uffiċjalment għal “Uluru / Ayers Rock” fis-6 ta’ Novembru 2002 wara talba mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Reġjonali f’Alice Springs.
Deskrizzjoni
immodifikaIl-formazzjoni tal-blat ramli hija għolja 348 metru, u tlaħħaq 863 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Il-biċċa l-kbira tal-formazzjoni tinsab taħt l-art, u l-perimetru totali tagħha hija 9.4 kilometri. Kemm il-formazzjoni tal-blat ta’ Uluru kif ukoll dik fil-qrib ta’ Kata Tjuta għandhom sinifikat kulturali kbir għall-Aṉangu lokali, l-abitanti tradizzjonali taż-żona, li jorganizzaw żjarat turistiċi bil-mixi biex jinfurmaw lit-turisti dwar l-ambjent, l-ikel, il-flora u l-fawna lokali, u dwar il-ġrajjiet folkloristiċi Aboriġini taż-żona.
Uluru hija notevoli ħafna għax tidher daqslikieku qed tibdel il-kulur f’ħinijiet differenti tal-ġurnata u tas-sena, l-iktar meta tixgħel fl-aħmar fit-tlugħ u nżul ix-xemx.
Kata Tjuta, magħrufa wkoll bħala l-Muntanja Olga jew Olgas, tinsab 25 kilometru fil-Punent ta’ Uluru. Inbnew żoni panoramiċi speċjali b’aċċess mit-triq u parkeġġi biex it-turisti jkunu jistgħu jgawdu l-aqwa veduti fiż-żewġ siti fit-tlugħ u nżul ix-xemx.
Ġeoloġija
immodifikaUluru hija inselberg, jiġifieri litteralment “muntanja gżira”.[5][6][7] Inselberg hija tumbata jew għolja iżolata prominenti li togħla f’daqqa mill-art watja u li hija mdawra minn artijiet baxxi tal-erożjoni estensivi u relattivament ċatti f’reġjun niexef u sħun.[8] Uluru spiss tiġi msejħa blata monolitika, għalkemm dan huwa terminu ambigwu li ġeneralment jiġi evitat mill-ġeologi.[9]
Il-karatteristika notevoli ta’ Uluru hija l-omoġenjetà tagħha u n-nuqqas ta’ ġunturi jew xquq fil-wiċċ tal-blat tal-qiegħ, li wasslu għan-nuqqas ta’ żvilupp ta’ akkumulu ta’ żrar jew ġebel mad-dawra u ħamrija. Dawn il-karatteristiċi tagħha wasslu biex nistgħu ngawduha kif inhi sa llum, filwaqt li l-blat tal-madwar għeb bl-erożjoni.[9]
Għall-fini tal-immappjar u d-deskrizzjoni tal-istorja ġeoloġika taż-żona, il-ġeologi jirreferi għas-saffi tal-blat li jsawru lil Uluru bħala Arkożija Mutitjulu, li hija waħda mill-bosta formazzjonijiet sedimentarji li jimlew il-Baċir ta’ Amadeus.[5]
Kompożizzjoni
immodifikaUluru hija magħmula l-iktar minn arkożija bi granularità ħoxna (tip ta’ blat ramli b’abbundanza ta’ feldspar) u minn xi konglomerat.[5][10] Il-kompożizzjoni medja tagħha hija 50 % feldspar, 25-35 % kwarz u sa 25 % frammenti tal-blat; il-biċċa l-kbira tal-feldspar huwa K-feldspar bi plaġjoklażju minuri biss bħala granuli sottottundjati u inklużjonijiet alterati ferm fi ħdan il-K-feldspar. Il-granuli tipikament ikollhom dijametru ta’ bejn 2 u 4 millimetri, u jkunu angolari għal sottoangolari; il-blat ramli li jkun ifjen ikun issortjat tajjeb,, bl-issortjar jonqos kif jikber id-daqs tal-granuli. Fost il-frammenti tal-blat hemm il-bażalt sottottundjat, sostitwit invarjabbilment bil-klorit u bl-epidotu.[5] Il-minerali preżenti jissuġġerixxi derivazzjoni minn sors bi predominanza granitika, simili għall-Blokk ta’ Musgrave li hu espost fin-Nofsinhar.[9] Meta jkun relattivament frisk, il-blat għandu lewn griż, iżda bl-ossidazzjoni tal-minerali bil-ħadid, dawn ittieklu u b’hekk is-saff ta’ barra tal-wiċċ għandu lewn ħamrani fil-kannella qisu sadid. Fost il-karatteristiċi marbuta mad-depożizzjoni tas-sediment, hemm il-qiegħ trasversali u l-brim fil-blat, u l-analiżi tagħhom indikat depożizzjoni minn kanali fluvjali baxxi b’enerġija kbira u għargħar fuq saff irqiq, li huma tipiċi tal-koni/imrewħa alluvjonali.[5][9]
Età u oriġini
immodifikaL-Arkożija Mutitjulu jingħad li għandha l-istess età bħall-konglomerat ta’ Kata Tjuta, u li għandha oriġini simili minkejja li t-tip ta’ blat huwa differenti. Madankollu, hija iżgħar mill-blat espost fil-Lvant fil-Muntanja Conner, u mhix relatata magħha. Is-saffi ta’ Uluru huma kważi vertikali, u jiġu għan-niżla lejn il-Lbiċ b’pendil ta’ 85°. Għandhom ħxuna esposta ta’ mill-inqas 2,400 metru. Is-saffi jinżlu taħt il-pjanura tal-madwar u bl-ebda dubju huma estiżi lil hinn minn Uluru fis-sottosuperfiċi, iżda kemm eżatt mhuwiex magħruf.[5]
Il-blat oriġinarjament kien ramel, iddepożitat bħala parti minn imrewħa alluvjonali estensiva li kienet testendi ’l barra mill-antenati tal-ktajjen muntanjużi ta’ Musgrave, Mann u Petermann lejn in-Nofsinhar u l-Punent, iżda li kienet separata minn imrewħa fil-qrib li kienet iddepożitat ir-ramel, iċ-ċagħaq u l-ġebel li ffurmaw lil Kata Tjuta.[5][9]
Il-kompożizzjoni minerali simili tal-Arkożija Mutitjulu u tal-ktajjen muntanjużi tal-granit ġiet spjegata. L-antenati tal-ktajjen muntanjużi fin-Nofsinhar xi darba kienu ferm ikbar mill-fdalijiet li naraw illum li ttieklu bl-erożjoni. Dawn ġew olzati ’l fuq f’avveniment li ħoloq il-muntanji msemmi bħala l-Oroġenija ta’ Petermann, li seħħ fl-aħħar tal-era Neoproterożojka sal-bidu taż-żminijiet Kambrijani (550-530 Ma), u b’hekk huwa maħsub li l-Arkożija Mutitjulu ġiet iddepożitata għall-ħabta tal-istess żmien.
Il-blat ramli tal-arkożija fil-formazzjoni tal-blat huwa magħmul minn granuli bi ftit issortjar abbażi tad-daqs tal-granuli, ma tantx huma ttundjati u l-feldspars fil-blat għandhom dehra relattivament friska. Dan in-nuqqas ta’ ssortjar u ta’ ttundjar tal-granuli huwa tipiku tal-blat ramli tal-arkożija u jindika erożjoni relattivament rapida mill-granit tal-muntanji li kienu qed jitfaċċaw fin-Nofsinhar. Is-saffi ta’ ramel kienu kważi orizzontali meta ġew iddepożitati, iżda reġgħu lura għall-pożizzjoni kważi vertikali tagħhom matul avveniment tal-ħolqien tal-muntanji li seħħ iktar ’il quddiem, possibbilment l-Oroġenija ta’ Alice Springs fl-era Paleożojka (400-300 Ma).[5]
Fawna u flora
immodifikaStorikament, jingħad li 46 speċi ta’ mammiferi nattivi għexu qrib Uluru; skont stħarriġiet reċenti għadhom jgħixu 21 speċi attwalment. L-Aṉangu jirrikonoxxu li tnaqqis fl-għadd ta’ speċijiet ikollu implikazzjonijiet għall-qagħda u għas-saħħa tal-pajsaġġ. Ġew appoġġati sforzi ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ annimali li kienu ġew estinti lokalment, fosthom il-faġan Awstraljan (Leipoa ocellata), l-opossum Awstraljan (Trichosurus vulpecula), il-walibi liebru ħamrani jew mala (Lagorchestes hirsutus), il-makrotis (Perameles lagotis), il-budi (Bettongia lesueur), u l-warru (Petrogale lateralis).[11][12][13]
Il-mulgara (Dasycercus) huwa ristrett għaż-żona tranżizzjonali tal-pjanura bir-ramel, biċċa art dejqa li testendi minn qrib Uluru sal-konfini tat-Tramuntana tal-park u fl-Ayers Rock Resort. Din iż-żona fiha wkoll it-talpa marsupjali (Notoryctes typhlops), il-woma python (Aspidites ramsayi), u x-xaħmet l-art il-kbir tad-deżert (Liopholis kintorei).
Il-popolazzjoni tal-friefet il-lejl tal-park tinkludi mill-inqas seba’ speċijiet li jiddependu fuq siti ta’ tħejjija għall-irqad binhar fi ħdan l-għerien u x-xquq ta’ Uluru u ta’ Kata Tjuta. Il-biċċa l-kbira tal-friefet il-lejl ifittxu għal priża fl-ajru sa xi 100 metru mill-wiċċ tal-blat. Il-park għandu fawna rettili rikka ħafna ta’ importanza kbira għall-konservazzjoni. B’kollox il-park fih 73 speċi ta’ rettili li ġew iddokumentati b’mod affidabbli. Hemm ukoll erba’ speċijiet ta’ żrinġijiet li huma abbundanti fil-bażi ta’ Uluru u ta’ Kata Tjuta wara x-xita li tagħmel fis-sajf. Ix-xaħmet l-art il-kbir tad-deżert huwa elenkat bħala vulnerabbli filwaqt li x-xitan tal-muntanji (Moloch horridus) huwa pjuttost abbundanti.
L-Aṉangu għadhom jikkaċċjaw u jiġbru l-ispeċijiet ta’ annimali f’żoni remoti tal-park u fuq art oħra tal-Aṉangu. Il-kaċċa hija limitata l-iktar għall-kangarù aħmar (Osphranter rufus), id-dundjan tal-buxx (Alectura lathami), l-emu (Dromaius novaehollandiae) u l-varani bħall-goanna tar-ramel (Varanus gouldii) u l-perentì (Varanus giganteus).
Mis-27 speċi ta’ mammiferi li hemm fil-park, sitta ġew introdotti: il-ġurdien (Mus musculus), il-ġemel (Camelus dromedarius), il-volpi, il-qattus, il-kelb u l-fenek. Dawn l-ispeċijiet huma mifruxin fil-park kollu, iżda d-densitajiet tagħhom huma l-ikbar ħdejn iż-żoni fejn jgħaddi l-ilma tax-xita ta’ Uluru u ta’ Kata Tjuta.
Il-flora tal-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu–Kata Tjuṯa tirrappreżenta porzjon kbir tal-pjanti li jinsabu fl-Awstralja Ċentrali. Għadd minn dawn l-ispeċijiet jitqiesu bħala rari u ristretti fil-park jew fir-reġjun immedjat. Fil-park jinsabu bosta pjanti rari u endemiċi.
It-tkabbir u r-riproduzzjoni tal-komunitajiet tal-pjanti jiddependu fuq l-ilma tax-xita li tinżel b’mod irregolari. Xi pjanti kapaċi jirreżistu n-nar u wħud jiddependu proprju fuq in-nar biex jirriproduċu. Il-pjanti huma parti importanti ta’ Tjukurpa, u jsiru ċerimonji għal kull wieħed mill-ikel ewlieni tal-pjanti. Bosta pjanti huma assoċjati ma’ spirti tal-antenati.
Il-flora fil-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu-Kata Tjuṯa tista’ tinqasam fil-kategoriji li ġejjin:
- Punu – siġar,
- Puti – arbuxelli,
- Tjulpun-tjulpunpa – fjuri, u
- Ukiri – ħaxix.
Is-siġar bħall-mulga u l-Corymbia opaca jintużaw għall-produzzjoni tal-għodod bħall-ponot tal-lanez, bumerangs, u skutelli. Il-likwidu ħamrani tal-Corymbia opaca jintuża bħala diżinfettant u bħala inalant kontra s-sogħla u l-irjiħat.
Fil-park jinsabu diversi speċijiet rari u fil-periklu ta’ estinzjoni. Il-biċċa l-kbira minnhom, bħall-felċi Ophioglossum, huma ristretti għaż-żoni bl-indewwa fil-bażi tal-formazzjoni tal-blat, li huma żoni li jżuruhom ħafna viżitaturi u huma soġġetti għall-erożjoni.
Mill-wasla tal-ewwel Ewropej, 34 speċi ta’ pjanti eżotiċi ġew iddokumentati fil-park, li jirrappreżentaw madwar 6.4 % tal-flora totali tal-park. Uħud, bħall-ħaxix perenni (Cenchrus ciliaris), ġew introdotti għar-riabilitazzjoni taż-żoni li kienu nqerdu bl-erożjoni. Din hija l-iktar ħaxix ħażin li jhedded flora oħra tal-park għaliex hija invażiva tant li laħqet is-sorsi tal-ilma u tal-iskular tan-nutrijenti. Ftit oħra, bħaċ-Cenchrus echinatus, inġabu inċidentalment mill-karozzi u min-nies.
Klima u ħames staġuni
immodifikaIl-park għandu klima sħuna tad-deżert u jkollu xita medja ta’ 284.6 millimetru fis-sena. It-temperatura għolja medja fis-sajf (Diċembru-Jannar) hija 37.8 °C (100.0 °F), u t-temperatura baxxa medja fix-xitwa (Ġunju-Lulju) hija 4.7 °C (40.5 °F). It-temperaturi rekord fil-park kienu 46 °C (115 °F) matul is-sajf u −5 °C (23 °F) matul ix-xitwa. Il-livelli tal-UV huma estremi bejn Ottubru u Marzu, b’medja ta’ bejn 11 u 15 fl-indiċi UV.
L-Aboriġini lokali jirrikonoxxu ħames staġuni:
- Wanitjunkupai (April/Mejju) – temp iktar frisk
- Wari (Ġunju/Lulju) – temp kiesaħ bi ġlata kmieni filgħodu
- Piriyakutu (Awwissu/Settembru/Ottubru) – l-annimali jitgħammru u l-pjanti tal-ikel jarmu l-fjuri
- Mai Wiyaringkupai (Novembru/Diċembru) – temp sħun meta l-ikel isir skars
- Itjanu (Jannar/Frar/Marzu) – maltempati sporadiċi li jiffurmaw f’daqqa waħda
Data klimatika għal Yulara Aero | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord °C (°F) | 46.4
(115.5) |
45.8
(114.4) |
42.9
(109.2) |
39.6
(103.3) |
35.7
(96.3) |
36.4
(97.5) |
31.1
(88.0) |
35.0
(95.0) |
38.7
(101.7) |
42.3
(108.1) |
45.0
(113.0) |
47.0
(116.6) |
47.0
(116.6) |
Temp. għolja medja °C (°F) | 38.4
(101.1) |
36.9
(98.4) |
34.4
(93.9) |
29.8
(85.6) |
24.2
(75.6) |
20.4
(68.7) |
20.4
(68.7) |
23.7
(74.7) |
28.8
(83.8) |
32.4
(90.3) |
35.1
(95.2) |
36.5
(97.7) |
30.1
(86.2) |
Temp. baxxa medja °C (°F) | 22.7
(72.9) |
22.1
(71.8) |
19.3
(66.7) |
14.4
(57.9) |
9.3
(48.7) |
5.6
(42.1) |
4.4
(39.9) |
5.9
(42.6) |
10.7
(51.3) |
15.0
(59.0) |
18.4
(65.1) |
20.8
(69.4) |
14.1
(57.4) |
Temp. baxxa rekord °C (°F) | 12.7
(54.9) |
12.1
(53.8) |
8.0
(46.4) |
1.3
(34.3) |
1.1
(34.0) |
−1.8
(28.8) |
−3.6
(25.5) |
−2.2
(28.0) |
−1
(30) |
4.5
(40.1) |
6.5
(43.7) |
9.9
(49.8) |
−3.6
(25.5) |
Xita medja mm (pulzieri) | 25.8
(1.02) |
39.6
(1.56) |
35.1
(1.38) |
14.7
(0.58) |
13.0
(0.51) |
17.4
(0.69) |
18.4
(0.72) |
4.3
(0.17) |
7.4
(0.29) |
20.7
(0.81) |
34.2
(1.35) |
40.2
(1.58) |
274.6
(10.81) |
Medja ta’ jiem ta’ xita (≥ 1 mm) | 3.2 | 2.9 | 2.0 | 1.7 | 1.8 | 1.6 | 1.9 | 1.0 | 1.4 | 2.7 | 3.9 | 4.7 | 28.8 |
Sors: Uffiċċju tal-Meteoroloġija |
Sit ta’ Wirt Dinji
immodifikaIl-Park Nazzjonali ta’ Uluṟu-Kata Tjuṯa ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987 u t-territorju ddeżinjat tal-park ġie estiż fl-1994.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit naturali ġie rikonoxxut abbażi ta’ erba’ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”; il-kriterju (vi) “Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma’ avvenimenti jew ma’ tradizzjonijiet ħajjin, ma’ ideat jew ma’ twemmin, jew ma’ xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta’ valur universali straordinarju”; il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; u l-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”.[3]
Referenzi
immodifika- ^ "Place Names Register". www.ntlis.nt.gov.au. Miġbur 2021-06-22.
- ^ "Uluru-Kata Tjuta National Park". parksaustralia.gov.au (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-22.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Uluru-Kata Tjuta National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-22.
- ^ Issacs, Jennifer (1980). Australian Dreaming: 40,000 Years of Aboriginal History. Sydney: Lansdowne Press. pp. 40-41. ISBN 0-7018-1330-X.
- ^ a b ċ d e f ġ g Young, David N.; Duncan, N.; Camacho, A.; Ferenczi, P.A.; Madigan, T.L.A. (2002). Ayers Rock, Northern Territory, Map Sheet GS52-8 (2nd edition) (Map). 1:250 000. Northern Territory Geological Survey. Geological Map Series Explanatory Notes.
- ^ Twidale, C. R.; Campbell, Elizabeth M. (2005). Australian Landforms. Rosenberg. p. 141. ISBN 1-877058-32-7.
- ^ Quinn, Joyce Ann; Woodward, Susan L., eds. (2015). Earth's Landscape: An Encyclopedia of the World's Geographic Features. ABC-CLIO. pp. 719–720. ISBN 978-1-61069-446-9.
- ^ Neuendorf, Klaus K.E.; Mehl Jr., James P.; Jackson, Julia A., eds. (2005). Glossary of Geology (5th ed.). Alexandria, VA: American Geological Institute. ISBN 0-922152-76-4.
- ^ a b ċ d e Sweet, I.P.; Crick, I.H. (1992). Uluru & Kata Tjuta: A Geological History (Monograph). Canberra: Australian Geological Survey Organisation. ISBN 0-644-25681-8.
- ^ "Geology". web.archive.org. 2007-10-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-28. Miġbur 2021-06-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Uluṟu–Kata Tjuṯa Board of Management (2000). Uluṟu–Kata Tjuṯa National Park Plan of Management (PDF) (4th ed.). Canberra: Environment Australia. ISBN 0-642-54673-8.
- ^ "War in the wild: Australian conservationists battle feral cats". Nikkei Asia (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-22.
- ^ "DIPL" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-08-06. Miġbur 2021-06-22.